29.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

134


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/16/KE

tad-19 ta' Marzu 2007

li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) rigward il-kjarifika ta’ ċerti definizzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) ta’ l-Artikolu 53a tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 85/611/KEE fiha bosta definizzjonijiet, xi drabi interkonnessi, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assi li huma eliġibbli għall-investiment minn impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli, minn hawn ‘il quddiem “UCITS”, bħal ma hi definzzjoni ta’ titoli trasferibbli u definizzjoni ta' strumenti tas-suq tal-flus.

(2)

Minn żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 85/611/KEE, żdiedet sew il-varjetà ta’ strumenti finanzjarji nnegozjati fis-swieq finanzjarji, u dan wassal għal inċertezza fid-determinazzjoni dwar jekk ċerti kategoriji ta’ strumenti finanzjarji humiex koperti minn dawn id-definizzjonijiet. L-inċertezza fl-applikazzjoni tad-definizzjonijiet tagħti lok għal interpretazzjonijiet diverġenti tad-Direttiva.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 85/611/KEE, biex jiġu megħjuna l-Istati Membri biex jiżviluppaw ftehim komuni dwar jekk kategorija partikolari ta’ assi hijiex eliġibbli għall-UCITS, u sabiex jiġi żgurat li d-definizzjonijiet jinftiehmu b’mod li jkun konsistenti mal-prinċipji sottostanti tad-Direttiva 85/611/KEE, bħal dawk li jirregolaw id-diversifikazzjoni tar-riskju u l-limiti għall-iskopertura, il-kapaċità tal-UCITS li jifdu l-unitajiet tagħhom meta mitluba mit-titolari tagħhom u li jikkalkulaw il-valur nett ta’ l-assi tagħhom kull meta l-unitajiet jinħarġu jew jinfdew, jeħtieġ li f’dan ir-rigward tingħata aktar ċertezza lill-awtoritajiet kompetenti u lill-parteċipanti fis-suq. Ċertezza akbar tiffaċilita wkoll tħaddim aħjar tal-proċedura ta' notifikazzjoni għad-distribuzzjoni tal-UCITS bejn pajjiż u ieħor.

(4)

Il-kjarifiki pprovduti minn din id-Direttiva minnhom infushom ma jagħtux lok għal obbligi ġodda ta’ mġiba jew operattivi għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-parteċipanti fis-suq. Aktar milli jistabbilixxu listi eżawrjenti ta’ strumenti u tranżazzjonijiet finanzjarji, jispjegaw kriterji bażiċi bħala għajnuna fil-valutazzjoni ta’ jekk strument finanzjarju huwiex kopert mid-definizzjonijiet varji.

(5)

L-eliġibilità ta’ assi għal UCITS għandha tiġi vvalutata mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ jekk tidħolx fl-ambitu tad-definizzjonijiet kif iċċarati minn dan it-test iżda wkoll mar-rekwiżiti l-oħra tad-Direttiva 85/611/KE. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaħdmu flimkien permezz tal-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR) sabiex jiżviluppaw metodi komuni għall-applikazzjoni prattika u ta’ kuljum ta’ dawn il-kjarifiki fil-kuntest tad-doveri ta’ superviżjoni tagħhom, partikolarment f’rabta ma’ rekwiżiti oħrajn tad-Direttiva 85/611/KE bħall-proċeduri ta’ kontroll jew ta’ ġestjoni tar-riskju, u sabiex ikun żgurat il-funzjonament mingħajr intoppi tal-passaport tal-prodott.

(6)

Id-Direttiva 85/611/KE tiddefinixxi t-titoli trasferibbli esklussivament minn ottika formali-legali. Skond dan, id-definizzjoni ta’ titoli trasferibbli tapplika għal firxa kbira ta’ prodotti finanzjarji b’karatteristiċi li jvarjaw u b'livelli differenti ta' likwidità. Għal kull wieħed minn dawk il-prodotti finanzjarji għandha tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-definizzjoni ta’ titoli trasferibbli u dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva.

