20.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 335/31


DIRETTIVA 2007/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (4), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri tal-appalti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (5) jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti kif imsemmija fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ appalti, provvista pubblika u servizz pubbliku (6) u mill-entitajiet kontraenti kif imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina il-proċeduri tal- appalti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (7). Id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE huma maħsuba sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE.

(2)

Għaldaqstant, id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE japplikaw biss għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tkun xi tkun il-proċedura kompetittiva jew il-mezzi tas-sejħa għall-kompetizzjoni li jintużaw, inklużi kompetizzjonijiet tad-disinn, sistemi ta’ kwalifika u sistemi dinamiċi ta’ akkwist. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli rimedji effettivi u rapidi kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti dwar jekk kuntratt partikolari jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE.

(3)

Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wrew ċertu numru ta’ nuqqasijiet fil-mekkaniżmi ta’ reviżjoni fl-Istati Membri. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, il-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE mhux dejjem jippermettu l-konformità mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jissewwa. Konsegwentament, il-garanziji ta’ trasparenza u nuqqas ta’ diskriminazzjoni mfittxija minn dawn id-Direttivi għandhom jissaħħew biex jiżguraw li l-Komunità fl-intier tagħha tibbenefika mill-effetti pożittivi tal-modernizzazzjoni u mis-simplifikazzjoni tar-regoli dwar l- appalti pubbliċi li nkisbu mid-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE. Għaldaqstant, id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE għandhom jiġu emendati biż-żieda ta’ kjarifiki essenzjali li jippermettu li jintlaħqu r-riżultati maħsuba li jinkisbu mill-leġislatura Komunitarja.

(4)

In-nuqqasijiet li ġew nnutati jinkludu, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ perijodu li jippermetti reviżjoni effettiva bejn id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt u l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat. Xi kultant dan jirriżulta f’ċirkostanzi fejn l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti li jixtiequ jagħmlu irriversibbli l-konsegwenzi tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tad-disputa biex jipproċedu malajr għall-iffirmar tal-kuntratt. Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas, li huwa ostaklu serju għall-ħarsien ġudizzjarju effettiv ta’ l-offerenti kkonċernati, jiġifieri, dawk l-offerenti li għadhom ma ġewx esklużi b’mod definittiv, jeħtieġ li jkun provdut perijodu minimu sospensiv li matulu tiġi sospiża l-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, irrispettivament jekk il-konklużjoni ssirx fil-mument ta’ l-iffirmar tal-kuntratt jew le.

(5)

It-tul ta’ żmien tal-perijodu minimu sospensiv għandu jqis il-mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. Jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni rapidi, jista’ jiġi previst perijodu iqsar milli jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn. Din id-Direttiva tipprevedi biss għal perijodi minimi sospensivi. L-Istati Membri huma liberi li jintroduċu jew iżommu perjodi li jeċċedu dawk il-perijodi minimi. L-Istati Membri huma wkoll liberi jiddeċiedu liema perijodu għandhu japplika, jekk mezzi ta’ komunikazzjoni differenti jintużaw flimkien.

(6)

Il-perijodu sospensiv għandu jagħti lill-offerenti kkonċernati biżżejjed żmien biex jeżaminaw id-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt u biex jevalwaw jekk ikunx hemm skop li tinbeda proċedura ta’ reviżjoni. Meta deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt tkun innotifikata lilhom, l-offerenti kkonċernati għandhom jingħataw l-informazzjoni rilevanti, li hi essenzjali għalihom biex ifittxu reviżjoni effettiva. Bl-istess mod dan japplika għal kandidati safejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli fiż-żmien propizju l-informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

(7)

Tali informazzjoni rilevanti tinkludi, partikolarment, sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif stabbilit fl- Artikolu 41 tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2004/17/KE. Billi t-tul ta’ żmien tal-perijodu sospensiv ivarja minn Stat Membru għal ieħor, huwa importanti wkoll li l-offerenti u l-kandidati kkonċernati jkunu infurmati bil-perijodu effettiv disponibbli lilhom biex jippreżentaw proċedimenti ta’ reviżjoni.

(8)

Dan it-tip ta’ perijodu minimu sospensiv mhux maħsub li japplika jekk id-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2004/17/KE ma jirrikjedux pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-każi ta’ urġenza estrema kif previst fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/18/KE jew l-Artikolu 40(3)(d) tad-Direttiva 2004/17/KE. F’dawk il-każi sufficienti jkun biżżejjed li jiġu previsti proċeduri effettivi ta’ reviżjoni wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Bl-istess mod, mhux meħtieġ perijodu sospensiv jekk l-uniku offerent ikkonċernat ikun dak li jingħata l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati. F’dan il-każ m’hemm ebda persuna oħra li tkun għadha fil-proċedura ta’ appalti b’interess li tirċievi n-notifika u li tibbenefika mill-perijodu sospensiv sabiex tkun permessa reviżjoni effettiva.

