29.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 225/1


REGOLI TAL-PROĊEDURA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

tal-25 ta' Lulju 2007

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA,

wara li ra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 225 A tiegħu,

wara li ra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u, b'mod partikolari, l-Artikolu 140 B tiegħu,

wara li ra l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u, b'mod partikolari, l-Anness I tiegħu,

wara li ra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, KEEA, tat-2 ta' Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, (1)

wara l-qbil tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara l-approvazzjoni tal-Kunsill mogħtija fid-19 ta' April 2007, (*)

wara li kkunsidra li:

(1)

Huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jistabbilixxi r-Regoli tal-Proċedura tiegħu bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja u bl-approvazzjoni unanima tal-Kunsill.

(2)

Hemm lok li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet previsti għall-funzjonament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mit-Trattati, mill-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Anness I ta' l-imsemmi Statut u mid-Deċiżjoni 2004/752 kif ukoll li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha li huma necessarji sabiex dawn l-atti jiġu applikati, ippreċiżati u kkompletati safejn dan huwa meħtieġ.

(3)

Hemm lok li jiġu previsti proċeduri għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huma jikkonformaw mal-bżonnijiet ta' qorti ta' l-ewwel istanza u ma' l-inkarigu li ngħatalu li jiddeċiedi skond regoli li huma adattati għall-aspetti partikolari tal-kontenzjuż li huwa jittratta, filwaqt li jeżamina l-possibbiltajiet ta' ftehim bonarju dwar il-kontroversji f'kull fażi tal-proċedura.

(4)

Ikun tajjeb, sabiex tiġi żgurata l-unità u l-koerenza tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi, li r-regoli applikabbli għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jvarjawx, aktar milli hu neċessarju, mir-regoli applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, adottati fid-19 ta' Ġunju 1991, (2) kif sussegwentement emendati, kif ukoll għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza bis-saħħa tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, adottati fit-2 ta' Mejju 1991, (3) kif sussegwentement emendati.

JADOTTA DAN LI ĠEJ:

REGOLI TAL-PROĊEDURA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI

Artikolu 1

Tifsiriet

1.   Fid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli:

it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa msejjaħ “Trattat KE”;

it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (Euratom) huwa msejjaħ “Trattat KEEA”;

il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa msejjaħ “Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja”,

ir-Regolament li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej huwa msejjaħ ir-“Regolamenti tal-Persunal”;

2.   Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli:

“Tribunal” tfisser it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta' kawżi ttrattati minn Awla jew minn Imħallef uniku, din l-Awla jew dan l-Imħallef;

“President tat-Tribunal” tfisser esklużivament il-President tat-Tribunal, filwaqt li “President” tfisser il-president tal-kulleġġ ġudikanti;

“istituzzjonijiet” tfisser l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet u tal-korpi, stabbiliti mit-Trattati jew minn att adottat sabiex jimplementahom, u li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal.";

L-EWWEL TITOLU

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAT-TRIBUNAL

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IL-PRESIDENZA U L-MEMBRI TAT-TRIBUNAL

Artikolu 2

Terminu tal-kariga ta' l-Imħallfin

1.   It-terminu tal-kariga ta' Mħallef jibda jiddekorri mid-data stabbilita għal dan l-għan fl-att tal-ħatra.

2.   Jekk l-att tal-ħatra ma jistabbilixxix data, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data ta' dan l-att.

Artikolu 3

Teħid tal-ġurament

1.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin jieħdu l-ġurament li ġej quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej:

Jiena naħlef li naqdi d-dmirijiet tiegħi b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza; jiena naħlef li nżomm sigrieti d-deliberazzjonijiet tal-Qorti.”

2.   Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement li jirrispettaw, matul il-perijodu tal-kariga tagħhom u wara t-tmiem tagħha, l-obbligi li joħorġu minnha, b'mod partikolari l-obbligi ta' onestà u ta' diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, wara t-tmiem ta' din il-kariga, ta' ċerti ħatriet u ta' ċerti benefiċċji.

Artikolu 4

Revoka mill-kariga u skwalifika ta' Mħallef

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mitluba, wara li tikkonsulta mat-Tribunal, tiddeċiedi jekk Imħallef għadux jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, il-President tat-Tribunal għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat jidher in camera sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

2.   L-opinjoni tat-Tribunal għandha tkun motivata.

3.   L-opinjoni li tikkonstata li Mħallef m'għadux jissodisfa r-rekwiżiti meħtiega jew li m'għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, għandha tkun sostnuta ta' l-anqas mill-maġġoranza tal-voti ta' l-Imħallfin tat-Tribunal. F'dan il-każ, id-distribuzzjoni tal-voti tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Il-vot ikun sigriet u l-Imħallef ikkonċernat ma jiħux sehem fid-deliberazzjoni.

Artikolu 5

Ordni tal-preċedenza

1.   Bl-eċċezzjoni tal-President tat-Tribunal u tal-Presidenti ta' l-Awli, l-ordni tal-preċedenza fost l-Imħallfin huwa stabbilit, mingħajr distinzjoni, skond l-anzjanità tagħhom fil-kariga.

2.   Fil-każ li jkun hemm l-istess anzjanità fil-kariga, il-preċedenza għandha tkun stabbilita skond l-età.

3.   Dawk l-Imħallfin li, fi tmiem il-kariga tagħhom, jerġgħu jiġu maħtura jżommu l-preċedenza li kellhom qabel.

Artikolu 6

Elezzjoni tal-President tat-Tribunal

1.   Skond l-Artikolu 4(1) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tat-Tribunal għal terminu ta' tliet snin. Dan it-terminu jista' jiġġedded.

2.   Fil-każ li l-mandat tal-President tat-Tribunal jintemm qabel ma jiskadi t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3.   Fl-elezzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu, il-vot għandu jkun sigriet. L-Imħallef li jikseb il-maġġoranza assoluta jiġi elett. Fil-każ li ebda Mħallef ma jikseb il-maġġoranza assoluta, għandu jittieħed vot sigriet ieħor u l-Imħallef li jikseb l-akbar numru ta' voti jiġi elett. Fil-każ li jkun hemm l-istess numru ta' voti, l-Imħallef li jkun l-aktar anzjan fl-età jiġi elett.

4.   L-isem tal-President tat-Tribunal elett għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Setgħat tal-President tat-Tribunal

1.   Il-President tat-Tribunal imexxi l-attivitajiet u d-dipartimenti tat-Tribunal.

2.   Huwa jippresjedi s-seduti u d-deliberazzjonijiet in camera:

tas-seduta plenarja;

ta' l-Awla b'ħames Imħallfin;

ta' kull Awla bi tliet Imħallfin li huwa jagħmel parti minnha.

Artikolu 8

Sostituzzjoni tal-President tat-Tribunal

Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President tat-Tribunal jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta' din il-kariga għandhom jitwettqu skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 5.

It-Tieni Kapitolu

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 9

Kulleġġi ġudikanti

It-Tribunal għandu jiddeċiedi f'Seduta Plenarja, f'Awla b'ħames Imħallfin, f'Awli bi tliet Imħallfin jew permezz ta' Mħallef uniku skond l-Artikolu 4(2) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 10

Kostituzzjoni ta' l-Awli

1.   It-Tribunal għandu jikkostitwixxi Awli bi tliet Imħallfin. Huwa jista' jikkostitwixxi Awla b'ħames Imħallfin.

2.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni ta' l-Imħallfin lill-Awli. Jekk in-numru ta' Mħallfin assenjati lil Awla jkun akbar min-numru ta' Mħallfin li jikkostiwixxuha, huwa għandu jiddeċiedi dwar il-metodu ta' kif għandhom jiġu nnominati l-Imħallfin li jipparteċipaw fil-kulleġġ ġudikanti.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Presidenti ta' l-Awli

1.   Skond l-Artikolu 4(3) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallfin jeleġġu minn fosthom, għal tliet snin, il-Presidenti ta' l-Awli bi tliet Imħallfin. L-elezzjoni ssir skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3). Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) u (4) huma applikabbli.

3.   Il-Presidenti ta' l-Awli jmexxu x-xogħol ta' l-Awla tagħhom u jippresjedu s-seduti u d-deliberazzjonijiet tagħha.

4.   Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President ta' Awla jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, l-Awla tiġi ppresjeduta minn membru tagħha skond l-ordni tal-preċedenza stabbilit skond l-Artikolu

5.   Jekk il-President tat-Tribunal ikollu, eċċezzjonalment, jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti, huwa jippresjedih.

Artikolu 12

Kulleġġ ġudikanti ordinarju – Assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli

1.   Bla ħsara għall-Artikoli 13 u 14, it-Tribunal għandu jiltaqa' f'Awli b'ħames Imħallfin.

2.   It-Tribunal għandu jistabbilixxi l-kriterji li jirregolaw it-tqassim tal-kawżi bejn l-Awli.

3.   Id-deċiżjoni prevista fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Rinviju ta' kawża lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla b'ħames Imħallfin

1.   Meta l-kumplessità tal-kwistjonijiet tad-dritt imqajma minn kawża, l-importanza tagħha jew ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw dan, kawża tista' tintbagħat lis-Seduta Plenarja jew lil Awla b'ħames Imħallfin.

2.   Id-deċiżjoni ta' rinviju għandha tiġi adottata mit-Tribunal f'Seduta Plenarja, fuq proposta ta' l-Awla li jkollha l-kawża quddiemha jew ta' kwalunkwe membru tat-Tribunal. Hija tista' tiġi adottata f'kull waqt.

Artikolu 14

Rinviju ta' kawża lil Imħallef uniku

1.   Il-kawżi assenjati lil Awla bi tliet Imħallfin jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur bħala Mħallef uniku meta jkun il-każ fid-dawl tan-nuqqas ta' diffikultà fil-kwistjonijiet ta' dritt jew ta' fatt imressqa, ta' l-importanza limitata tal-kawża u n-nuqqas ta' ċirkustanzi partikolari oħra.

Ir-rinviju lil Imħallef uniku ma jistax iseħħ fil-każ ta' kawżi li jqajmu kwistjonijiet li jirrigwardaw il-legalità ta' att ta interess ġenerali.

2.   Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tittieħed unanimament, wara li jinstemgħu l-partijiet, mill-Awla li quddiemha tkun qed tinstema' l-kawża. Hija tista' tittieħed f'kull waqt matul il-proċedura.

3.   Fil-każ ta' assenza jew impediment ta' l-Imħallef uniku li lilu tkun ġiet assenjata kawża, il-President għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jissostitwih.

4.   L-Imħallef uniku għandu jibgħat lura l-kawża quddiem l-Awla jekk jikkonstata li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux sodisfatti.

5.   Fil-kawżi li jidhru quddiem Imħallef uniku, is-setgħat tal-President għandhom jiġu eżerċitati minn dan l-Imħallef.

It-Tielet Kapitolu

FUQ IR-REĠISTRU U FUQ ID-DIPARTIMENTI

L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistru

Artikolu 15

Ħatra tar-Reġistratur

1.   It-Tribunal għandu jaħtar ir-Reġistratur.

2.   Ġimagħtejn qabel id-data stabbilita għall-ħatra, il-President tat-Tribunal għandu jinforma lill-Imħallfin bl-applikazzjonijet li jkunu ġew ippreżentati.

3.   Il-ħatra għandha sseħħ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3).

4.   L-isem tar-Reġistratur għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Ir-Reġistratur jinħatar għal perijodu ta' sitt snin. Huwa jista' jerġa jiġi nnominat.

6.   Qabel ma jibda jaqdi d-dmirijiet tal-kariga tiegħu, ir-Reġistratur għandu jieħu l-ġurament previst fl-Artikolu 3.

Artikolu 16

Tmiem il-kariga tar-Reġistratur

1.   Ir-Reġistratur ma jistax jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief jekk m'għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk m'għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu; it-Tribunal għandu jieħu deċiżjoni wara li jkun ta lir-Reġistratur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

2.   Jekk ir-Reġistratur jieqaf jeżerċita l-kariga qabel ma jiskadi t-terminu tal-mandat tiegħu, it-Tribunal għandu jaħtar Reġistratur ġdid għal perijodu ta' sitt snin.