(7)

Fondi magħluqa (closed end) jikkostitwixxu klassi ta’ assi li mhijiex imsemmija espliċitament bħala assi eliġibbli għal UCITS skond id-Direttiva 85/611/KE. Madankollu, l-unitajiet tal-fondi magħluqa huma sikwit ittrattati bħal titoli trasferibbli u dan it-trattament iseħħ spiss meta jiġu ammessi għan-negozju f’suq regolat. Jeħtieġ għalhekk illi tingħata ċ-ċertezza lill-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ jekk l-unitajiet tal-fondi magħluqa humiex koperti mid-definizzjoni ta’ titoli trasferibbli. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaħdmu flimkien permezz ta' CESR biex jiżviluppaw strateġiji komuni fir-rigward ta' l-applikazzjoni prattika, minn jum għall-ieħor, tal-kriterji applikabbli għall-fondi magħluqa, partikolarment fir-rigward ta' l-istandards minimi tal-qofolmarbuta mal-mekkaniżmi tal-governanza korporattiva.

(8)

Tinħtieġ ukoll ċertezza legali addizzjonali fir-rigward tal-kategorizzazzjoni, bħala titoli trasferibbli, ta’ strumenti finanzjarji li huma marbuta mar-rendiment ta’ assi oħra, inklużi assi li mhumiex imsemmija fid-Direttiva 85/611/KEE innifisha, jew li huma sostnuti minn assi bħal dawn. Ta min wieħed jiċċara li jekk ir-rabta mal-komponent sottostanti jew komponent ieħor ta’ l-istrument tammonta għal element li għandu jitqies bħala derivattiv inkorporat, l-istrument finanzjarju jaqa’ taħt is-sottokategorija ta’ titoli trasferibbli li jinkorporaw element derivatttiv skond id-Direttiva 85/611/KEE. Il-konsegwenza ta’ dan hija li l-kriterji għad-derivattivi għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ dak l-element.

(9)

Sabiex ikun kopert mid-definizzjoni ta’ strumenti tas-suq tal-flus fid-Direttiva 85/611/KE, strument finanzjarju għandu jilħaq ċerti kriterji, partikolarment għandu normalment ikun ittrattat fuq is-suq tal-flus, għandu jkun likwidu u għandu jkollu valur li jista' jiġi ddeterminat f'kull ħin. Jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi għal dawn il-kriterji billi jitqiesu ċerti prattiki tas-suq. Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li l-kriterji għandhom jinftiehmu f'koerenza mal-prinċipji l-oħra tad-Direttiva 85/611/KE. Id-definizzjoni ta’ strumenti tas-suq tal-flus għandha testendi għal strumenti finanzjarji li mhumiex ammessi jew ma jiġux innegozjati fuq suq regolat u li għalihom id-Direttiva 85/611/KEE tistipula kriterji flimkien mal-kriterji ġenerali għall-istrumenti tas-suq tal-flus. Jeħtieġ bl-istess mod li dawn il-kriterji jiġu ċċarati fid-dawl tal-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-investituri u billi jitqiesu prinċipji tad-Direttiva bħal-likwidità tal-portfolio, kif jirriżulta mill-Artikolu 37 tagħha.

(10)

Skond id-Direttiva 85/611/KEE strumenti finanzjari derivattivi għandhom jitqiesu bħala assi finanzjarji likwidi jekk iwettqu l-kriterji stipulati f’dik id-Direttiva. Jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kriterji u huwa wkoll neċessarju li tkun ċara illi dawn il-kriterji għandhom jinftiehmu b’mod li huwa konsistenti ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Għandu jkun ċar ukoll li jekk id-derivattivi ta’ kreditu jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji, għandhom ikunu strumenti finanzjarji derivattivi fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 85/611/KEE u b’hekk eliġibbli għat-trattament bħala assi finanzjarji likwidi.

(11)

Il-bżonn tal-kjarifika huwa partikolarment urġenti għad-derivattivi fuq l-indiċijiet finanzjarji. Bħalissa hemm firxa wiesgħa ta' indiċijiet finanzjarji li jaħdmu bħala s-sottostanti għal strument derivattiv. Dawn l-indiċi jistgħu jvarjaw fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom jew il-koeffiċjenti korrettivi tal-komponenti tagħhom. Fil-każi kollha għandu jiġi żgurat li l-UCITS ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-likwidità tal-portafoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 37 tad-Direttiva 85/611/KEE u l-kalkolu tal-valur nett ta' l-assi u li dawn l-obbligi ma jkunux affetwati negattivament mill-karatteristiċi tal-komponent sottostanti jew derivattiv. Għandu jiġi ċċarat illi d-derivattivi fuq l-indiċi finanzjarji li l-kompożizzjoni tagħhom hija diversifikata biżżejjed, li jirrappreżentaw livell ta' referenza adegwat għas-suq li għalih jirreferu u li huma soġġetti għal informazzjoni xierqa rigward il-kompożizzjoni u l-kalkolu ta’ l-indiċi jidħlu fil-kategorija tad-derivattivi bħala assi likwidi finanzjarji. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jaħdmu flimkien permezz ta' CESR sabiex jiżviluppaw metodi komuni għall-applikazzjoni prattika ta’ kuljum ta’ dawn il-kriterji fir-rigward ta’ l-indiċijiet ibbażati fuq assi li mhumiex identifikati individwalment bħala assi eliġibbli f’din id-Direttiva.