(9)

Finalment, fil-każi ta’ kuntratti bbażati fuq ftehim qafas jew sistema dinamika ta’ xiri, perijodu sospensiv obbligatorju jista’ jkollu impatt fuq il-gwadanni fl-effiċjenza intenzjonati b’dawn il-proċeduri ta’ offerti. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, minflok ma jintroduċu perijodu sospensiv obbligatorju, biex jipprovdu għan-nuqqas ta’ effett bħala sanzjoni effettiva skond l-Artikoli 2d tad-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE għal ksur ta’ l-Artikolu 32(4) u l-Artikolu 33(5) u (6) tad-Direttiva 2004/18/KE u ta’ l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2004/17/KE.

(10)

Fil-każi msemmija fl-Artikolu 40(3)(i) tad-Direttiva 2004/17/KE, il-kuntratti bbażati fuq ftehim qafas ma jeħtiġux pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. F’dawn il-każi perijodu sospensiv m’ għandux ikun obbligatorju.

(11)

Meta Stat Membru jirrikjedi persuna li jkollha l-ħsieb li tuża l-proċedura ta’ reviżjoni biex tinforma lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti b’dik l-intenzjoni, hu meħtieġ li jiġi ċċarat li dan m’għandux jaffettwa l-perijodu sospensiv jew kwalunkwe perijodu ieħor biex issir applikazzjoni għal reviżjoni. Barra minn hekk, meta Stat Membru jitlob li l-persuna kkonċernata tkun fittxet qabel xejn reviżjoni mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti, jeħtieġ li din il-persuna jkollha perijodu minimu raġonevoli li fih tirrikorri għand il-korp kompetenti ta’ reviżjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, f’każ li din il-persuna tixtieq tikkontesta t-tweġiba jew in-nuqqas ta’ tweġiba mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti.

(12)

Talba għal reviżjoni ftit qabel it-tmiem tal-perijodu minimu sospensiv m’għandux ikollha l-effett li ċċaħħad lill-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni miż-żmien minimu meħtieġ sabiex jaġixxi, b’mod partikolari sabiex itawwal il-perjodu sospensiv għall-konklużjoni tal-kuntratt. Għalhekk hu meħtieġ li wieħed jipprovdi għal perijodu minimu sospensiv indipendenti, li m’għandux jintemm qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. Dan m’għandux iżomm lill-korp ta’ reviżjoni milli jagħmel evalwazzjoni minn qabel dwar jekk ir-reviżjoni hix fil-fatt ammissibbli. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li dan il-perijodu għandu jintemm jew meta l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji, inkluża dwar sospensjoni ulterjuri tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew meta l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar il-merti tal-każ, b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni biex titwarrab deċiżjoni illegali.

(13)

Sabiex tħares kontra l-għoti dirett illegali ta’ kuntratti, li l-Qorti tal-Ġustizzja sejħet l-aktar ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-appalti pubbliċi, min-naħa ta’ awtorità kontraenti jew ta’ entità kontraenti, għandu jkun hemm provvediment għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għaldaqstant, kuntratt li jirriżulta minn għoti dirett illegali għandu bħala prinċipju jitqies ineffettiv. L-ineffettività m’għandhiex tkun awtomatika iżda għandha tkun aċċertata minn korp ta’ reviżjoni indipendenti, jew għandha tkun ir-riżultat ta’ deċiżjoni tiegħu.

(14)

L-ineffettività hi l-aktar mod effettiv biex terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni u biex jinħolqu opportunitajiet ta’ negozju ġodda għal dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu ġew imċaħħda illegalment mill-opportunita li jikkompetu. Għotjiet diretti fis-sens ta’ din id-Direttiva għandhom jinkludu l-għotjiet kollha ta’ kuntratti mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea skond id-Direttiva 2004/18/KE. Dan jikkorrispondi għal proċedura mingħajr sejħa minn qabel għal kompetizzjoni skond it-tifsira fid-Direttiva 2004/17/KE.

(15)

Ġustifikazzjonijiet possibbli għal għoti dirett fis-sens ta’ din id-Direttiva jistgħu jinkludu l-eżenzjonijiet fl-Artikoli 10 sa 18 tad-Direttiva 2004/18/KE, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31, l-Artikolu 61 jew l-Artikolu 68 tad-Direttiva 2004/18/KE, l-għoti ta’ kuntratt ta’ servizz skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/18/KE jew għoti ta’ kuntratt “in-house” legali bi qbil ma’ l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(16)

L-istess japplika għal kuntratti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal esklużjoni jew arranġamenti speċjali skond l-Artikolu 5(2), l-Artikoli 18 sa 26, l-Artikoli 29 u 30 jew l-Artikolu 62 tad-Direttiva 2004/17/KE, għal każi li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 40 (3) tad-Direttiva 2004/17/KE jew għall-għoti ta’ kuntratt ta’ servizz skond l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/17/KE.

(17)

Proċedura ta’ reviżjoni għandha tkun disponibbli ta’ l-inqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew li tinsab fir-riskju li tkun milquta minn ksur allegat.