Artikolu 17

Assistent Reġistratur

It-Tribunal jista' jaħtar, skond il-proċedura prevista għall-ħatra tar-Reġistratur, Assistent Reġistratur, inkarigat li jassisti r-Reġistratur u li jissostitwih fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 19(4).

Artikolu 18

Assenza jew impediment tar-Reġistratur

Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tar-Reġistratur u, jekk ikun il-każ, ta' l-Assistent Reġistratur jew fil-każ li l-kariga tagħhom tkun vakanti, il-President tat-Tribunal għandu jinnomina uffiċjali jew aġenti oħra sabiex iwettqu d-dmirijiet tar-Reġistratur.

Artikolu 19

Funzjonijiet tar-Reġistratur

1.   Ir-Reġistratur jassisti lit-Tribunal, lill-President tat-Tribunal u lill-Imħallfin fit-twettiq tal-kariga tagħhom. Huwa responsabbli, taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, għall-organizzazzjoni u l-attivitajiet tar-Reġistru

2.   Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli. Huwa responsabbli għall-arkivji u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tat-Tribunal. Taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, ir-Reġistratur huwa inkarigat li jirċievi, jittrażmetti u jħares id-dokumenti kollha, kif ukoll li jwettaq in-notifiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4, 16(1) u 27, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tat-Tribunal.

4.   L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu stabbiliti mit-Tribunal fuq proposta tal-President tat-Tribunal. Huma għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Żamma tar-reġistru

1.   Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru li fih jiġu mniżżla l-atti kollha ta' proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.

2.   Ir-regoli dwar kif għandu jinżamm ir-reġistru għandhom jiġu stabbiliti mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 19(4).

3.   Kull min ikollu interess iġġustifikat jista' jikkonsulta r-reġistru u jikseb kopji jew estratti bi ħlas skond it-tariffi tar-reġistru stabbiliti mit-Tribunal fuq proposta tar-Reġistratur.

4.   Barra minn dan, kull parti fil-kawża tista' tikseb, bi ħlas skond it-tariffi tar-Reġistru, kopji ta' l-atti tal-proċedura u kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

5.   Ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista' jkollha aċċess għall-proċess tal-kawża jew għall-atti proċedurali mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President, wara li jinstemgħu l-partijiet. Din l-awtorizzazzjoni tista' biss tingħata fuq talba bil-miktub flimkien ma' ġustifikazzjoni dettaljata ta' l-interess leġittimu li jiġi kkonsultat il-proċess.

It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti

Artikolu 21

Uffiċjali u Aġenti oħra

1.   L-Uffiċjali u l-aġenti l-oħra inkarigati li jassistu direttament il-President tat-Tribunal, l-Imħallfin u r-Reġistratur għandhom jinħatru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Huma jkunu responsabbli lejn ir-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

2.   Huma għandhom jieħdu l-ġurament segwenti quddiem il-President tat-Tribunal u fil-preżenza tar-Reġistratur:

Jiena naħlef li naqdi bil-lealtà, bid-diskrezzjoni u bil-kuxjenza kollha d-dmirijiet li jiġu fdati lili mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 22

Amministrazzjoni u tmexxija finanzjarja tat-Tribunal

Ir-Reġistratur, flimkien mad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza, u taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, għandu jassigura l-amministrazzjoni, it-tmexxija finanzjarja u l-kontabbiltà tat-Tribunal.

Ir-Raba' Kapitolu

FUQ IL-MOD KIF JAĦDEM IT-TRIBUNAL

Artikolu 23

Dati, ħinijiet u post tas-seduti tat-Tribunal

1.   Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti tat-Tribunal jiġu stabbiliti mill-President.

2.   It-Tribunal jista', għal waħda jew aktar seduti speċifiċi, jagħżel post differenti minn dak fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu.

Artikolu 24

Kworum

It-Tribunal jista' biss validament jiltaqa' jekk il-kworum segwenti jiġi rrispettat:

ħames Imħallfin għas-Seduta Plenarja;

tliet Imħallfin għall-Awla b'ħames Imħallfin u għall-Awli bi tliet Imħallfin.

Artikolu 25

Assenza jew impediment ta' Mħallef

1.   Jekk, minħabba assenza jew impediment ta' Mħallef, ma jintlaħaqx il-kworum, il-President għandu jiddifferixxi s-seduta sakemm l-assenza jew l-impediment jintemmu.

2.   Sabiex jintlaħaq il-kworum ta' Awla, il-President jista' wkoll, jekk dan ikun neċessarju fl-interessi tal-ġustizzja, jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti b'Imħallef ieħor ta' l-istess Awla jew, fin-nuqqas ta' dan, jipproponi lill-President tat-Tribunal li jinnomina Mħallef ta' Awla oħra. L-Imħallef sostitut jinħatar skond min ikun imissu fl-ordni stabbilit fl-Artikolu 5, bl-eċċezzjoni, safejn ikun possibbli, tal-President tat-Tribunal u tal-Presidenti ta' l-Awli.

3.   Jekk il-kulleġġ ġudikanti jkun ikkompletat skond il-paragrafu preċedenti wara s-seduta, għandha tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali.

Artikolu 26

Assenza jew Impediment ta' Mħallef ta' Awla b'ħames Imħallfin qabel is-seduta

Jekk, fl-Awla b'ħames Imħallfin, Imħallef ikun assenti jew ikollu impediment qabel is-seduta, il-President tat-Tribunal għandu jinnomina Mħallef ieħor skond min imissu fl-ordni stabbilit mill-Artikolu 5. Jekk dan in-numru ta' ħames Imħallfin ma jistax jerġa' jintlaħaq, is-seduta tista' xorta waħda tinżamm, sakemm il-kworum jintlaħaq.

Artikolu 27

Deliberazzjonijiet

1.   It-Tribunal jiddelibera in camera.

2.   L-Imħallfin li pparteċipaw fis-seduta biss għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet.

3.   Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 17 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5 ta' l-Anness I ta' l-imsemmi Statut, it-Tribunal jista' biss validament jiddelibera jekk ikun kompost bil-fard.

Jekk, fl-Awla b'ħames Imħallfin jew fis-Seduta Plenarja, in-numru ta' Mħallfin, minħabba assenza jew impediment, ikun numru biż-żewġ, l-Imħallef li jkollu l-anqas grad għoli, skond l-ordni tal-proċedura stabbilita bis-saħħa ta' l-Artikolu 5, għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet sakemm ma jkunx l-Imħallef Relatur. F'dan l-aħħar każ, huwa l-Imħallef li jkollu l-grad eżattament qabel tiegħu li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet.

4.   Kull wieħed mill-Imħallfin preżenti għad-deliberazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.

Fuq talba ta' Mħallef, kull punt jista' jiġi fformulat fil-lingwa li jagħżel hu, u jiġi kkomunikat bil-miktub lit-Tribunal qabel ma jittieħed vot fuqu.

Il-konklużjonijiet adottati wara diskussjoni finali mill-maġġoranza ta' l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tat-Tribunal. Il-voti għandhom jingħataw bl-ordni invers mill-ordni tal-proċedura stabbilita skond l-Artikolu 5.

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil fuq l-iskop u l-kliem li għandu jintuża fil-mistoqsijiet, fuq l-ordni tagħhom jew fuq l-interpretazzjoni ta' vot, għandu jiddeċiedi t-Tribunal.

5.   Meta d-deliberazzjonijiet tat-Tribunal jirrigwardaw kwistjonijiet amministrattivi, ir-Reġistratur għandu jkun preżenti, ħlief jekk it-Tribunal jiddeċiedi mod ieħor.

6.   Meta t-Tribunal jiltaqa' mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, huwa għandu jinkariga lill-Imħallef li huwa l-anqas anzjan fis-sens ta' l-Artikolu 5 sabiex iħejji, jekk ikun hemm bżonn, proċess verbali li għandu jiġi ffirmat mill-President u minn dan l-Imħallef.

Artikolu 28

Ferjat

1.   Bla ħsara għal deċiżjoni speċjali tat-Tribunal, il-ferjat huwa stabbilit kif ġej:

mit-18 ta' Diċembru sa l-10 ta' Jannar,

mill-Ħadd ta' qabel l-Għid sat-tieni Ħadd ta' wara l-Għid,

mill-15 ta' Lulju sal-15 ta' Settembru.

2.   Matul il-ferjat, il-funzjonijiet tal-presidenza tat-Tribunal jiġu eżerċitati fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, jew mill-President tat-Tribunal innifsu, li jżomm kuntatt mar-Reġistratur, jew minn President ta' Awla jew Imħallef ieħor li jiġi mitlub mill-President sabiex jissostitwih.

Il-President tat-Tribunal jista', fil-każ ta' urġenza, ilaqqa' l-Imħallfin.

3.   It-Tribunal għandu josserva l-jiem ta' vakanza legali tal-post fejn għandu s-sede tiegħu.

4.   It-Tribunal jista', għal raġunijiet validi, jagħti lill-Imħallfin permess sabiex jieħdu l-leave.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 29

Sistema lingwistika

Bis-saħħa ta' l-Artikolu 64 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 7(2) ta' l-Anness I ta' l-imsemmi Statut, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar is-sistema lingwistika huma applikabbli għat-Tribunal.

Is-Sitt Kapitolu

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-PARTIJIET

Artikolu 30

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet

1.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet li jidhru quddiem it-Tribunal jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda minnu permezz ta' ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawża jew il-partijiet.

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet igawdu mill-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a)

l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta' kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lit-Tribunal sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b)

ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

c)

ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn ikun neċessarju għat-twettiq ta' l-inkarigu tagħhom.

3.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma mogħtija esklużivament fl-interess tal-kawża.

4.   It-Tribunal jista' jneħħi l-immunità meta jidhirlu li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.

Artikolu 31

Funzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet

Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 30, il-persuni interessati għandhom jagħtu qabel kollox prova tal-funzjoni tagħhom:

a)

fil-każ ta' l-aġenti, permezz ta' dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li tiegħu għandu minnufih jibgħat kopja lir-Reġistratur;

b)

fil-każ tal-konsulenti u ta' l-avukati, permezz ta' dikjarazzjoni ffirmata mir-Reġistratur. Il-validità ta' din id-dikjarazzjoni għandha tkun limitata għal terminu stabbilit; hija tista' tiġi pprorogata jew imqassra skond it-tul tal-proċedura.

Artikolu 32

Esklużjoni mill-proċedura

1.   Jekk it-Tribunal iqis li rappreżentant ta' parti jġib ruħu quddiem it-Tribunal, il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur b'mod li jmur kontra d-dekor tat-Tribunal jew ir-rekwiżiti ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew li dan ir-rappreżentant juża xi drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħata dawn id-drittijiet, huwa għandu jinforma lill-persuna kkonċernata b'dan. It-Tribunal jista' jinforma lill-awtoritajiet kompetenti li taħthom tkun taqa' l-persuna kkonċernata b'dan; kopja ta' l-ittra mibgħuta lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lil dan ta' l-aħħar.

Għall-istess raġunijiet, it-Tribunal jista', f'kull ħin, jeskludi l-persuna kkonċernata mill-proċedura. Dan id-digriet huwa eżekuttiv b'effett immedjat.

2.   Meta rappreżentant ta' parti jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża, il-proċedura tiġi sospiża sa ma jiskadi t-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti interessata tkun tista' tqabbad konsulent jew avukat ieħor.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu rrevokati.

IT-TIENI TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURA

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 33

Punti ġenerali

1.   Il-proċedura bil-miktub tinkludi l-preżentata tar-rikors u tar-risposta, kif ukoll, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41, il-preżentata ta' replika u ta' kontroreplika.