(12)

Id-Direttiva 85/611/KE tirrikonoxxi bħala sottokategorija ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus dawk li jinkorporaw element derivattiv. L-inkorporazzjoni ta’ element derivattiv f’titolu trasferibbli jew strument tas-suq tal-flus ma tittrasformax l-istrument finanzjarju kollu fi strument finanzjarju derivattiv li kieku ma jidħolx fi ħdan id-definizzjonijiet ta' titolu trasferibbli jew strument tas-suq tal-flus. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ċċarat jekk derivattiv finanzjarju għandux jitiqes bħala inkorporat fi strument ieħor. Barra minn hekk, l-inkorporazzjoni ta’ derivattiv f’titolu trasferibbli jew strument tas-suq tal-flus tinvolvi r-riskju li wieħed ikun jista’ jdur madwar ir-regoli għad-derivattivi imposti mid-Direttiva 85/611/KE, u li dawn għalhekk ma jiġux osservati. Minħabba f'hekk, id-Direttiva teħtieġ identifikazzjoni ta' l-element derivattiv inkorporat u l-konformità ma’ dawk ir-regoli. Minħabba l-livell ta’ innovazzjoni finanzjarja, l-identifikazzjoni ta' l-element derivattiv inkorporat mhijiex dejjem evidenti. Sabiex tinkiseb ċertezza akbar f’dan ir-rigward, għandhom jiġu stipulati l-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ elementi bħal dawn.

(13)

Skond id-Direttiva 85/611/KEE, it-tekniċi u l-istrumenti relatati mat-titoli trasferibbli jew l-istrumenti tas-suq tal-flus għall-għanijiet tal-ġestjoni effiċjenti tal-portfolio ma jaqgħux fi ħdan id-definizzjonijiet ta' titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus. Sabiex jiġu ċċarati l-limiti ta’ dawk id-definizzjonijiet, jeħtieġ li jiġu stipulati kriterji sabiex jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet li kieku jaqgħu taħt dawk it-tekniċi u l-istrumenti. Jeħtieġ ukoll li wieħed jiftakar li dawk it-tekniċi u strumenti għandhom jinftiehmu f’koerenza ma’ l-obbligi l-oħra ta’ UCITS, partikolarment fir-rigward tal-profil tar-riskju tiegħu. Dan ifisser li għandhom ikunu konsistenti mar-regoli stipulati fid-Direttiva 85/611/KEE dwar il-ġestjoni tar-riskju u d-diversifikazzjoni tar-riskju, kif ukoll mar-restrizzjonijiet tagħha dwar il-bejgħ bin-nieqes (short sales) u s-self.

(14)

Id-Direttiva 85/611/KEE tistipula kriterji sabiex jiġu ddefiniti UCITS li jirrepplikaw indiċijiet ta' bonds jew ishma. UCITS li jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji huma soġġetti għal trattament aktar flessibbli fir-rigward tal-limiti tal-konċentrazzjoni għal kull emittent. Jeħtieġ għalhekk li jiġi żviluppat ftehim ċar ta’ dawn il-kriterji u li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan jinvolvi l-għoti ta’ aktar kjarifiki fir-rigward ta’ jekk UCITS jistax jitqies bħala UCITS li jirreplika indiċi, u b'hekk aktar ċertezza dwar il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw it-trattament preferenzjali ta’ UCITS li jirreplikaw l-indiċi.