(18)

Sabiex jiġi evitat il-ksur serju ta’ l-obbligu ta’ perijodu sospensiv u s-sospensjoni awtomatika, li huma pre-rekwiżiti għal reviżjoni effettiva, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet effettivi. Il-kuntratti li jsiru bi ksur tal-perijodu sospensiv jew s-sospensjoni awtomatika għandhom għalhekk jitqiesu li huma fil-prinċipju ineffettivi jekk ikunu sar ukoll ksur tad-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2004/17/KE sal-punt li dan il-ksur ikun affettwa l- opportunita’ ta’ l-offerent li qed japplika għal reviżjoni sabiex jikseb il-kuntratt.

(19)

Fil-każ ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali oħra, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-prinċipju ta’ l-ineffettività bħala mhux xieraq. F’dawk il-każi l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jipprovdu għal penali penali alternattivi. Penali alternattivi għandhom jiġu limitati għall-impożizzjoni ta’ multi li għandhom jitħallsu lil korp indipendenti mill-awtorità jew entità kontraenti jew għal tnaqqis tat-tul ta’ żmien tal-kuntratt. Huma l-Istati Membri li jiddeterminaw id-dettalji ta’ penali penali alternattivi u r-regoli ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

(20)

Din id-Direttiva m’għandhiex teskludi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet aktar stretti skond il-liġi nazzjonali.

(21)

L-objettiv li għandu jinkiseb fejn l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli li jiżguraw li kuntratt għandu jkun meqjus bħala ineffettiv hu li d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet taħt il-kuntratt għandhom jieqfu milli jiġu nfurzati u mwettqa. Il-konsegwenzi li jirriżultaw minn kuntratt ikkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-liġi nazzjonali tista’ għalhekk, per eżempju, tipprevedi l-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha (ex tunc) jew bil-kontra tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa (ex nunc). Dan m’għandux iwassal għan-nuqqas ta’ penali qawwija jekk l-obbligi derivati minn kuntratt ikunu diġà ġew imwettqa jew bis-sħiħ inkella kważi bis-sħiħ. F’tali każi l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal penali alternattivi b’kont meħud tal-limitu sa fejn kuntratt jibqa’ fis-seħħ skond il-liġi nazzjonali. Bl-istess mod, il-konsegwenzi li jikkonċernaw l-irkupru possibbli ta’ kwalunkwe somma li setgħet ġiet imħallsa kif ukoll il-forom kollha l-oħrajn ta’ restituzzjoni possibbli, inkluża r-restituzzjoni fi flus fil-każ fejn ir-restituzzjoni mhux finanzjarja ma tkunx possibbli, għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali.

(22)

Madankollu, sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet applikati, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-possibbiltà lill-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni li ma jipperikolax il-kuntratt, jew li jirrikonoxxi l-effetti temporali kollha tiegħu jew uħud minnhom, meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ ikkonċernat jitolbu li jiġu rrispettati ċerti raġunijiet ewlenin marbuta ma’ interess ġenerali. F’dawk il-każi minflok għandhom jiġu applikati penali alternattivi. Il-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti għandu jeżamina l-aspetti rilevanti kollha sabiex jistabbilixxi jekk raġunijiet ewlenin marbuta ma’ interess ġenerali jeħtiġux li l-effetti tal-kuntratti jinżammu.

(23)

F’każi eċċezzjonali l-użu tal-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18/KE jew ta’ l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2004/17/KE jkun permess immedjatament wara l-kanċellament tal-kuntratt. Jekk f’dawk il-każi, għal raġunijiet tekniċi jew raġunijiet pressanti oħrajn, l-obbligi kuntrattwali li jkun baqa’, f’dak l-istadju, ikunu jistgħu jitwettqu biss mill-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt, l-applikazzjoni ta’ raġunijiet ewlenin tista’ tkun ġustifikata.

(24)

L-interessi ekonomiċi fl-effettività ta’ kuntratt jistgħu jitqiesu biss bħala raġunijiet ewlenin jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati. Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet ta’ importanza ewlenija.

(25)

Barra minn hekk, il-bżonn li maż-żmien tkun żgurata ċ-ċertezza ġuridika tad-deċiżjonijet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti jeħtieġ l-istabbiliment ta’ perijodu minimu raġonevoli ta’ limitazzjoni fuq reviżjonijiet li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu li kuntratt hu ineffettiv.

(26)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali li tista’ tirriżulta mill-ineffettività, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjoni minn kwalunkwe każ ta’ ineffettività anke fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tqis li l-għoti dirett ta’ kwalunkwe kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea hu permissibbli skond id-Direttiva 2004/18/KE u 2004/17/KE u jkun applika perijodu minimu ta’ waqfien li jippermetti rimedji effettivi. Il-pubblikazzjoni volontarja li jikkawża dan il-perijodu ta’ waqfien ma timplika ebda estensjoni ta’ l-obbligi derivanti mid-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2004/17/KE.

(27)

Peress li din id-Direttiva ssaħħaħ il-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali, speċjalment fil-każi ta’ għoti dirett illegali, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu użu minn dawn il-mekkaniżmi l-ġodda. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali l-infurzabbiltà ta’ l-ineffettività ta’ kuntratt hija limitata għal ċertu perijodu. L-effettività ta’ dawn it-termini ta’ żmien għandha tkun rispettata.