2.   Il-President għandu jistabbilixxi d-dati jew it-termini għall-preżentata ta' l-atti tal-proċedura.

Artikolu 34

Preżentata ta' atti tal-proċedura

1.   L-oriġinal ta' kull att ta' proċedura għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant tal-parti.

Dan l-att, flimkien ma' l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma' ħames kopji għat-Tribunal u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

2.   Barra minn dan, l-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu, fit-termini stabbiliti mit-Tribunal, traduzzjonijiet ta' l-atti tal-proċedura kollha għal-lingwi l-oħra msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1. L-aħħar subparagrafu ta' l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu huwa applikabbli.

3.   Kull att tal-proċedura għandu jiġi ddatat. Għall-finijiet tat-termini tal-proċedura hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li għandha tiġi kkunsidrata.

4.   Ma' kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati in sostenn ta' l-att flimkien ma' nota li telenka l-istess atti u dokumenti.

5.   Jekk, minħabba t-tul ta' att jew ta' dokument, jiġu annessi biss estratti ma' l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4, id-data li fiha kopja ta' l-oriġinal iffirmat ta' att tal-proċedura – inkluża n-nota li telenka l-atti u d-dokumenti prevista mill-paragrafu 4 – tasal fir-Reġistru permezz ta' faks jew permezz ta' kull mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni użat mit-Tribunal, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta' l-att iffirmat, flimkien ma' l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. L-Artikolu 100(3) mhuwiex applikabbli għal dan it-terminu ta' għaxart ijiem.

7.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 sa 4, it-Tribunal jista', b'deċiżjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att ta' proċedura trażmess lir-Reġistratur b'mezz elettroniku jitqies li huwa l-oriġinal ta' dan l-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Rikors

1.   Ir-rikors previst fl-Artikolu 21 ta' l-Istatut għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

f'liema kwalità aġixxa min iffirmah;

c)

id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

d)

is-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikorrent;

e)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta' fatt u ta' dritt imressqa;

f)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

2.   Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun il-każ:

a)

l-att li tiegħu qiegħed jintalab l-annullament;

b)

l-ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-deċiżjoni li biha ngħatat risposta għall-ilment b'indikazzjoni tad-dati tal-preżentata u tan-notifika.

3.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi:

indikazzjoni ta' indirizz għan-notifika fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, bl-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata tirċievi n-notifiki kollha; jew

indikazzjoni ta' kull mezz tekniku ta' komunikazzjoni ieħor li għandu t-Tribunal, li bih ir-rappreżentant tar-rikorrent jaċċetta li jirċievi n-notifiki kollha; jew ukoll

iż-żewġ modi ta' trażmizzjoni ta' notifiki hawn fuq imsemmija.

4.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta' posta reġistrata indirizzata lir-rappreżentant tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunux ġie rregolarizzat. B'deroga għall-Artikolu 99(1) in-notifika għandha titqies li tkun seħħet debitament bid-depożitu ta' l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu.

5.   L-avukat tar-rikorrent għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Artikolu 36

Regolarizzazzjoni

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 35(1)(a), (b) u (c), (2) jew (5), ir-Reġistratur għandu jistabbililxxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu. Fin-nuqqas ta' din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, it-Tribunal għandu jiiddeċiedi jekk in-nuqqas ta' osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 37

Notifika tar-rikors u avviż fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut. Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 36, in-notifika ssir malli r-rikors jiġi rregolarizzat jew, fin-nuqqas ta' dan, malli t-Tribunal ikun laqa' l-ammissibbilità.

2.   Għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li juri d-data tal-preżentata tar-rikors, il-partijiet, is-suġġett u d-deskrizzjoni tal-kawża u t-talbiet tar-rikors.

Artikolu 38

Assenjazzjoni inizjali ta' kawża lil kulleġġ ġudikanti

Meta jiġi ppreżentat rikors, il-President tat-Tribunal jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 12(2).

Għal kull kawża li tiġi assenjata, il-President ta' din l-Awla għandu jipproponi lill-President tat-Tribunal in-nomina ta' Imħallef Relatur; Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi.

Artikolu 39

Risposta

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta risposta. Din ir-risposta għandha tinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

b)

f'liema kwalità aġixxa min iffirma;

ċ)

it-talbiet tal-konvenut;

d)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta' fatt u ta' dritt imressqa;

e)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

L-Artikolu 35(3) u (4) huwa applikabbli.

L-avukat li jassisti l-konvenut għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea

2.   It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 40

Trażmissjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

Meta l-Kunsill jew il-Kummissjoni ma jkunux parti fil-kawża, it-Tribunal għandu jibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta, mingħajr l-annessi għal dawn id-dokumenti, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta' xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 241 tat-Trattat KE jew l-Artikolu 156 tat-Trattat KEEA.

Artikolu 41

Skambju ieħor ta' atti bil-miktub

Skond l-Artikolu 7(3) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal jista' jiddeċiedi, ex officio jew fuq talba motivata tar-rikorrent, li huwa meħtieġ skambju ieħor ta' atti bil-miktub sabiex jiġi kkompletat il-proċess.

Artikolu 42

Preżentazzjoni ta' provi ġodda

Il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom sa tmiem is-seduta, sakemm jagħtu debitament ir-raġunijiet li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

Artikolu 43

Raġunijiet ġodda

1.   Wara l-ewwel skambju ta' atti bil-miktub, il-partijiet jistgħu biss jippreżentaw raġunijiet ġodda jekk dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

2.   Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq raġuni ġdida, kif previst fil-paragrafu preċedenti, il-President jista', wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din ir-raġuni.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raġuni għandha tibqa' rriżervata għas-sentenza finali.

Artikolu 44

Dokumenti u atti – Kunfidenzjalità – Anonimat

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 109(5), it-Tribunal għandu jieħu in kunsiderazzjoni biss dawk id-dokumenti u atti li r-rappreżentanti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom.

2.   Meta t-Tribunal jintalab jivverifika n-natura kunfidenzjali, fir-rigward ta' parti waħda jew diversi partijiet, ta' dokument li jkun jista' jkun rilevanti sabiex tinqata' kontroversja, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet qabel ma tintemm din il-verifika. It-Tribunal jista' jitlob il-preżentata ta' l-imsemmi dokument permezz ta' digriet.

3.   Meta dokument, li l-aċċess għalih ikun ġie miċħud minn istituzzjoni komunitarja, jitressaq quddiem it-Tribunal fil-kuntest ta' rikors li jirrigwarda l-legalità ta' din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra.

4.   Fuq talba motivata jew ex officio, it-Tribunal jista' jħalli barra isem ir-rikorrent jew l-ismijiet ta' persuni oħra li huma ċċitati fil-proċedura, jew ukoll xi informazzjoni fil-pubblikazzjonijiet dwar il-kawża, jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-identità ta' persuna jew il-kontenut ta' din l-informazzjoni jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 45

Rapport preliminari

1.   Wara l-aħħar skambju ta' atti bil-miktub tal-partijiet, il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta r-rapport preliminari tiegħu lit-Tribunal.

2.   Ir-rapport preliminari għandu jinkludi proposti dwar jekk il-kawża teħtieġx miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, fuq il-possibbiltajiet ta' ftehim bonarju dwar il-kontroversja, kif ukoll dwar ir-rinviju eventwali tal-kawża lis-Seduta Plenarja, lill-Awla b'ħames Imħallfin jew lill-Imħallef Relatur li jaqta' l-kawża bħala Mħallef uniku.

3.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta' l-Imħallef Relatur.

Artikolu 46

Konnessjoni bejn il-kawżi – Kawżi li jingħaqdu

1.   Fl-interess ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-President jista', f'kull waqt, wara li jkun sema' lill-partijiet, għal raġunijiet ta' konnessjoni tal-kawżi, jordna, permezz ta' digriet, li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista' jifridhom mill-ġdid. Il-President jista' jirreferi dawn il-kwistjonijiet lit-Tribunal.

2.   Meta kawżi, li jistgħu jiġu magħquda minħabba li hemm konnessjoni bejniethom, ikunu assenjati lil kulleġġi ġudikanti differenti, il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħhom.

3.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawżi magħquda jistgħu jikkonsultaw l-atti tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet fil-kawżi l-oħra kkonċernati fir-Reġistru. Madankollu, il-President jista', fuq talba ta' parti u bla ħsara għall-Artikolu 45(1) u (2), jeskludi atti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-konsultazzjoni.

Artikolu 47

Ordni tas-smigħ tal-kawżi

1.   It-Tribunal jisma' l-kawżi li jkollu quddiemu skond l-ordni ta' kif jinsabu.

2.   Il-President jista', minħabba ċirkustanzi partikulari, jiddeċiedi li tingħata prijorità lil kawża fuq l-oħrajn.

3.   Wara li jisma' l-partijiet, il-President jista', ex officio jew fuq talba ta' waħda mill-partijiet, minħabba ċirkustanzi partikolari, b'mod partikolari sabiex jiffaċilita ftehim bonarju dwar il-kontroversja, jiddeċiedi li l-kawża tiġi ddifferita.

It-Tieni Kapitolu

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 48

Żamma tas-seduta

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta' dawn ir-Regoli li jippermettu lit-Tribunal jiddeċiedi b'digriet, u għall-pargarafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-proċedura quddiem it-Tribunal tinkludi seduta.

2.   Meta jkun hemm skambju ieħor ta' atti bil-miktub u t-Tribunal iqis li ż-żamma ta' seduta mhijiex neċessarja, huwa jista' jiddeċiedi, bil-kunsens tal-partijiet, li jaqta' l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta.

Artikolu 49

Data tas-seduta

Id-data tas-seduta tiġi stabbilita mill-President.

Artikolu 50

Assenza tal-partijiet fis-seduta

Ir-rappreżentanti tal-partijiet, debitament mistiedna għas-seduta, għandhom jinfurmaw ir-Reġistru, fi żmien xieraq, jekk ma jixtiqux jipparteċipaw fiha.

Meta r-rappreżentanti tal-partijiet kollha jkunu indikaw li ma jkunux ser jipparteċipaw fis-seduta, it-Tribunal jista' jiddeċiedi li l-proċedura orali tingħalaq.

Artikolu 51

Seduta

1.   Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni tal-kawża u huwa responsabbli għall-bon ordni waqt is-seduta.

2.   Id-deċiżjoni li kawża tinstema' in camera ġġib magħha l-projbizzjoni li tiġi ppubblikata t-trattazzjoni.

3.   Il-partijiet jistgħu biss jindirizzaw ruħhom lit-Tribunal permezz tar-rappreżentant tagħhom.

4.   Il-President u kull Imħallef jistgħu, matul it-trattazzjoni:

a)

jagħmel xi mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-partijiet;

b)

jistieden lill-partijiet stess jesprimu ruħhom fuq xi aspetti tal-kontroversja.

Artikolu 52

Egħluq il-proċedura orali

1.   Il-President jiddikjara l-għeluq tal-proċedura orali fl-aħħar tat-trattazzjoni.

2.   It-Tribunal jista' jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Artikolu 53

Proċess verbali tas-seduta

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbali għal kull seduta. Dan il-proċess verbali għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Huwa jikkostitwixxi att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

It-Tielet Kapitolu

FUQ IL-MIŻURI TA' ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI

Artikolu 54

Punti ġenerali

1.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji huma intiżi biex jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-preparazzjoni tal-kawżi, l-izvolġiment tal-proċedimenti u s-soluzzjoni tal-kontroversji.

Huma jistgħu jiġu adottati jew emendati f'kull fażi tal-proċedura.

2.   Kull parti tista', f'kull fażi tal-proċedura, tipproponi l-adozzjoni jew l-emenda tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jew tal-miżuri istruttorji. F'dan il-każ, għandhom jinstemgħu l-partijiet l-oħra qabel ma jiġu ordnati dawn il-miżuri.

