3.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 202/10 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 927/2007
tat-2 ta’ Awwissu 2007
dwar miżura tranżitorja li tirrigwardja t-trattament ta' prodotti sekondarji tal-produzzjoni ta' l-inbid previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta' l-inbid 2007/2008 fir-Rumanija
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija,
Wara li kkunsidrat l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 41 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1), il-persuni fiżiċi jew legali jew grupp ta' persuni li jkunu għamlu l-inbid, huma meħtieġa li jikkonsenjaw għad-distillazzjoni l-prodotti sekondarji kollha ta' dik il-produzzjoni ta' l-inbid. Mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-1 ta’ Jannar 2007 mal-Komunità, dan l-obbligu japplika wkoll lill-produtturi ta' l-inbid f'dan l-Istat Membru, minkejja li din il-prattika mhijiex tradizzjonali fir-Rumanija. |
(2) |
Bir-rispett ta' dan l-obbligu jitqies li hemm distilleriji lesti li jwettqu d-distillazzjoni, sostnuta mill-għajnuna finanzjarja Komunitarja. Filwaqt li dawn id-distilleriji żviluppaw fl-Istati Membri tal-Komunità hekk kif kienet ikkostitwita fil-31 ta’ Diċcembru 2006, fejn dan l-obbligu ilu jeżisti għal bosta snin, fir-Rumanija stuttura industrijali tali għadha ma teżistix għad-distillazzjoni. |
(3) |
Mod ieħor kif il-prodotti sekondarji jiġu ttrattati huwa li jiġu rtirati taħt superviżjoni kif ipprattikat f'diversi Stati Membri. |
(4) |
Għaldaqstant, jeħtieġ li, billi attwalment għal raġunijiet prattiċi d-distillazzjoni ma tistax issir, il-produtturi Rumeni jkunu eżenti għal ċertu żmien mill-obbligu ta' distillazzjoni u li dan jiġi sostitwit mill-obbligu ta' rtirar taħt superviżjoni, fil-kundizzjonijiet definiti mill-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 tal-25 ta’ Lulju 2000 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-suq (2). |
(5) |
Il-miżuri pprovduti minn dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' ġestjoni għall-inbejjed, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għas-sena 2007/2008, il-persuni fiżiċi jew legali jew gruppi ta' persuni li jipproċessaw l-għeneb maħsud fir-Rumanija għandhom jirtiraw il-prodotti sekondarji ta' dan l-ipproċessar taħt superviżjoni u fil-kundizzjonijiet definiti mill-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 2 ta’ Awwissu 2007.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2016/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 38).