(28)

It-tisħiħ tal-effettività tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni għandu jħeġġeġ lill-persuni kkonċernati biex jagħmlu użu akbar mill-possibbiltajiet ta’ reviżjoni permezz ta’ proċedura interlokutorja qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-mekkaniżmu korrettiv għandu jkun iffokat mill-ġdid fuq ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi.

(29)

Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja stipulata mid-Direttiva 92/13/KE, li, permezz tagħha, l-entitajiet kontraenti għandhom il-possibbiltà li jkollhom il-konformità tal-proċeduri tagħhom għall-għoti tal-kuntratti stabbilita permezz ta’ eżamijiet perjodiċi, ma ntużat kważi qatt. Għalhekk ma tistax tikseb l-objettiv tagħha li tilqa’ kontra numru sinifikanti ta’ każijiet ta’ ksur tal-liġi Komunitarja dwar l-appalti pubbliċi. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit impost fuq l-Istati Membri mid-Direttiva 92/13/KEE li jiżguraw id-disponibbiltà permanenti ta’ korpi akkreditati għal dan il-għan tista’ tirrappreżenta nefqa ta’ manutenzjoni amministrattiva li mhijiex ġustifikata aktar fid-dawl tan-nuqqas ta’ talba reali min-naħa ta’ l-entitajiet kontraenti. Għal dawn ir-raġunijiet, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni għandha titneħħa.

(30)

Bl-istess mod, il-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni stipulat mid-Direttiva 92/13/KEE ma attirax wisq interess min-naħa ta’ l-operaturi ekonomiċi. Dan kemm minħabba l-fatt li ma jippermettix, minnu nnifsu, il-kisba ta’ miżuri intermedjarji li jorbtu, li x’aktarx jipprevjenu fil-ħin il-konklużjoni illegali ta’ kuntratt, kif ukoll minħabba n-natura tiegħu, li ftit li xejn hija kompatibbli ma’ l-osservanza tal-perjodi partikolarment qosra applikabbli għal reviżjonijiet li jfittxu miżuri intermedjarji u t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi. Barra minn hekk, l-effettività potenzjali tal-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni ddgħajfet aktar minħabba d-diffikultajiet fil-kompilazzjoni ta’ lista kompleta u wiesa’ biżżejjed ta’ kunċiljaturi indipendenti f’kull Stat Membru, disponibbli f’kull ħin u kapaċi li jittrattaw it-talbiet għall-konċiljazzjoni f’avviż ta’ qasir żmien ħafna. Għal dawn ir-raġunijiet, il-mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni għandu abolit.

(31)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ titlob lill-Istati Membri jfornuha b’informazzjoni dwar l-operat tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni, fi proporzjoni mal-objettiv mixtieq, billi tinvolvi l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi sabiex jiġu stabbiliti l-medda u n-natura ta’ din l-informazzjoni. Effettivament, hija biss id-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni li tista’ tippermetti l-evalwazzjoni korretta ta’ l-effetti tal-bidliet introdotti b’din id-Direttiva fi tmiem ta’ perjodu sinifikanti ta’ implimentazzjoni.

(32)

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-progress li jkun sar fl-Istati Membri u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività ta’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn tliet snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħha.

(33)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 89/665/KEE u 92/12/KEE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(34)

Billi, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/18/KE u 2004/17/KE, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri.

(35)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (9), l-Istati Membri għandhom ifasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jippubblikawhom.

(36)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.

(37)

Id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati f’dan is-sens,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 89/665/KEE

Id-Direttiva 89/665/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (*) sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad- distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ reviżjoni tkun innotifikat lill-awtorità kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni li tagħmel appell, sakemm dan ma jaffettwax il-perijodu sospensiv skond l-Artikolu 2a(2) jew kwalunkwe skadenza oħra għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2ċ.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi adatti ta’ komunikazzjoni, inkluż faks jew mezzi elettroniċi, li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni għal reviżjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta ta’ tweġiba.

Artikolu 2

Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)

jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.   Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-awtorità kontraenti, jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu sospensiv imsemmi fl-Artikoli 2a(2) u 2d(4) u (5).

4.   Ħlief fejn previst fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji fl-interessi ta’ dawk kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll fl-interess pubbliku, u jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

Deċiżjoni li ma tingħatax miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fil-każ fejn jiġu mitluba danni minħabba li deċiżjoni kienet meħuda illegalment, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab minn korp li jkollu s-setgħat neċessarji.

7.   Ħlief fejn previst fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq kuntratt konkluż wara li jkun ingħata għandhom ikunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ fejn deċiżjoni jkollha tiġi mwarrba qabel l-għoti tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt skond l-Artikolu 1(5), paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minnħabba ksur tal-liġi.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv.