3.   Meta ċ-ċirkustanzi tal-proċedura hekk jitolbu, l-Imħallef Relatur jew, jekk ikun il-każ, it-Tribunal, għandhom jinfurmaw lill-partijiet bil-miżuri proposti sabiex jagħtuhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom oralment jew bil-miktub.

L-Ewwel Taqsima – Fuq il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura

Artikolu 55

Għan u tipoloġija

1.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura għandhom, b'mod partikolari, l-iskop li:

a)

jiżguraw l-izvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub jew orali u li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-provi;

b)

jiddeterminaw il-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jitolbu miżura istruttorja;

c)

jippreċiżaw l-iskop tat-talbiet kif ukoll tar-raġunijiet u l-argumenti tal-partijiet u jikkjarifikaw il-punti ta' kontroversja bejniethom.

2.   Il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu, b'mod partikolari, jieħdu l-forma ta':

a)

mistoqsijiet li jsiru lill-partijiet;

b)

stedina lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub jew oralment fuq xi aspetti tal-kontroversja;

c)

informazzjoni jew kjarifiki li jintalbu lill-partijiet;

d)

talba għal dokumenti jew għal kull att li għandhom x'jaqsmu mal-kawża;

e)

konvokazzjoni tal-partijiet għal laqgħat.

Artikolu 56

Proċedura

Bla ħsara għall-Artikolu 44(2), il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur, sakemm dan ma jirreferix il-kwistjoni lit-Tribunal minħabba l-portata tal-miżuri in kwistjoni jew minħabba l-importanza tagħhom għas-soluzzjoni tal-kontroversja. Ir-Reġistratur għandu jgħarraf lill-partijiet bihom.

It-Tieni Taqsima – Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 57

Tipoloġija

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 24 u 25 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri istruttorji jinkludu:

a)

id-dehra tal-partijiet stess;

b)

it-talba għal informazzjoni jew tagħrif lil terzi;

ċ)

it-talba lil terzi sabiex jipproduċu dokumenti jew atti dwar il-kawża;

d)

il-provi permezz tax-xhieda;

e)

il-perizja;

f)

l-aċċessi.

Artikolu 58

Proċedura

1.   Il-miżuri istruttorji jiġu deċiżi mit-Tribunal.

2.   Id-deċiżjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(d), (e) u (f) tittieħed permezz ta' digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati, wara li jinstemgħu l-partijiet.

Ir-Reġistratur għandu jassigura li d-deċiżjoni dwar il-miżuri msemmija tiġi mgħarrfa lill-partijiet.

3.   Il-partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt il-miżuri istruttorji.

4.   Jekk it-Tribunal jiddeċiedi li jordna miżura istruttorja u ma jipproċedix huwa stess, huwa għandu jinkariga l-Imħallef Relatur.

5.   Parti tista' dejjem tressaq il-prova kuntrarja jew tippreżenta elaborazzjoni tal-provi mressqa.

It-Tielet Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 59

Taħrika tax-Xhieda

1.   It-Tribunal għandu jordna li ssir verifika ta' ċerti fatti permezz ta' xhieda, ex officio, jew fuq talba ta' waħda mill-partijiet.

It-talba ta' parti biex jiġi eżaminat xhud għandha tindika b'mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ jinstema' u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.

2.   Ix-xhieda, li l-eżami tagħhom jitqies neċessarju, għandhom jiġu mħarrka mit-Tribunal, bis-saħħa ta' digriet li għandu jinkludi:

a)

il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda;

b)

id-data u l-post ta' l-eżami;

c)

l-indikazzjoni tal-fatti li dwarhom ix-xhieda ser jinstemgħu;

d)

jekk ikun il-każ, riferiment għall-provvedimenti meħuda mit-Tribunal għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż li jkunu saru mix-xhieda u għas-sanzjonijiet applikabbli għax-xhieda li jonqsu li jidhru.

3.   It-Tribunal jista', f'każijiet eċċezzjonali, jissuġġetta t-taħrika tax-xhieda li l-partijiet jitolbu li jiġu eżaminati, għall-ħlas ta' somma bħala garanzija għall-ispejjeż intaxxati, li għandha tiġi ddepożitata għand il-kaxxier tat-Tribunal. It-Tribunal għandu jistabbilixxi dan l-ammont.

Il-kaxxier tat-Tribunal għandu jipprovdi bil-quddiem il-fondi neċessarji għall-eżami tax-xhieda mħarrka ex officio.

Artikolu 60

Eżami tax-xhieda

1.   Wara li ssir il-verifika ta' l-identità tax-xhieda, il-President għandu jinfurmahom illi huma jkollhom jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-mod speċifikat fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 63.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mit-Tribunal, u l-partijiet jissejħu sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista', fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 63, qabel ma jixhed, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li ngħid il-verità, il-verità kollha u xejn għajr il-verità.”

It-Tribunal jista', wara li jisma' lill-partijiet, jeżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

3.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbali li jirripproduċi d-depożizzjoni tax-xhieda.

Il-proċess verbali għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat mill-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel ma l-proċess verbali jiġi ffirmat, ix-xhud għandu jingħata l-opportunità jivverifika l-kontenut tal-proċess verbali u jiffirmah.

Il-proċess verbali huwa att awtentiku.

Artikolu 61

Obbligi tax-xhieda

1.   Ix-xhieda, debitament imħarrka, għandhom joqogħdu għat-taħrika u jidhru għas-seduta.

2.   Meta xhud, debitament imħarrek, ma jidhirx quddiem it-Tribunal, dan jista' jikkundannah għal multa ta' mhux aktar minn EUR 5 000 u jordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż għalih.

L-istess multa tista' tingħata lil xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament jew li jagħmel id-dikjarazzjoni solenni li tista' tissostitwixxi tali ġurament.

3.   Ix-xhud li jagħti raġunijiet leġittimi lit-Tribunal jista' jiġi eżentat milli jħallas il-multa li jkun ġie kkundannat għaliha. Il-multa tista' titnaqqas fuq talba tax-xhud meta dan juri illi din hija sproporzjonata għad-dħul tiegħu.

4.   L-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi infurzata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 244 u 256 tat-Trattat KE u l-Artikoli 159 u 164 tat-Trattat KEEA.

Artikolu 62

Perizja

1.   It-Tribunal jista' jordna li ssir perizja, ex officio, jew fuq talba ta' waħda mill-partijiet. Id-digriet li jaħtar il-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jistabbilixxi terminu għall-preżentata tar-rapport tiegħu.

2.   Il-perit għandu jirċievi kopja tad-digriet, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Huwa għandu jkun taħt il-kontroll ta' l-Imħallef Relatur, li jista' jkun preżenti waqt l-investigazzjoni tal-perit u li għandu jinżamm infurmat dwar l-iżvolġiment ta' l-inkarigu ta' l-istess perit.

It-Tribunal jista' jitlob il-ħlas ta' depożitu, minn waħda jew aktar mill-partijiet, bħala garanzija għall-ispejjeż tal-perizja.

3.   Fuq talba tal-perit, it-Tribunal jista' jiddeċiedi li jkompli bl-eżami tax-xhieda skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 60 ta' dawn ir-Regoli.

4.   Il-perit jista' jagħti l-opinjoni tiegħu biss fuq dawk il-punti li jiġu espressament sottomessi lilu.

5.   Wara l-preżentata tar-rapport, it-Tribunal jista' jordna li jinstema' l-perit, wara li jissejħu l-partijiet.

Il-President jista' jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lil-perit.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 63, wara l-preżentata tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej quddiem it-Tribunal:

“Jiena naħlef li qdejt l-inkarigu tiegħi b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa.”

It-Tribunal jista', wara li jisma' lill-partijiet, teżenta lil-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 63

Ġurament

1.   Il-President għandu javża lill-persuni msejħa sabiex jieħdu ġurament quddiem it-Tribunal bħala xhieda jew bħala periti sabiex jgħidu l-verità jew sabiex jaqdu l-kariga tagħhom b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa, u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi penali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta' ksur ta' dan id-dmir.

2.   Ix-xhieda u l-periti għandhom jieħdu l-ġurament previst fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 60(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 62(6) rispettivament, jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.   Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xhieda jew tal-periti tipprovdi l-possibbiltà li, fil-qasam tal-proċedura ġudizzjarja, minbarra l-ġurament, minfloku jew flimkien miegħu, issir dikjarazzjoni li tissostitwixxieh, ix-xhieda u l-periti jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-forom stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi la għall-possibbiltà li jittieħed ġurament u lanqas għall-possibbiltà li ssir din id-dikjarazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

Artikolu 64

Sperġur – Dikjarazzjoni falza tal-perit

1.   It-Tribunal jista' jiddeċiedi li jiddenunzja, lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Anness III tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-Istat membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni penali, kull sperġur jew dikjarazzjoni falza minn perit li jsir taħt ġurament quddiemu, wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 63.

2.   Id-deċiżjoni tat-Tribunal tintbagħat permezz tar-Reġistratur. Hija għandha tesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-denunzja.

Artikolu 65

Rikuża

1.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba inkapaċità, inadegwatezza jew minħabba kull raġuni oħra jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed, li jieħu ġurament jew li jagħmel dikjarazzjoni solenni flok il-ġurament.

2.   Ir-rikuża ta' xhud jew ta' perit għandha ssir fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jaħtar il-perit, permezz ta' att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

Artikolu 66

Ħlas lura ta' l-ispejjeż – Kumpens

1.   Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż ta' vjaġġ u ta' alloġġ tagħhom. Il-kaxxier tat-Tribunal jista' jagħtihom xi ħlas bil-quddiem bħala akkont għal dawn l-ispejjeż.

2.   Ix-xhieda għandhom dritt għal kumpens għal telf ta' qligħ u l-periti għandhom dritt għal onorarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jitħallas mill-kaxxier tat-Tribunal lix-xhieda u lill-periti wara li huma jkunu wettqu d-dmirijiet tagħhom jew l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 67

Ittri Rogatorji

1.   It-Tribunal jista', fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jibgħat ittri rogatorji għall-eżami ta' xhieda jew ta' periti.

2.   L-ittra rogatorja tintbagħat permezz ta' digriet; dan għandu jinkludi l-isem, il-kunjom, il-kwalifika u l-indirizz tax-xhieda jew tal-periti, jindika l-fatti li fuqhom ix-xhieda jew il-periti ser jinstemgħu, jinnomina l-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-indirizz tagħhom u jesponi sommarjament is-suġġett tal-kontroversja.

3.   Ir-Reġistratur jindirizza d-digriet lill-Awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta' l-Istat membru fejn l-eżami tax-xhieda jew tal-periti għandu ssir. Jekk ikun il-każ, flimkien mad-digriet, għandu jibgħat traduzzjoni fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat membru destinatarju.

L-awtorità nnominata fl-applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu tibgħat id-digriet lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-liġijiet tagħha.

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha teżegwixxi t-talba fl-ittra rogatorja skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha. Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tibgħat lill-awtorità nnominata b'applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu, id-digriet bl-ittra rogatorja, id-dokumenti ta' eżekuzzjoni u taxxa ta' l-ispejjeż. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu indirizzati lir-Reġistratur.

Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

4.   L-ispejjeż ta' l-ittra rogatorja jitħallsu mit-Tribunal, sakemm dawn, jekk ikun il-każ, jiġu addebitati lill-partijiet.

Ir-Raba' Kapitolu

FUQ IL-FTEHIM BONARJU DWAR IL-KONTROVERSJI

Artikolu 68

Modalitajiet

1.   It-Tribunal jista', f'kull fażi tal-proċedura, jeżamina l-possibbiltajiet ta' ftehim bonarju dwar il-kontroversja kollha bejn ir-rikorrent u l-konvenut, jew parti minnha, jipproponi soluzzjoni waħda jew diversi soluzzjonijiet li huma ta' natura tali li jġibu l-kontroversja fit-tmiem tagħha u jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiffaċilita ftehim bħal dan.

