30.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 172/48


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 759/2007

tad-29 ta’ Ġunju 2007

li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja fuq l-importazzjoni taz-zalzetti li joriġinaw mill-Iżlanda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2759/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tal-majjal (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu.

Billi:

(1)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda rigward preferenzi kummerċjali addizzjonali fil-prodotti agrikoli skond l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/138/KE (3), jipprovdi għall-ftuħ mill-Komunità ta’ kwota tariffarja annwali ta’ 100 tunnellata zlazet li joriġinaw mill-Iżlanda.

(2)

Il-Ftehim jispeċifika li l-kwota tariffarja għandha tapplika annwalment u l-importazzjoni għalhekk għandha titmexxa abbażi tas-sena kalendarja. Madankollu, peress li l-Ftehim huwa applikabbli mill-1 ta’ Marzu 2007, il-kwantità annwali għall-2007 għandha tiġi aġġustata kif jixraq.

(3)

Il-Ftehim jispeċifika li l-ftuħ tal-kwota tariffarja għandu jsir mill-1 ta’ Lulju, abbażi tad-disa' xhur għall-2007. Dan ir-Regolament għalhekk għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

(4)

Il-kwota tariffarja għandha titmexxa fuq il-bażi tal-prinċipju – min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel. Dan għandu jsir skond l-Artikoli 308a, 308b, u 308ċ(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (4).

(5)

Peress li l-kwota taħt dan ir-Regolament ma tippreżentax riskju ta’ tfixkil tas-suq, għall-bidu għandha titqies bħala waħda mhux kritika fl-ambitu ta’ l-Artikolu 308ċ tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Għalhekk, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom ikunu awtorizzati joħorġu eżenzjoni minn dan ir-rekwiżit għas-sigurtà fir-rigward ta’ oġġetti inizjalment importanti taħt dawk il-kwoti skond l-Artikoli 308ċ(1) u 248(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u l-Artikolu 308ċ(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament ma għandhomx japplikaw.

(6)

Għandu jiġi ċċarat liema tip ta’ prova li tiċċertifika l-oriġini tal-prodotti għandha tiġi pprovduta mill-operaturi sabiex jibbenefikaw mill-kwota tariffarja skond is-sistema li min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel.

(7)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal-laħam tal-majjal,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   B'dan tinfetaħ kwota tariffarja tal-Komunità għaz-zlazet tal-kodiċi NM 1601 li joriġinaw mill-Iżlanda (minn issa 'l quddiem “il-kwota tariffarja”), kif stipulat fil-Ftehim bejn il-Komunità u l-Iżlanda kif approvat bid-Deċiżjoni 2007/138/KE.

Il-kwota tariffarja għandha tinfetaħ annwalment għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

In-numru ta’ l-ordni tal-kwota tariffarja għandu jkun 09.0809.

2.   Il-kwantità annwali, f'piż nett, taz-zlazet impurtati taħt il-kwota tariffarja, kif ukoll id-dazju tad-dwana applikabbli huma stipulati fl-Anness.

Għas-sena 2007, il-kwantità disponibbli għandha tkun ta’ 75 tunnellata.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja għandha titmexxa skond l-Artikoli 308a, 308b u 308ċ(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. L-Artikolu 308ċ(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament m'għandhomx japplikaw.

Artikolu 3

Biex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1 u mmexxija skond l-Artikolu 2, prova valida ta’ l-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Iżlanda għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Komunità skond ir-regoli li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Artikoli 55 sa 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 29.

(3)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 28.

(4)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


ANNESS

ZALZETT

Kwota tariffarja tal-Komunità għall-Iżlanda

Kodiċi NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Numru ta' l-ordni

Kwantità annwali

(piż nett)

Rata tad-dazju

1601 00

Zalzett u prodotti simili, ta' laħam, fdal tal-laħam jew demm preparazzjonijiet ta' l-ikel ibbażati fuq dawn il-prodotti

09.0809

100 tunnellata

0