9.   Fejn il-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’każ bħal dan, għandha ssir dispożizzjoni biex ikunu garantiti proċeduri li bihom kwalunkwe miżura kontra l-liġi allegatament meħuda mill-korp ta’ reviżjoni, jew kwalunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, jkunu jistgħu jiġu soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat, u indipendenti kemm mill-awtorità kontraenti kif ukoll mill-korp ta’ reviżjoni.

Il-membri ta’ tali korp indipendenti għandhom jiġu maħtura u jħallu l-kariga tagħhom taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-awtorità responsabbli mill-ħatra tagħhom, il-perijodu tagħhom fil-kariga, u t-tneħħija tagħhom. ta’ l-inqas il-President ta’ dan il-korp indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħall-membri tal-ġudikatura. Il-korp indipendenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu wara proċedura li fiha jinstemgħu ż-żewġ naħat, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, b’mezzi ddeterminati minn kull Stat Membru, ikunu jorbtu legalment.

(*)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).”."

(2)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

Perijodu sospensiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) ikollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-awtoritajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.   Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tiġi mibgħuta lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk ikun għadhom ma ġewx definittivament esklużi. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerent ikkonċernat u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej:

sommarju tar-raġunijiet rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2004/18/KE, soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41(3) ta’ dik id-Direttiva, u;

dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu eżatt ta’ waqfien applikabbli b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.

Artikolu 2b

Derogi mill-perijodu sospensiv

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:

(a)

jekk id-Direttiva 2004/18/KE ma tirrikjedix pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(b)

jekk l-uniku offerent ikkonċernat fis-sens ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva huwa dak li jingħata l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati;

(ċ)

fil-każ ta’ kuntratt ibbażat fuq ftehim qafas kif previst fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/18/KE u fil-każ ta’ kuntratt speċifiku bbażat fuq sistema dinamika ta’ akkwist kif previst fl-Artikolu 33 ta’ din id-Direttiva.

Jekk tkun invokata din id-deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun ineffettiv skond l-Artikoli 2d sa 2f ta’ din id-Direttiva, fejn:

ikun hemm ksur tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(4) jew ta’ l-Artikoli 33(5) jew (6) tad-Direttiva 2004/18/KE, u

il-valur tal-kuntratt ikun stmat li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2ċ

Termini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni

Meta Stat Membru jipprovdi li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tar-riċevuta tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 2d

Ineffettività

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

(a)

jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skond id-Direttiva 2004/18/KE;

(b)

fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli jitlob reviżjoni tal-possibbiltà ta’ rimedji pre-kuntrattwali, fejn dak il-ksur ikun sar flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2004/18/KE, jekk dan il-ksur ikun affettwa l-opportunità ta’ l-offerent li qed japplika għal reviżjoni, biex jikseb il-kuntratt;

(ċ)

fil-każi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu sospensiv għall-kuntratti li huma bbażati fuq ftehim qafas u sistema dinamika ta’ xiri.

2.   Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall- annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt ineffettiv, minkejja li jkun ingħata kontra l-liġi għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom jiġu applikati minnflok.

L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu biss bħala raġuni ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu ma japplikax, fejn:

l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa permess skond id-Direttiva 2004/18/KE,

l-awtorità kontraenti ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u

il-kuntratt ma ġiex konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt ikun skond it-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(4) jew ma’ l-Artikoli 33(5) u (6) tad-Direttiva 2004/18/KE,

l-awtorità kontraenti tkun bagħtet deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt flimkien ma’ sommarju tar-raġunijiet kif imsemmi fl-ewwel inċiż tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, lill-offerenti kkonċernati, u

il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2e

Ksur ta’ din id-Direttiva u penali alternattivi

1.   Fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2), li ma jaqax taħt l-Artikolu 2d(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikoli 2d(1) sa (3) jew għal penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi.

2.   Il-penali alternattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Penali alternattivi għandhom ikunu:

l-impożizzjoni ta’ multi mill-awtorità kontraenti; jew

it-tnaqqis tat-tul tal-kuntratt.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korp ta’ reviżjoni diskrezzjoni wiesgħa biex jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tal-ksur, l-imġieba ta’ l-awtorità kontraenti u, fil-każi msemmija fl-Artikolu 2d(2), sa meta l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.

L-għoti tad-danni ma jikkostitwixxix piena adegwata għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 2f

Termini ta’ żmien

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir

(a)

qabel l-iskadenza ta’ mill-anqas 30 jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha

l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ għoti ta’ kuntratt skond l-Artikoli 35(4), 36 u 37 tad-Direttiva 2004/18/KE, sakemm dan l-avviż jinkludi ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti biex tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea; jew

l-awtorità kontraenti infurmat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati bil-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm din l-informazzjoni ikun fiha sommarju tar-raġunijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 41(2) ta’ din id-Direttiva 2004/18/KE, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 41(3) ta’ dik id-Direttiva. Din l-għażla tapplika wkoll għall-każi imsemmija fl-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva;

(b)

u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

2.   Fil-każi l-oħra kollha, inklużi applikazzjonijiet għal reviżjoni skond l-Artikolu 2e(1), l-iskadenzi għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali, kif soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2ċ.”;

(3)

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Mekkaniżmu korrettiv

1.   Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 5 meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tqis li jkun seħħ ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond id-Direttiva 2004/18/KE.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun sar ksur serju u titlob il-korrezzjoni tiegħu b’mezzi xierqa.