Huwa jista', b'mod partikolari:

jistieden lill-partijiet jew lil terzi persuni jagħtu informazzjoni jew tagħrif;

jistieden lill-partijiet jew lil terzi persuni jressqu dokumenti;

jistieden għal laqgħat ir-rappreżentanti tal-partijiet, il-partijiet stess jew kull uffiċjal jew aġent li huwa awtorizzat li jinnegozja ftehim eventwali.

2.   Il-paragrafu 1 huwa applikabbli wkoll fil-kuntest ta' proċedura sommarja.

3.   It-Tribunal jista' jinkariga l-Imħallef Relatur, assistit mir-Reġistratur, ifittex ftehim bonarju ta' kontroversja jew jimplementa l-miżuri li jkun adotta għal dan l-għan.

Artikolu 69

Ftehim tal-partijiet

1.   Meta r-rikorrent jew il-konvenut jiftiehmu, quddiem it-Tribunal jew l-Imħallef Relatur, fuq is-soluzzjoni tal-kontroversja, it-termini ta' dan il-ftehim għandhom jiġu kkonstatati fi proċess verbali ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur, kif ukoll mir-Reġistratur. Il-ftehim, kif ikkonstatat mill-proċess verbali, huwa att awtentiku.

Il-kawża titħassar mir-reġistru permezz ta' digriet motivat tal-President.

Il-President jikkonstata, fuq talba tar-rikorrent u tal-konvenut, it-termini tal-ftehim fid-digriet ta' tħassir.

2.   Meta r-rikorrent u l-konvenut jinfurmaw lit-Tribunal li huma waslu għal ftehim, barra mit-Tribunal, fuq is-soluzzjoni li għandha tingħata għall-kontroversja u jippreċiżaw li huma qegħdin jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha tagħhom, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża.

3.   Il-President għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-ftehim, jew, fin-nuqqas ta' dan, liberament.

Artikolu 70

Ftehim bonarju u proċedura ġudizzjarja

Fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, it-Tribunal u l-partijiet ma jistgħux jużaw l-opinjonijiet espressi, is-suġġerimenti fformulati, il-proposti ppreżentati, il-konċessjonijiet magħmula jew id-dokumenti ppreparati fil-kuntest ta' ftehim bonarju.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI U FUQ L-ASTENSJONI FAVUR IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U L-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

Artikolu 71

Każijiet ta' sospensjoni u proċedura

1.   Bla ħsara għall-Artikoli 117(4), 118(4) u 119(4), proċedura pendenti tista' tiġi sospiża:

a)

meta jitressqu quddiem it-Tribunal u l-Qorti tal-Prim'Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament kawżi li jqajmu l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jitqajjem dubju dwar il-validità ta' l-istess att u sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza jew dik tal-Qorti tal-Ġustizzja;

b)

meta jkun tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Qorti tal-Prim'Istanza kontra deċiżjoni tat-Tribunal li tkun qatgħet parti mill-mertu tal-kawża, li tkun waqqfet kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibbiltà, jew li tiċħad talba għal intervent;

c)

fuq talba konġunta tal-partijiet;

d)

f'każijiet partikolari oħra, meta dan ikun meħtieġ fl-interess ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

2.   Id-deċiżjoni ta' sospensjoni tal-proċedura tittieħed b'digriet motivat tal-President; il-President jista' jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

3.   Kull deċiżjoni ta' kontinwazzjoni tal-proċedura qabel ma tiskadi s-sospensjoni jew li tkun imsemmija fl-Artikolu 72(2) għandha tiġi adottata bl-istess metodu.

Artikolu 72

Tul u effetti tas-sospensjoni

1.   Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-digriet ta' sospensjoni jew, fin-nuqqas ta' din l-indikazzjoni, fid-data tad-digriet.

2.   Meta d-digriet ta' sospensjoni ma jkunx stabbilixxa terminu, is-sospensjoni tispiċċa fid-data indikata fid-digriet li bih titkompla l-proċedura jew, fin-nuqqas ta' din l-indikazzjoni, fid-data ta' dan id-digriet.

3.   Matul il-perijodu tas-sospensjoni, l-ebda terminu tal-proċedura ma jiskadi, ħlief it-terminu ta' intervent previst fl-Artikolu 109(1).

It-termini tal-proċedura jergġħu jibdew jiddekorru mill-bidu mid-data li fiha tispiċċa s-sospensjoni.

Artikolu 73

Rinunzja għall-kompetenza

1.   Skond l-Artikolu 8(2) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta t-Tribunal iqis li r-rikors li għandu quddiemu jaqa' fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim'Istanza, huwa għandu jirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti tal-Prim'Istanza.

2.   It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat.

Is-Sitt Kapitolu

FUQ IR-RINUNZJI GĦALL-ATTI, FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET LI M'HEMMX LOK LI TITTIEĦED DEĊIŻJONI U FUQ KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 74

Rinunzja għall-atti

Jekk ir-rikorrent jinforma lit-Tribunal, bil-miktub jew waqt is-seduta, illi huwa għandu l-intenzjoni li jċedi l-atti tal-kawża, il-President għandu jordna li l-kawża titħassar mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 89(5).

Artikolu 75

Deċiżjoni li m'hemmx lok li tittieħed deċiżjoni

Jekk it-Tribunal jikkonstata li r-rikors m'għadx għandu skop u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni, huwa jista', f'kull waqt, ex officio u wara li jisma' l-partijiet, jadotta digriet motivat.

Artikolu 76

Rikors manifestament inammissibbli

Meta t-Tribunal ikun manifestament inkompetenti li jieħu konjizzjoni ta' rikors jew ta' wħud mit-talbiet tiegħu jew meta r-rikors ikun, kollu jew parti minnu, manifestament inammissibbli jew manifestament nieqes minn kull bażi fid-dritt, it-Tribunal jista', mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 77

Inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku

It-Tribunal jista', f'kull waqt, ex officio u wara li jisma' lill-partijiet, jiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku. Jekk it-Tribunal iqis li jkunu ngħataw biżżejjed kjarifiki, huwa jista', mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat.

Artikolu 78

Talba għal deċiżjoni mingħajr ma t-Tribunal jidħol fil-mertu tal-kawża

1.   Talba minn waħda mill-partijiet li titlob lit-Tribunal jieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, inkompetenza jew fuq kwistjoni mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta' att separat. It-talba għal deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà għandha tiġi ppreżentata f'terminu ta' xahar min-notifika tar-rikors.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li fuqhom hija bbażata, it-talbiet u, annessi magħha, id-dokumenti invokati in sostenn tagħha.

2.   Mal-preżentata ta' l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub it-talbiet u l-argumenti ta' fatt u ta' dritt.

Il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm it-Tribunal ma jiddeċidix mod ieħor.

3.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar it-talba permezz ta' digriet motivat jew jinkludiha mal-mertu.

Jekk it-Tribunal jiċħad it-talba jew jinkludiha mal-mertu, il-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għat-tkomplija ta' l-istanza.

4.   It-Tribunal għandu jirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti tal-Prim'Istanza jekk il-kawża tkun taqa' taħt il-kompetenza ta' dawn ta' l-aħħar.

Is-Seba' Kapitolu

FUQ IS-SENTENZI U D-DIGRIETI

Artikolu 79

Sentenza

Is-sentenza għandha tinkludi:

l-indikazzjoni li s-sentenza tkun qiegħda tingħata mit-Tribunal;

id-data ta' meta qed tingħata;

l-ismijiet tal-President u ta' l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw, bl-indikazzjoni ta' l-Imħallef Relatur;

l-isem tar-Reġistratur;

l-indikazzjoni tal-partijiet;

l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-partijiet;

it-talbiet tal-partijiet;

il-fatti fil-qosor;

ir-raġunijiet;

il-parti operattiva, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 80

Qari tas-sentenza

1.   Is-sentenza għandha tingħata f'seduta bil-miftuħ. Il-partijiet għandhom jiġu debitament innotifikati bid-data tal-qari tas-sentenza.

2.   L-oriġinal tas-sentenza, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandha tiġi ssiġillata u ddepożitata fir-Reġistru; ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-partijiet kollha jiġu nnotifikati b'kopja awtentikata tas-sentenza.

3.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tad-data ta' meta s-sentenza ngħatat fuq l-oriġinal tas-sentenza.

Artikolu 81

Digriet

1.   Kull digriet għandu jinkludi:

l-indikazzjoni li d-digriet ikun qiegħed jingħata mit-Tribunal, mill-President tat-Tribunal jew mill-kulleġġ ġudikanti;

id-data ta' meta ġie adottat;

l-isem tal-President u, jekk ikun il-każ, ta' l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tiegħu, bl-indikazzjoni ta' l-Imħallef Relatur;

l-isem tar-Reġistratur;

l-indikazzjoni tal-partijiet;

l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-partijiet;

il-parti operattiva, inkluża, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

2.   Meta dawn ir-Regoli jipprovdu li digriet għandu jkun motivat, huwa għandu jinkludi, barra minn dan:

it-talbiet tal-partijiet;

il-fatti fil-qosor;

ir-raġunijiet.

Artikolu 82

Adozzjoni tad-Digriet

L-oriġinal tad-digriet, iffirmat mill-President, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru; ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-partijiet kollha jiġu nnotifikati b'kopja awtentikata tas-sentenza.

Artikolu 83

Forza legali

1.   Is-sentenza jkollha forza legali mill-ġurnata li tingħata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12(1) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Id-digrieti għandhom forza legali mill-ġurnata li jiġu nnotifikati, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta' dawn ir-Regoli u ta' l-Artikolu 12(1) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 84

Korrezzjoni ta' deċiżjonijiet

1.   L-iżbalji tal-pinna jew fil-kalkoli jew ineżattezzi evidenti jistgħu jiġu kkorreġuti, wara li jinstemgħu l-partijiet, permezz ta' digriet tat-Tribunal, jew ex officio, inkella fuq talba ta' xi parti, li tiġi ppreżentata f'terminu ta' xahar min-notifika tad-deċiżjoni li għandha tiġi kkoreġuta.

2.   L-oriġinal tad-digriet ta' korrezzjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tad-deċiżjoni kkorreġuta. Fil-marġni ta' l-oriġinal tad-deċiżjoni kkorreġuta għandu jsir notament dwar dan id-digriet.

Artikolu 85

Nuqqas ta' deċiżjoni fuq l-ispejjeż

1.   Jekk it-Tribunal ikun naqas milli jiddeċiedi fuq l-ispejjeż, il-parti li għandha l-intenzjoni tinvoka dan għandha tagħmel talba permezz ta' rikors fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni.

2.   Ir-rikors għandu jiġu nnotifikat lill-parti l-oħra u l-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

3.   Wara l-preżentata ta' dawn l-osservazzjonijiet, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-mertu ta' din it-talba.

It-Tmien Kapitolu

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 86

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

Artikolu 87

Allokazzjoni ta' l-ispejjeż – Regoli ġenerali

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba.

2.   Jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, it-Tribunal jista' jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f'dan ir-rigward.

Artikolu 88

Spejjeż fiergħa jew vessatorji

Parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista' tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li jkun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b'mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra ssostni spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Artikolu 89

Allokazzjoni ta' l-ispejjeż – Każijiet partikolari

1.   Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

2.   Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew minħabba raġunijiet eċċezzjonali, it-Tribunal jista' jiddeċiedi li jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

3.   Fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4.   L-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

5.   Il-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti tal-kawża. Madankollu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-aġir ta' l-istess kontroparti.

6.   Fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, it-Tribunal jiddeċiedi liberament dwar l-ispejjeż.

7.   Fil-każ ta' ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, it-Tribunal għandu jiddeċiedi skond dak il-ftehim.

Artikolu 90

Spejjeż ta' infurzar

L-ispejjeż ta' infurzar li parti jkollha ssostni għandhom jitħallsu lura mill-kontroparti skond it-tariffa li tkun fis-seħħ fl-Istat li fih dan l-infurzar jitwettaq.

