8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 118/5


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/26/KE

tas-7 ta’ Mejju 2007

li temenda d-Direttiva 2004/6/KE biex testendi l-perjodu tagħha ta’ applikazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/15/KE tal-15 ta’ Frar 2001 dwar sustanzi li jistgħu jiġu miżjuda għal skopijiet nutrittivi speċifiċi fl-ikel għal tipi ta’ użu nutrittivi partikolari (2) tispeċifika ċerti kategoriji ta’ sustanzi u ssemmi għal kull wieħed minnhom is-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu nutrittiv partikolari.

(2)

Fiż-żmien ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/15/KE numru ta’ sustanzi miżjuda għal finijiet speċifiċi ta’ nutriment ma’ xi ikel għal użi partikolari ta’ nutriment, li jinbiegħu fis-swieq f'xi Stati Membri, ma setgħux ikunu inklużi fl-Anness li jinsab ma’ dik id-Direttiva minħabba li ma kinux ġew valutati mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF).

(3)

Sakemm titlesta l-valutazzjoni ta’ dawn is-sustanzi mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/6/KE (3) tistipula li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu fit-territorju tagħhom kummerċ ta’ prodotti li fihom is-sustanzi kkonċernati, sakemm ċerti kondizzjonijiet dwar is-sigurtà tagħhom huma sodisfatti, sal-31 ta’ Diċembru 2006.

(4)

Ma kienx possibbli li jitlestew il-valutazzjonijiet u l-azzjonijiet amministrattivi assoċjati qabel il-31 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, bil-ħsieb li jkun evitat tħarbit bla bżonn fil-kummerċ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel ikkonċernati, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/6/KE għandha tkun estiża.

(5)

Biex ikun ikkunsidrat iż-żmien li hemm bżonn biex titlesta l-valutazzjoni tas-sustanzi mill-EFSA u għat-traspożizzjoni tal-miżuri assoċjati fil-leġislazzjoni nazzjonali huwa xieraq li tkun stipulata estensjoni tal-perjodu ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/6/KE sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(6)

Id-data tal-31 ta’ Diċembru 2006 prevista fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/6/KE tqanqal il-ħtieġa li d-Direttiva preżenti għandha tkun trasposta fi żmien perentorju qasir. Sabiex ikunu evitati diffikultajiet fil-kummerċ tal-prodotti li fihom sustanzi elenkati fid-Direttiva 2004/6/KE, huwa xieraq għad-Direttiva preżenti li tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/6/KE hi emendata kif ġej:

Fl-Artikolu 1, id-data tal-“31 ta’ Diċembru 2006” tinbidel bil-“31 ta’ Diċembru 2009”.

Artikolu 2

It-Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-8 ta’ Lulju 2007, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2007.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 52, 22.2.2001, p. 19. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/34/KE (ĠU L 83, 22.3.2006, p. 14).

(3)  ĠU L 15, 22.1.2004, p. 31.