3.   Fi żmien 21 jum kalendarju minn meta jkun irċieva n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

(a)

il-konferma tiegħu li l-ksur ġie korrett;

(b)

sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni; jew

(ċ)

notifika li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet sospiża mill-awtorità kontraenti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tas-setgħat speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a).

4.   Sottomissjoni raġunata ikkomunikata skond il-paragrafu 3(b) tista’ sserraħ fost kwistjonijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat huwa diġà suġġett għal proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew oħra jew għal appell kif imsemmi fl-Artikolu 2(9). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri hekk kif isir magħruf.

5.   Fejn ikun ingħata avviż li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew meta proċedura ta’ kuntratt oħra relatata kompletament jew parzjalment ma’ l-istess suġġett tkun ġiet mibdija. Dik in-notifika għandha tikkonferma li l-ksur allegat ġie korrett jew tkun tinkludi sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni.”

(4)

Għandhom jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3a

Kontenut ta’ avviż għal trasparenza ex-ante volontarja

L-avviż imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2d(4), li l-format tiegħu għandu jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3b(2), għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-awtorità kontraenti;

(b)

deskrizzjoni ta’ l-oġġett tal-kuntratt;

(ċ)

ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-operatur ekonomiku li favur tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt; u

(e)

fejn xieraq, kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala meħtieġa mill-awtorità kontraenti.

Artikolu 3b

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 (**) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (***) għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

(**)  ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 77/63/KEE (ĠU L 13, 15.1.1977, p. 15)."

(***)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).”;"

(5)

L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kumitat, biex jagħtuha informazzjoni dwar it-tħaddim tal-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali t-test tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mar-raġunijiet għalihom, li jkunu ttieħdu mill-korpi ta’ reviżjoni tagħhom b’konformità ma’ l-Artikolu 2d(3).”;

(6)

Għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tagħha, u partikolarment dwar l-effettività tal-penali alternattivi u t-termini ta’ żmien.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 92/13/KEE

Id-Direttiva 92/13/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri ta’ appalti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u l-posta (****), ħlief jekk tali kuntratti jkunu esklużi skond l-Artikoli 5(2), l-Artikoli 18 sa 26, l-Artikolu 29 sa 30 jew l-Artikolu 62 ta’ dik id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti ta’ provvista, ta’ xogħol u ta’ servizzi, ftehim qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fil-każi ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/17/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, partikolarment, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għal raġunijiet li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jista’ jagħti l-każ li jagħmlu talba fir-rigward ta’ danni fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat ta’ distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u regoli oħra nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ reviżjoni tkun innotifikat lill-entita’ kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni, sakemm din ma taffettwax il-perijodu sospensiv skond l-Artikolu 3(2) jew kwalunkwe terminu limitu ieħor għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 5.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-entità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi adatti ta’ komunikazzjoni, inkluż faks jew mezzi elettroniċi, li għandhom jintużaw għall-applikazzjoni għal reviżjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

Is-sospensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi, jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha l-entità kontraenti tkun bagħtet tweġiba, jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta t-tweġiba tkun ġiet irċevuta.

(****)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).”;"

(2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiddaħħal it-titolu “Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni”.

(b)

il-paragrafi 2 sa 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.   Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-entità kontraenti, jkollu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ waqfien imsemmi fl-Artikolu 2a(2) u l-Artikoli 2d(4) u (5).

3a.   Ħlief fejn stabbilit fil-paragrafu 3 u l-Artikolu 1(5), il-proċeduri ta’ reviżjoni mhux neċessarjament ikollhom l-effett ta’ sospensjoni awtomatika fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li magħhom għandhom x’jaqsmu.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni jista’ jqis il-konsegwenzi probabbli tal-miżuri intermedjarji għall-interessi kollha li jistgħu jsofru dannu, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jkunu akbar mill-benefiċċji tagħhom.

Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri intermedjarji m’għandha tippreġudika l-ebda pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed titlob tali miżuri.”

(ċ)

il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“6.   Ħlief kif stipulat fl-Artikoli 2d sa 2f, l-effetti ta’ l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq il-kuntratt li ġie konkluż wara li jkun ingħata, għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief f’każ li xi deċiżjoni għandha tiġi mwarrba qabel il-ħlas tad-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt bi qbil ma’ l-Artikolu 1(5), il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 2a sa 2f, is-setgħat tal-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom ikunu limitati għall-ħlas tad-danni lil kull persuna li tkun sofriet minħabba ksur tal-liġi.”;

(d)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9, il-kliem “qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 234 tat-Trattat”;

(3)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

Perijodu sospensiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) jkollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.   Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt skond id-Direttiva 2004/17/KE, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati, jekk jintuża faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju, b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-Deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt tiġi mibgħuta lill-offerenti u l-kandidati kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk għad ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li jkunu kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

Il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti lil kull offerent u kandidat ikkonċernat għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

sommarju tar-raġunijiet rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE, u

dikjarazzjoni preċiża tal-perijodu sospensiv eżatt applikabbli skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan il-paragrafu.