Artikolu 91

Spejjeż li jistgħu jinġabru

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 94, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru:

a)

l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skond l-Artikolu 66;

b)

l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta' vjaġġ u ta' alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni tar-rappreżentant, jekk dawn l-ispejjeż ikunu indispensabbli.

Artikolu 92

Kontestazzjoni fuq l-ispejjeż

1.   Fil-każ ta' kontestazzjoni dwar l-ammont u n-natura ta' l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, it-Tribunal għandu jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat fuq talba tal-parti kkonċernata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

Skond l-Artikolu 11(2) ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-digriet mhuwiex appellabbli.

2.   Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet ta' eżekuzzjoni, jitolbu kopja eżekuttiva ta' dan id-digriet.

Artikolu 93

Ħlas

1.   Il-kaxxier tat-Tribunal u d-debituri tiegħu għandhom jagħmlu l-pagamenti tagħhom f'Euro.

2.   Meta l-ispejjeż li huma rimborsabbli jkunu saru f'valuta li mhijiex l-Euro jew meta l-atti li jwasslu għall-kumpens twettqu f'pajjiż li m'għandux l-Euro bħala l-valuta tiegħu, it-tisrif tal-flus għandu jsir skond ir-rata tal-kambju ta' riferiment tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum tal-pagament.

Artikolu 94

Spejjeż tal-Qorti

Il-proċedura quddiem it-Tribunal hija bla ħlas, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk it-Tribunal ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b'mod partikolari jekk ir-rikors huwa ta' natura manifestament inġustifikata, hija tista' tikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma dan l-ammont ta' ħlas lura jaqbeż s-somma ta' EUR 2 000;

b)

l-ispejjeż tal-kopji kollha u tat-traduzzjoni mwettqa fuq talba ta' parti, li huma meqjusa żejda mir-Reġistratur, għandhom jitħallsu lura minn din il-parti skond it-tariffa prevista mill-Artikolu 20.

Id-Disa' Kapitolu

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 95

Kundizzjonijiet sostantivi

1.   Sabiex jiġi assigurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-għajnuna legali tingħata għall-proċeduri quddiem it-Tribunal skond ir-regoli segwenti.

L-għajnuna legali tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta ma' l-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem it-Tribunal. Il-kaxxier tal-Tribunal huwa responsabbli għal dawn l-ispejjeż.

2.   Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

3.   L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hi mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

Artikolu 96

Kundizzjonijiet proċedurali

1.   L-għajnuna legali tista' tintalab qabel jew wara l-preżentata ta' rikors.

Mhuwiex meħtieġ li t-talba ssir permezz ta' avukat.

2.   Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jiġġustifikawha, li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta' min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta' din is-sitwazzjoni ekonomika.

Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ma jitressaq ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, l-għan tas-rikors li huwa jrid iressaq, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li jsostnu r-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm id-dokumentazzjoni in sostenn tagħha.

3.   It-Tribunal jista' jiddeċiedi, skond l-Artikolu 120, li l-użu ta' formola sabiex titressaq talba għal għajnuna legali jkun obbligatorju.

Artikolu 97

Proċedura

1.   Qabel ma jiddeċiedi fuq it-talba għal għajnuna legali, it-Tribunal jistieden lill-parti l-oħra sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, sakemm mill-elementi ppreżentati ma jkunx jidher diġà li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 95(2) mhumiex sodisfatti jew li dawk fl-Artikolu 95(3) huma sodisfatti.

2.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali tittieħed permezz ta' digriet mill-President tat-Tribunal jew, jekk il-kawża tkun diġà ġiet assenjata lil Awla, mill-President. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

Id-digriet li jiċħad l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

3.   Fid-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali għandu jinħatar avukat sabiex jirrappreżenta l-parti interessata.

Jekk il-parti interessata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess jew jekk m'hemmx lok li l-għażla tagħha tiġi kkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat inkarigat li jirrappreżenta l-parti li tagħmel it-talba jinħatar fid-dawl tal-proposti trażmessi minn din l-Awtorità.

Id-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali jista' jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti interessata, jew jista' jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista' jinqabeż mill-ispejjeż u l-onorarju ta' l-avukat. Id-digriet jista' jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti interessata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 95(1), filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

4.   Il-preżentata ta' talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tad-digriet li jaħtar l-avukat inkarigat li jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.

5.   Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista' jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta' waħda mill-partijiet, wara li tinstema' l-parti interessata. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

Id-digriet li jirrevoka l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

6.   Id-digrieti mogħtija bis-saħħa ta' dan l-Artikolu mhumiex appellabbli.

Artikolu 98

Pagamenti bil-quddiem – Teħid ta' responsabbiltà għall-ispejjeż

1.   Fil-każ ta' l-ammissjoni għall-benefiċċju ta' l-għajnuna legali, il-President jista', fuq talba ta' l-avukat tal-parti interessata, jiddeċiedi li jsir pagament bil-quddiem lill-avukat.

2.   Meta, bis-saħħa ta' deċiżjoni li taqta' l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji ta' l-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal permezz ta' digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Huwa jista' jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

3.   Meta, fid-deċiżjoni li taqta' l-kawża, it-Tribunal ikun ikkundanna parti oħra tbati l-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-benefiċċju ta' l-għajnuna legali, din il-parti l-oħra tkun marbuta tħallas lura lill-Kaxxier tat-Tribunal dawk l-ammonti li tħallsu bħala għajnuna.

Fil-każ ta' kontestazzjoni jew jekk il-parti, wara talba tar-Reġistratur, ma tħallasx lura dawn l-ammonti, il-President għandu jiddeċiedi permezz ta' digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Il-President jista' jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

4.   Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, it-Tribunal jista', jekk dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż meta taqta' l-kawża, tordna li waħda jew aktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-Kaxxier tat-Tribunal bħala għajnuna legali.

L-Għaxar Kapitolu

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 99

Notifiki

1.   Ir-Reġistratur għandu jassigura li n-notifiki previsti f'dawn ir-Regoli jsiru:

fil-każ ta' għażla ta' indirizz għan-notifika fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, billi tintbagħat kopja ta' l-att li għandu jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata b'dikjarazzjoni ta' rċevuta, jew billi din il-kopja tittieħed personalment taħt l-għotja ta' rċevuta;

fil-każ li, skond l-Artikolu 35(3) jew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 39(1), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata aċċettat li notifiki jsirulha permezz ta' mezz tekniku ta' komunikazzjoni li għandu t-Tribunal, b'dan l-istess mezz.

Il-kopji ta' l-oriġinal li għandu jiġi nnotifikat, għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur ħlief meta l-partijiet infishom jippreżentaw il-kopji skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 34(1).

2.   Jekk ikun meħtieġ, għal raġunijiet tekniċi marbuta b'mod partikolari mal-volum ta' l-att jew jekk l-att li għandu jiġi nnotifikat huwa sentenza jew digriet, l-att għandu jiġi nnotifikat, fin-nuqqas ta' għażla ta' indirizz għan-notifika mid-destinatarju, fl-indirizz tiegħu skond il-proċedura prevista fl-ewwel subinċiż tal-paragrafu 1. Il-persuna li għandha tiġi nnotifikata tiġi avżata b'dan permezz ta' faks jew permezz ta' xi mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni li għandu t-Tribunal. F'dan il-każ, in-notifika ta' din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f'data oħra, jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta' faks jew permezz ta' mezz tekniku ieħor ta' komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.

Il-Ħdax-il Kapitolu

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 100

Kalkolu tat-termini – Żieda ta' terminu għal raġunijiet ta' distanza

1.   It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati KE u KEEA, mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn dawn ir-Regoli għandhom jiġu kalkulati kif ġej:

a)

fejn terminu, li huwa espress f'jiem, f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin, għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att m'għandux jiġi inkluż fit-terminu;

b)

terminu espress f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma' l-iskadenza ta' dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f'terminu espress f'xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinsertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma' tmiem l-aħħar jum ta' dak ix-xahar;

ċ)

meta terminu huwa espress f'xhur u f'jiem, għandhom l-ewwel jitqiesu x-xhur sħaħ u mbagħad il-jiem;

d)

it-termini jinkludu l-jiem ta' vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e)

it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2.   Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta' vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għall-tmiem l-ewwel jum ta' xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta' vakanza legali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea hija applikabbli għat-Tribunal.

3.   It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b'terminu ta' għaxart ijiem għal raġuni ta' distanza.

Artikolu 101

Proroga – Delega tas-setgħa ta' firma

1.   It-termini stabbiliti taħt dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li stabbiliethom.

2.   Il-President jista' jiddelega lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma sabiex jistabbilixxi ċerti termini li huwa jista' jistabbilixxi bis-saħħa ta' dawn ir-Regoli, jew sabiex jipproroga dawn it-termini.

IT-TIELET TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IS-SOSPENSJONI TA' L-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TA' PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 102

Talba għal miżuri provviżorji

1.   Kull talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' att ta' istituzzjoni skond l-Artikoli 242 tat-Trattat KE u 157 tat-Trattat KEEA tkun ammissibbli biss jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b'rikors quddiem it-Tribunal.

Kull talba għal xi waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra taħt l-Artikolu 243 tat-Trattat KE u l-Artikolu 158 tat-Trattat KEEA tkun ammissibbli biss jekk din issir minn parti f'kawża li tinsab quddiem it-Tribunal u jekk din tirreferi għall-kawża msemmija.

Dawn it-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati malli tiġi ppreżentata l-kontestazzjoni prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 91(4) ta' l-imsemmija Regolamenti.

2.   It-talbiet previsti mill-paragrafu preċedenti għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta' fatt u ta' dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba.

3.   It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta' att separat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 u 35.

Artikolu 103

Kompetenza tal-President tat-Tribunal

1.   Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq it-talbiet ippreżentati skond l-Artikolu 102(1).

2.   Fil-każ ta' assenza jew ta' impediment tal-President tat-Tribunal, dan għandu jiġi ssostitwit minn Imħallef ieħor li jiġi nnominat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn deċiżjoni tat-Tribunal ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 104

Proċedura

1.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-kontroparti wara li l-President tat-Tribunal jistabbilixxi terminu qasir għall-preżentazzjoni ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2.   Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, dwar miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji.

3.   Il-President jista' jilqa' t-talba anki qabel ma l-kontroparti tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista' tiġi suċċessivament modifikata jew irrevokata, anki ex officio.

Artikolu 105

Deċiżjoni fuq il-miżuri provviżorji

1.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta' digriet motivat.

2.   L-eżekuzzjoni tad-digriet tista' tiġi ssuġġettata għal depożitu ta' garanzija minn min jagħmel it-talba. L-ammont u n-natura ta' tali garanzija għandhom jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi.

3.   Dan id-digriet jista' jistabbilixxi data minn meta l-miżura ma tibqax fis-seħħ. Jekk din id-data ma tiġix stabbilita, il-miżura tispiċċa mis-seħħ meta tingħata s-sentenza definittiva.

4.   Dan id-digriet għandu natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tat-Tribunal fil-kawża prinċipali.

Artikolu 106

Bidla fiċ-ċirkustanzi

Dan id-digriet jista' jiġi modifikat jew irrevokat f'kull waqt fuq talba ta' parti minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 107

Talba ġdida

Iċ-ċaħda ta' talba għal miżura provviżorja ma żżommx lill-parti li tkun għamlitha milli tippreżenta talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 108

Sospensjoni ta' l-infurzar

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma applikabbli għal talba għal sospensjoni ta' l-infurzar ta' att ta' istituzzjoni, ippreżentata skond l-Artikoli 244 u 256 tat-Trattat KE u l-Artikoli 159 u 164 tat-Trattat KEEA.

Id-digriet li jilqa' t-talba għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, id-data meta l-miżura provviżorja ma tibqax fis-seħħ.