Artikolu 2b

Derogi mill-perijodu sospensiv

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perijodi msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każi li ġejjin:

(a)

jekk id-Direttiva 2004/17/KE ma tirrikjedix pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(b)

jekk l-uniku offerent ikkonċernat fis-sens ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva huwa dak li jiġi mogħti l-kuntratt u m’hemmx kandidati kkonċernati;

(ċ)

fil-każ ta’ kuntratti speċifiċi bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri kif previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/17/KE.

Jekk tkun invokata din id-deroga, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntratt ikun ineffettiv skond l-Artikoli 2d u 2f ta’ din id-Direttiva, fejn:

ikun hemm ksur ta’ l-Artikoli 15(5) jew (6) tad-Direttiva 2004/17/KE, u

il-valur tal-kuntratt ikun stmat li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/17/KE.

Artikolu 2ċ

Termini ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ reviżjoni

Meta l-Istati Membri jipprovdu li kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat, dan il-perijodu għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, dan il-perijodu għandu jkun jew ta’ mill-anqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data meta d-deċiżjoni ta’ l-entita’ kontraenti tintbagħat lill-offerent jew lill-kandidat jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti. Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti lil kull offerent jew kandidat għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tar-raġunijiet rilevanti. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal reviżjoni dwar deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal notifika speċifika, il-perijodu ta’ żmien għandu jkun ta’ mill-anqas għaxart ijiem kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 2d

Ineffettività

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:

(a)

jekk l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skond id-Direttiva 2004/17/KE;

(b)

fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali,fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad-Direttiva 2004/17/KE, jekk dak il-ksur ikun affettwa l-opportunita’ għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni biex jikseb il-kuntratt;

(ċ)

fil-każi ta’ ksur imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu ta’ waqfien għal kuntratti li huma bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri.

2.   Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom ikunu stabbiliti mill-liġi nazzjonali.

Il-liġi nazzjonali tista’ għalhekk tipprovdi għall-kanċellazzjoni retroattiva ta’ l-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kanċellazzjoni għal dawk l-obbligi li xorta jkunu jridu jiġu mwettqa. Fl-aħħar każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2).

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entita’ kontraenti ma jistax jikkunsidra kuntratt bħala ineffettiv, minkejja li jkun ingħata illegalment għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, jekk il-korp ta’ reviżjoni jsib, wara li jkun eżamina l-aspetti rilevanti kollha, li raġunijiet superjuri relatati ma’ interess ġenerali jirrikjedu li l-effetti tal-kuntratt għandhom jinżammu. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali alternattivi fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2), li għandhom ikunu applikati minflok.

L-interessi ekonomiċi f’kuntratt effettiv jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet ewlenija biss jekk f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-ineffettività tkun twassal għal konsegwenzi sproporzjonati.

Madankollu, interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt ikkonċernat m’għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet superjuri li jirrigwardaw interess ġenerali. L-interessi ekonomiċi marbuta direttament mal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, l-ispejjeż li jirriżultaw mid-dewmien fit-twettiq tal-kuntratt, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tnedija ta’ proċedura ta’ appalt ġdida, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-bdil ta’ l-operatur ekonomiku li jwettaq il-kuntratt u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi legali minħabba l-ineffettività.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

l-awtorità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea huwa permissibbli skond id-Direttiva 2004/17/KE,

l-entità kontraenti tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea avviż kif deskritt fl-Artikolu 3a ta’ din id-Direttiva fejn esprimiet l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u

il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika, jekk:

l-entità kontraenti tqis li l-għoti ta’ kuntratt huwa bi qbil ma’ l-Artikoli 15(5) u (6) tad-Direttiva 2004/17/KE,

l-awtorità kontraenti tkun bagħtet deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt flimkien ma’ sommarju tar-raġunijiet kif imsemmi fl-ewwel inċiz tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, lill-offerenti kkonċernati, u

il-kuntratt ma jkunx ġie konkluż qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jekk jintużaw faks jew mezzi elettroniċi jew, jekk jintużaw mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, qabel l-iskadenza ta’ perijodu jew ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha d-deċiżjoni ta’ l-għoti ta’ kuntratt tintbagħat lill-offerenti kkonċernati jew mill-inqas għaxart ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data ta’ meta tkun ġiet irċevuta d-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 2e

Ksur ta’ din id-Direttiva u penali alternattivi

1.   F’każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikoli 2a(2), mhux kopert mill-Artikolu 2d(1)(b), l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-ineffettività skond l-Artikolu 2d(1) sa (3) jew penali alternattivi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti għandu jiddeċiedi, wara li jkun evalwa l-aspetti rilevanti kollha, jekk il-kuntratt għandux jitqies bħala ineffettiv jew jekk għandhomx ikunu imposti penali alternattivi.