It-Tieni Kapitolu

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 109

Talba għal intervent

1.   Kull talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata qabel ma jiskadi terminu ta' erba' ġimgħat li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż imsemmi fl-Artikolu 37(2).

2.   It-talba għal intervent għandha tinkludi:

a)

l-indikazzjoni tal-kawża;

b)

l-indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża;

ċ)

l-isem u l-indirizz ta' l-intervenjent;

d)

l-għażla ta' l-indirizz għan-notifika ta' l-intervenjent fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu jew l-indikazzjoni ta' mezz tekniku ta' komunikazzjoni tat-Tribunal, li r-rappreżentant jaċċetta li jirċievi n-notifiki kollha bih;

e)

it-talbiet ta' l-intervenjent intiżi in sostenn jew sabiex jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrent;

f)

deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jagħtu d-dritt għall-intervent bis-saħħa tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew fuq il-bażi ta' dispożizzjoni speċifika.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli.

4.   L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 19 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

5.   It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment u jindikaw lir-Reġistru, jekk ikun il-każ, id-dokumenti kollha li huma jqisu sigrieti jew kunfidenzjali u li, konsegwentement, huma ma jixtiqux li jiġu kkomunikati lill-intervenjenti.

6.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent permezz ta' digriet jew għandu jirrinvija t-talba lit-Tribunal. Fil-każ li t-talba tiġi miċħuda, id-digriet għandu jkun motivat.

Artikolu 110

Kundizzjonijiet ta' l-intervent

1.   Jekk jiġi ammess intervent, il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih l-intervenjent għandu jippreżenta s-sottomissjonijiet ta' l-intervent.

2.   L-intervenjent għandu jirċievi kopja ta' l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet. Madankollu, il-President jista', fuq talba ta' parti, jeskludi xi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-komunikazzjoni.

3.   Is-sottomissjonijiet ta' l-intervent għandhom jinkludu:

a)

it-talbiet ta' l-intervenjent;

b)

ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;

ċ)

jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.

4.   It-talbiet ta' l-intervenjent huma biss ammissibbli jekk huma intiżi li jsostnu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta' waħda mill-partijiet.

5.   Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet ta' l-intervent, il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu bil-miktub għal dawn is-sottomissjonijiet jew għandu jistieden lill-partijiet jippreżentaw ir-risposta tagħhom waqt il-proċedura orali.

6.   Fl-applikazzjoni ta' dawn ir-Regoli, l-intervenjent huwa assimilat għal parti, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrarji.

Artikolu 111

Stedina għal intervent

1.   F'kull fażi tal-proċedura, il-President jista', wara li jkun sema' l-partijiet, jistieden lil kull persuna, kull istituzzjoni jew kull Stat Membru li jkunu direttament ikkonċernati fis-soluzzjoni tal-kontroversja sabiex jindikaw lit-Tribunal jekk jixtiqux jintervjenu fil-proċedura. L-avviż imsemmi fl-Artikolu 37(2) għandu jissemma' fl-istedina.

2.   Jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-Istat Membru kkonċernati jindikaw lit-Tribunal, fit-terminu stabbilit mill-President, li huma jixtiequ jintervjenu, il-President għandu jinforma l-partijiet b'dan, sabiex jippermettilhom jindikaw lir-Reġistru, jekk ikun il-każ, id-dokumenti kollha li huma jqisu sigrieti jew kunfidenzjali u li, konsegwentement, huma ma jixtiqux li jiġu kkomunikati lill-persuna jew istituzzjoni kkonċernata.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 110(2) huma applikabbli.

3.   Il-persuna, l-istituzzjoni jew l-Istat Membru kkonċernati għandhom jippreżentaw is-sottomissjonijiet ta' l-intervent tagħhom, f'terminu ta' xahar li jibda' jiddekorri minn meta jiġu kkomunikati l-atti tal-proċedura.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34, 35, 109(2)(a) sa (e) u (4) u 110(3) sa (6) huma applikabbli.

It-Tielet Kapitolu

FUQ L-APPELLI U L-KAWŻI RRINVIJATI WARA LI JIĠU ANNULLATI

Artikolu 112

Kundizzjonijiet ta' l-appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal

Jista' jsir appell quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra s-sentenzi u d-digrieti tat-Tribunal fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 9 sa 12 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 113

Rinviju wara annullament – Assenjazzjoni tal-kawża rrinvijata

1.   Meta, wara li tkun annullat sentenza jew digriet tat-Tribunal, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrinvija l-kawża lill-istess Tribunal bis-saħħa ta' l-Artikolu 13 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għandu jieħu konjizzjoni tas-sentenza tar-rinviju.

2.   Il-President tat-Tribunal għandu jew jassenja l-kawża jew lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni annullata jew lil kulleġġ ġudikanti ieħor.

Madankollu, meta d-deċiżjoni annullata tkun ingħatat minn Imħallef uniku, il-President tat-Tribunal għandu jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin, li minnha dan l-Imħallef ma jkunx jagħmel parti.

Artikolu 114

Proċedura ta' eżami tal-kawża rrinvijata

1.   F'terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ssir lilu, ir-rikorrent jista' jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub.

2.   F'terminu ta' xahar li jiddekorri minn meta l-konvenut jiġi nnotifikat bis-sottomissjonijiet, dan ta' l-aħħar jista' jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub. It-terminu mogħti lil konvenut sabiex jippreżenta dawn is-sottomissjonijiet ma jista' qatt ikun anqas mit-terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ssir lilu.

3.   F'terminu ta' xahar li jiddekorri mill-komunikazzjoni simultanea ta' l-osservazzjonijiet tar-rikorrent u tal-konvenut lill-parti intervenjenti, din ta' l-aħħar tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet bil-miktub. It-terminu mogħti lill-parti intervenjenti sabiex tippreżenta dawn is-sottomissjonijiet ma jkun qatt anqas minn terminu ta' xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ssir lilu.

4.   B'deroga mill-paragrafi 1 sa 3, meta, quddiem it-Tribunal, il-proċedura bil-miktub ma tkunx intemmet fil-mument tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża titkompla fil-punt li fiha tkun tħalliet, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti mit-Tribunal.

5.   Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, it-Tribunal jista' jawtorizza l-preżentata ta' sottomissjonijiet kumplementari ta' osservazzjonijiet bil-miktub.

6.   Il-proċedura għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta' dawn ir-Regoli.

Artikolu 115

Spejjeż

It-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż, kemm tal-proċeduri quddiemu, kif ukoll dawk tal-proċedura ta' l-appell quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

Ir-Raba' Kapitolu

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA' KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 116

Proċedura

1.   Jekk konvenut, li kien debitament innotifikat b'rikors, jonqos li jwieġeb lilu fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista' jitlob lit-Tribunal sabiex jilqa' t-talbiet tiegħu.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. It-Tribunal jista' jiddeċiedi li jiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.

2.   Qabel ma jagħti s-sentenza fil-każ ta' kontumaċja, it-Tribunal għandu jeżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u għandu jivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Huwa jista' jordna li jittieħdu miżuri istruttorji.

3.   Is-sentenza fil-każ ta' kontumaċja hija eżekuttiva.

Madankollu, it-Tribunal jista' jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm ikun ħa deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni ppreżentata bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jew jista' wkoll jissuġġetta tali eżekuzzjoni għal depożitu ta' garanzija li l-ammont u l-kundizzjonijiet tagħha jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi; din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

4.   Tista' ssir oppożizzjoni kontra sentenza li tingħata fil-każ ta' kontumaċja.

L-oppożizzjoni għandha ssir f'terminu ta' xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza.

Hija għandha ssir fil-forom preskritti fl-Artikoli 34 u 35.

5.   Wara n-notifika ta' l-oppożizzjoni, il-President tal-kulleġġ ġudikanti għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Il-proċedura għandha tiżvolġi skond id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Titolu ta' dawn ir-Regoli.

6.   It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta' sentenza li kontra tagħha ma tistax issir oppożizzjoni. L-oriġinal ta' din is-sentenza għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tas-sentenza li tkun ingħatat fil-każ ta' kontumaċja. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni fil-marġni ta' l-oriġinal tas-sentenza mogħtija fil-każ ta' kontumaċja.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IR-RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

Artikolu 117

Fuq l-oppożizzjoni minn terzi

1.   Skond l-Artikolu 42 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista' ssir oppożizzjoni minn terzi kontra deċiżjoni mogħtija mingħajr ma t-terz ma kien ġie msejjaħ fil-kawża, jekk id-deċiżjoni tippreġudika d-drittijiet tiegħu.

Jekk id-deċiżjoni suġġetta għall-oppożizzjoni tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, it-talba għandha tiġi ppreżentata fix-xahrejn ta' wara l-pubblikazzjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għal talba minn terz biex jopponi; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkontestata;

b)

tindika kif id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet tat-terz li qed jopponi;

ċ)

tindika r-raġunijiet għaliex it-terz li qed jopponi ma setax ikun parti fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunal.

L-oppożizzjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

It-talba ta' oppożizzjoni minn terzi għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni suġġetta għall-oppożizzjoni.

3.   Id-deċiżjoni għandha tiġi modifikata f'dawk il-punti fejn l-oppożizzjoni tat-terz tiġi milqugħa.

L-oriġinal tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz għandha tiġi annessa ma' l-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz fil-marġni ta' l-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-talba għal oppożizzjoni minn terzi quddiem it-Tribunal jiġu mressqa kontra l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta' l-aħħar jista', wara li jisma' l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

5.   Is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista' tiġi ordnata fuq talba tat-terz li qed jopponi. Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Kapitolu I huma applikabbli.

Artikolu 118

Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal

1.   Skond l-Artikolu 43 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta' diffikultà dwar it-tifsira jew il-portata ta' deċiżjoni, huwa t-Tribunal li għandu jinterpreta, fuq talba ta' parti jew istituzzjoni tal-Komunitajiet li turi li jkollha interess f'dan.

It-talba għal interpretazzjoni ma hija suġġetta għal ebda terminu.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għal talba ta' interpretazzjoni; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkonċernata;

b)

tindika t-testi li tagħhom tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għandha ssir kontra l-partijiet kollha fid-deċiżjoni li tagħha tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta' l-imsemmija talba.

3.   It-Tribunal għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu permezz ta' sentenza wara li jkun ta lill-partijiet l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

L-oriġinal tas-sentenza li tagħti l-interpretazzjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tad-deċiżjoni li tagħha ngħatat l-interpretazzjoni. Fil-marġni ta' l-oriġinal tad-deċiżjoni li tagħha ngħatat interpretazzjoni għandu jsir notament tas-sentenza li tat l-interpretazzjoni.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u t-talba għal interpretazzjoni quddiem it-Tribunal jirrigwardaw l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta' l-aħħar jista', wara li jisma' l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

Artikolu 119

Fuq ir-Reviżjoni

1.   Ir-reviżjoni ta' deċiżjoni tat-Tribunal tista' biss tintalab, skond l-Artikolu 44 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta' natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel l-għoti jew l-adozzjoni tad-deċiżjoni ma kienx magħruf lit-Tribunal u lill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Bla ħsara għat-terminu ta' għaxar snin previst fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 44 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reviżjoni għandha tintalab f'terminu ta' mhux aktar tard minn tliet xhur li jibdew jiddekorru mill-jum li fih min jitlobha jkun sar jaf bil-fatt li fuqu hija bbażata t-talba għar-reviżjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għat-talba għal reviżjoni; talba għal reviżjoni għandha wkoll:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkontestata;

b)

tindika l-punti li fuqhom qegħda tiġi kkontestata d-deċiżjoni;

ċ)

tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

d)

tindika n-natura tal-provi intiżi li juru l-eżistenza ta' fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u li juru li t-termini preskritti mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ġew irrispettati.

It-talba għal reviżjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fid-deċiżjoni li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

It-talba għal reviżjoni minn terzi għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

3.   Fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, it-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tal-talba permezz ta' sentenza.

Jekk it-Tribunal jiddikjara t-talba ammissibbli, il-proċedura titkompla oralment, sakemm it-Tribunal ma jiħux deċiżjoni kuntrarja. It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta' sentenza.

L-oriġinal tas-sentenza ta' reviżjoni għandu jiġi anness ma' l-oriġinal tad-deċiżjoni rriveduta. Għandu jsir notament tas-sentenza ta' reviżjoni ta' terz fil-marġni ta' l-oriġinal tad-deċiżjoni li ġiet irriveduta.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u talba għal reviżjoni quddiem it-Tribunal jirrigwardaw l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta' l-aħħar jista', wara li jisma' l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 120

Istruzzjonijiet Prattiċi tat-Tribunal

It-Tribunal jista' joħroġ istruzzjonijiet prattiċi, b'mod partikolari, dwar il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tas-seduti quddiemu, dwar il-ftehim bonarju tal-kontroversji kif ukoll il-preżentata u l-preżentata ta' l-atti jew ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 121

Pubblikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi tal-kawża msemmija fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Artikolu 122

Dispożizzjonijiet tranżitorji fuq l-ispejjeż

Id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal, u dan minn mindu li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza li huma rilevanti fuq dan il-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal qabel din id-data.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Lulju 2007.

W. HAKENBERG

Reġistratur

P.J. MAHONEY

President


(1)  ĠU L 333 9.11.2004, p. 7.

(*)  Nota lill-ĠU: niżżel id-data ta' adozzjoni mill-Kunsill.

(2)  ĠU L 176 l-4.7.1991, p. 7. Regoli tal-Proċedura emendati l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni 2006/955/KE, Euratom (ĠU L 386 29.12.2006, p. 44).

(3)  ĠU L 136 30.5.1991, p. 1. Regoli tal-Proċedura emendati l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni 2006/956/KE, Euratom (ĠU L 386 29.12.2006, p. 45).


Werrej

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI 2

Artikolu 1

Tifsiriet 2

L-EWWEL TITOLU

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAT-TRIBUNAL 2

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IL-PRESIDENZA U L-MEMBRI TAT-TRIBUNAL 2

Artikolu 2

Terminu tal-kariga ta' l-Imħallfin 2

Artikolu 3

Teħid tal-ġurament 2

Artikolu 4

Revoka mill-kariga u skwalifika ta' Mħallef 2

Artikolu 5

Ordni tal-preċedenza 3

Artikolu 6

Elezzjoni tal-President tat-Tribunal 3

Artikolu 7

Setgħat tal-President tat-Tribunal 3

Artikolu 8

Sostituzzjoni tal-President tat-Tribunal 3

It-Tieni Kapitolu:

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI 3

Artikolu 9

Kulleġġi ġudikanti 3

Artikolu 10

Kostituzzjoni ta' l-Awli 3

Artikolu 11

Presidenti ta' l-Awli 3

Artikolu 12

Kulleġġ ġudikanti ordinarju – Assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli 4

Artikolu 13

Rinviju ta' kawża lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla b'ħames Imħallfin 4

Artikolu 14

Rinviju ta' kawża lil Imħallef uniku 4

It-Tielet Kapitolu:

FUQ IR-REĠISTRU U FUQ ID-DIPARTIMENTI 4
L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistru 4

Artikolu 15

Ħatra tar-Reġistratur 4

Artikolu 16

Tmiem il-kariga tar-Reġistratur 4

Artikolu 17

Assistent Reġistratur 4

Artikolu 18

Assenza jew impediment tar-Reġistratur 4

Artikolu 19

Funzjonijiet tar-Reġistratur 5

Artikolu 20

Żamma tar-reġistru 5
It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti 5

Artikolu 21

Uffiċjali u Aġenti oħra 5

Artikolu 22

Amministrazzjoni u tmexxija finanzjarja tat-Tribunal 5

Ir-Raba' Kapitolu:

FUQ IL-MOD KIF JAĦDEM IT-TRIBUNAL 5

Artikolu 23

Dati, ħinijiet u post tas-seduti tat-Tribunal 5

Artikolu 24

Kworum 5

Artikolu 25

Assenza jew impediment ta' Mħallef 5

Artikolu 26

Assenza jew Impediment ta' Mħallef ta' Awla b'ħames Imħallfin qabel is-seduta 6

Artikolu 27

Deliberazzjonijiet 6

Artikolu 28

Ferjat 6

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA 6

Artikolu 29

Sistema lingwistika 6

Is-Sitt Kapitolu:

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-PARTIJIET 6

Artikolu 30

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet 6

Artikolu 31

Funzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet 7

Artikolu 32

Esklużjoni mill-proċedura 7

IT-TIENI TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURA 7

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB 7

Artikolu 33

Punti ġenerali 7

Artikolu 34

Preżentata ta' atti tal-proċedura 7

Artikolu 35

Rikors 8

Artikolu 36

Regolarizzazzjoni 8

Artikolu 37

Notifika tar-rikors u avviż fil-Ġurnal Uffiċjali 8

Artikolu 38

Assenjazzjoni inizjali ta' kawża lil kulleġġ ġudikanti 8

Artikolu 39

Risposta 8

Artikolu 40

Trażmissjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni 9

Artikolu 41

Skambju ieħor ta' atti bil-miktub 9

Artikolu 42

Preżentazzjoni ta' provi ġodda 9

Artikolu 43

Raġunijiet ġodda 9

Artikolu 44

Dokumenti u atti – Kunfidenzjalità – Anonimat 9

Artikolu 45

Rapport preliminari 9

Artikolu 46

Konnessjoni bejn il-kawżi – Kawżi li jingħaqdu 9

Artikolu 47

Ordni tas-smigħ tal-kawżi 10

It-Tieni Kapitolu:

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI 10

Artikolu 48

Żamma tas-seduta 10

Artikolu 49

Data tas-seduta 10

Artikolu 50

Assenza tal-partijiet fis-seduta 10

Artikolu 51

Seduta 10

Artikolu 52

Egħluq il-proċedura orali 10

Artikolu 53

Proċess verbali tas-seduta 10

It-Tielet Kapitolu:

FUQ IL-MIŻURI TA' ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI 10

Artikolu 54

Punti ġenerali 10
L-Ewwel Taqsima – Fuq il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura 11

Artikolu 55

Għan u tipoloġija 11

Artikolu 56

Proċedura 11
It-Tieni Taqsima– Fuq il-miżuri istruttorji 11

Artikolu 57

Tipoloġija 11

Artikolu 58

Proċedura 11
It-Tielet Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti 11

Artikolu 59

Taħrika tax-Xhieda 11

Artikolu 60

Eżami tax-xhieda 12

Artikolu 61

Obbligi tax-xhieda 12

Artikolu 62

Perizja 12

Artikolu 63

Ġurament 12

Artikolu 64

Sperġur – Dikjarazzjoni falza tal-perit 13

Artikolu 65

Rikuża 13

Artikolu 66

Ħlas lura ta' l-ispejjeż – Kumpens 13

Artikolu 67

Ittri Rogatorji 13

Ir-Raba' Kapitolu:

FUQ IL-FTEHIM BONARJU DWAR IL-KONTROVERSJI 13

Artikolu 68

Modalitajiet 13

Artikolu 69

Ftehim tal-partijiet 14

Artikolu 70

Ftehim bonarju u proċedura ġudizzjarja 14

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI U FUQ L-ASTENSJONI FAVUR IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U L-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA 14

Artikolu 71

Każijiet ta' sospensjoni u proċedura 14

Artikolu 72

Tul u effetti tas-sospensjoni 14

Artikolu 73

Rinunzja għall-kompetenza 14

Is-Sitt Kapitolu:

FUQ IR-RINUNZJI GĦALL-ATTI, FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET LI M'HEMMX LOK LI TITTIEĦED DEĊIŻJONI U FUQ KWISTJONIJIET PROĊEDURALI 15

Artikolu 74

Rinunzja għall-atti 15

Artikolu 75

Deċiżjoni li m'hemmx lok li tittieħed deċiżjoni 15

Artikolu 76

Rikors manifestament inammissibbli 15

Artikolu 77

Inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku 15

Artikolu 78

Talba għal deċiżjoni mingħajr ma t-Tribunal jidħol fil-mertu tal-kawża 15

Is-Seba' Kapitolu:

FUQ IS-SENTENZI U D-DIGRIETI 15

Artikolu 79

Sentenza 15

Artikolu 80

Qari tas-sentenza 15

Artikolu 81

Digriet 16

Artikolu 82

Adozzjoni tad-Digriet 16

Artikolu 83

Forza legali 16

Artikolu 84

Korrezzjoni ta' deċiżjonijiet 16

Artikolu 85

Nuqqas ta' deċiżjoni fuq l-ispejjeż 16

It-Tmien Kapitolu:

FUQ L-ISPEJJEŻ 16

Artikolu 86

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż 16

Artikolu 87

Allokazzjoni ta' l-ispejjeż – Regoli ġenerali 16

Artikolu 88

Spejjeż fiergħa jew vessatorji 16

Artikolu 89

Allokazzjoni ta' l-ispejjeż – Każijiet partikolari 16

Artikolu 90

Spejjeż ta' infurzar 17

Artikolu 91

Spejjeż li jistgħu jinġabru 17

Artikolu 92

Kontestazzjoni fuq l-ispejjeż 17

Artikolu 93

Ħlas 17

Artikolu 94

Spejjeż tal-Qorti 17

Id-Disa' Kapitolu:

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI 17

Artikolu 95

Kundizzjonijiet sostantivi 17

Artikolu 96

Kundizzjonijiet proċedurali 18

Artikolu 97

Proċedura 18

Artikolu 98

Pagamenti bil-quddiem – Teħid ta' responsabbiltà għall-ispejjeż 18

L-Għaxar Kapitolu:

FUQ IN-NOTIFIKI 19

Artikolu 99

Notifiki 19

Il-Ħdax-il Kapitolu:

FUQ IT-TERMINI 19

Artikolu 100

Kalkolu tat-termini – Żieda ta' terminu għal raġunijiet ta' distanza 19

Artikolu 101

Proroga – Delega tas-setgħa ta' firma 19

IT-TIELET TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI 20

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IS-SOSPENSJONI TA' L-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TA' PROĊEDURA SOMMARJA 20

Artikolu 102

Talba għal miżuri provviżorji 20

Artikolu 103

Kompetenza tal-President tat-Tribunal 20

Artikolu 104

Proċedura 20

Artikolu 105

Deċiżjoni fuq il-miżuri provviżorji 20

Artikolu 106

Bidla fiċ-ċirkustanzi 20

Artikolu 107

Talba ġdida 20

Artikolu 108

Sospensjoni ta' l-infurzar 20

It-Tieni Kapitolu:

FUQ L-INTERVENT 21

Artikolu 109

Talba għal intervent 21

Artikolu 110

Kundizzjonijiet ta' l-intervent 21

Artikolu 111

Stedina għal intervent 21

It-Tielet Kapitolu:

FUQ L-APPELLI U L-KAWŻI RRINVIJATI WARA LI JIĠU ANNULLATI 21

Artikolu 112

Kundizzjonijiet ta' l-appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal 21

Artikolu 113

Rinviju wara annullament – Assenjazzjoni tal-kawża rrinvijata 22

Artikolu 114

Proċedura ta' eżami tal-kawża rrinvijata 22

Artikolu 115

Spejjeż 22

Ir-Raba' Kapitolu:

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA' KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI 22

Artikolu 116

Proċedura 22

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IR-RIMEDJI EĊĊEZZJONALI 22

Artikolu 117

Fuq l-oppożizzjoni minn terzi 22

Artikolu 118

Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal 23

Artikolu 119

Fuq ir-Reviżjoni 23
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 24

Artikolu 120

Istruzzjonijiet Prattiċi tat-Tribunal 24

Artikolu 121

Pubblikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura 24

Artikolu 122

Dispożizzjonijiet tranżitorji fuq l-ispejjeż 24
Werrej 25