2.   Penali alternattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. Il-penali alternattivi għandhom ikunu:

l-impożizzjoni ta’ multi mill-entità kontraenti; jew

it-tnaqqis tat-tul tal-kuntratt.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-korp ta’ reviżjoni diskrezzjoni wiesgħa biex jieħu kont tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tal-ksur, l-imġieba ta’ l-entità kontraenti u, fil-każi msemmija fl-Artikolu 2d(2), sa meta l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ.

L-għoti tad-danni ma jikkostitwixxix piena adegwata għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 2f

Termini ta’ żmien

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2d(1) għandha ssir

(a)

qabel l-iskadenza ta’ mill-anqas 30 jum kalendarju b’effett mill-jum wara d-data li fiha

l-entita’ kontraenti tkun ippubblikat avviż ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond l-Artikoli 43 u 44 tad-Direttiva 2004/17/KE, sakemm dan l-avviż jinkludi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti biex tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea; jew

l-awtorità kontraenti tkun infurmat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm din l-informazzjoni jkun fiha sommarju tar-raġunijiet rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 49(2) tad-Direttiva 2004/17/KE. Din l-għażla tapplika wkoll għall-każi imsemmija fl-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva;

(b)

u fi kwalunkwe każ, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-anqas 6 xhur b’effett mill-jum wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

2.   Fil-każi l-oħra kollha, inklużi applikazzjonijiet għal reviżjoni skond l-Artikolu 2e(1), it-termini ta’ żmien għall-applikazzjoni għal reviżjoni għandhom ikunu ddeterminati mil-liġi nazzjonali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ ll-Artikolu 2ċ.”

(4)

L-Artikoli 3 sa 7 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

Kontenut ta’ avviż għal trasparenza ex-ante volontarja

L-avviż imsemmi fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2d(4), li l-format tiegħu għandu jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3b(2), għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-entità kontraenti;

(b)

deskrizzjoni ta’ l-oġġett tal-kuntratt;

(ċ)

ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-entità kontraenti li tagħti l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(d)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta’ l-operatur ekonomiku li favur tiegħu tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt; u

(e)

fejn xieraq, kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa bħala meħtieġa mill-entità kontraenti.

Artikolu 3b

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 (*****) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (******) għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

(*****)  ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 77/63/KEE (ĠU L 13, 15.1.1977, p. 15)."

(******)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).”;"

(5)

L-Artikolu 8 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Mekkaniżmu korrettiv

1.   Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċedura li hemm provdut għaliha fil-paragrafi 2 sa 5 meta, qabel ma jkun konkluż kuntratt, hija tqis li jkun seħħ ksur serju tal-liġi Komunitarja fil-qasam tal-appalti pubbliċi waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt skond id-Direttiva 2004/17/KE jew fir-rigward ta’ l-Artikolu 27(a) ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ entitajiet kontraenti li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet li wassluha biex tikkonkludi li jkun twettaq ksur serju u titlob il-korrezzjoni tiegħu b’mezzi adegwati.

3.   Fi żmien 21 jum kalendarju minn meta tiġi rċevuta n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni:

(a)

il-konferma tiegħu li l-ksur ġie korrett; jew

(b)

sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma saret l-ebda korrezzjoni; jew

(ċ)

notifika li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġiet sospiża jew mill-entità kontraenti fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi tas-setgħat speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a).

4.   Sottomissjoni raġunata ikkomunikata skond il-paragrafu 3(b) tista’ sserraħ fost kwistjonijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat huwa diġà suġġett għal proċedura ta’ reviżjoni ġudizzjarja, jew ta’ reviżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(9). F’tali każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri hekk kif isir magħruf.

5.   Fejn tkun ingħatat notifika li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru kkonċernat għandu javża lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew meta proċedura ta’ kuntratt oħra relatata kompletament jew parzjalment ma’ l-istess suġġett tkun ġiet mibdija. Dik in-notifika ġdida għandha tikkonferma li l-ksur allegat ġie korrett jew tkun tinkludi sottomissjoni raġunata li tispjega għaliex ma tkun saret l-ebda korrezzjoni.”

(6)

L-Artikoli 9 sa 12 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Kumitat, biex jagħtuha informazzjoni dwar it-tħaddim tal-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali t-test tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mar-raġunijiet għalihom, li jkunu ttieħdu mill-korpi ta’ reviżjoni tagħhom b’konformità ma’ l-Artikolu 2d(3).

Artikolu 12a

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard mit-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tagħha, u partikolarment dwar l-effettività tal-penali alternattivi u ta’ l-iskadenzi.”;

(7)

l-Anness għandu jitħassar.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-20 ta’ Diċembru 2009. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet immedjatament lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 11 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 93, 27.4.2007, p. 16.

(2)  ĠU C 146, 30.6.2007, p. 69.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ġunju 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2007.

(4)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 92/50/KEE (ĠU L 209, 24.7.1992, p. 1).

(5)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

(6)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/97/KE.

(7)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/97/KE.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(9)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.