(15)

Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli ġie kkonsultat għall-pariri tekniċi.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistipula regoli li jiċċaraw, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni uniformi tagħhom, it-termini li ġejjin:

(1)

titoli trasferibbli, kif definiti fl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(2)

strumenti tas-suq tal-flus, kif definiti fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(3)

assi finanzjarji likwidi, kif imsemmija fid-definizzjoni ta’ UCITS stipulata fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611/KEE, fir-rigward ta' strumenti finanzjarji derivattivi;

(4)

titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus li jinkorporaw derivattivi, kif imsemmija fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(5)

tekniċi u strumenti għall-għanijiet ta’ ġestjoni effiċjenti tal-portfolio, kif imsemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(6)

UCITS li jirreplikaw l-indiċi, kif imsemmija fl-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KEE.

Artikolu 2

Artikolu 1 (8) tad-Direttiva 85/611/KEE

Titoli trasferibbli

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 85/611/KE għal titoli trasferibbli għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin;

(a)

it-telf potenzjali li l-UCITS jistgħu jġarrbu fir-rigward tal-proprjetà ta’ dawn l-istrumenti huwa limitat għall-ammont imħallas għalihom;

(b)

il-likwidità tagħhom ma tikkompromettix il-kapaċità tal-UCITS li jikkonformaw ma’ l-Artikolu 37 tad-Direttiva 85/611/KEE;

(c)

tkun disponibbli stima affidabbli għalihom kif ġej:

(i)

fil-każ ta’ titoli elenkati jew ittrattati fuq suq regolat kif imsemmi fil-punti (a) sa (d) ta' l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE, fil-forma ta' prezzijiet preċiżi, affidabbli u regolari li huma jew prezzijiet tas-suq jew prezzijiet magħmula disponibbli minn sistemi ta’ stima indipendenti minn min joħroġ dawn l-istrumenti;

(ii)

fil-każ ta’ titoli oħrajn ammessi kif imsemmija fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 85/611/KEE, fil-forma ta' valutazzjoni fuq bażi perjodika li hija dderivata minn informazzjoni minn min joħroġ dawn l-istrumenti tat-titolu jew minn riċerka kompetenti dwar l-investiment;

(d)

informazzjoni xierqa tkun disponibbli għalihom kif ġej:

(i)

fil-każ ta’ titoli elenkati jew ittrattati fuq suq regolat kif imsemmi fil-punti (a) sa (d) ta' l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE, fil-forma ta' informazzjoni regolari, preċiża, u komprensiva affidabbli u regolari lis-suq dwar it-titolu jew, fejn rilevanti, dwar il-portfolio tat-titolu;

(ii)

fil-każ ta’ titoli oħra kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 85/611/KEE, fil-forma ta’ informazzjoni regolari u preċiża lill-UCITS dwar it-titolu jew, fejn rilevanti, dwar il-portfolio tat-titolu;

(e)

ikunu negozjabbli;

(f)

l-akkwist tagħhom ikun konsistenti mal-politika jew l-għanijiet ta’ investiment tal-UCITS, jew it-tnejn skond id-Direttiva 85/611/KEE;

(g)

ir-riskji tagħhom ikunu kkontrollati b’mod xieraq mill-proċess ta' ġestjoni tar-riskju tal-UCITS.

Għall-finijiet tal-punti (b) u (e) ta' l-ewwel subparagrafu, u sakemm ma jkunx hemm informazzjoni disponibbli għall-UCITS li twassal għal determinazzjoni differenti, l-istrumenti finanzjarji ammessi jew ittrattati f'suq regolat kif imsemmi skond il-punti (a), (b) jew (c) ta' l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE għandhom jitqiesu bħala li ma jikkompromettux il-kapaċità tal-UCITS li jikkonformaw ma’ l-Artikolu 37 tad-Direttiva 85/611/KEE u għandhom ukoll jitqiesu li huma negozjabbli.

2.   Titoli trasferibbli kif imsemmija fl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 85/611/KEE għandhom jitqiesu li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

unitajiet f’fondi magħluqa kkostitwiti jew bħala kumpaniji ta’ investiment jew bħala fondi komuni (unit trusts), li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(i)

iwettqu l-kriterji stipulati fil-paragrafu 1;

(ii)

ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta’ governanza korporattiva applikati lill-kumpaniji;

(iii)

meta l-attività tal-ġestjoni ta’ l-assi titwettaq minn entità oħra f’isem il-fond magħluq, dik l-entità hija soġġetta għar-regolazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-ħarsien ta’ l-investitur;

(b)

unitajiet f' fondi magħluqa kkostitwiti f’forma kuntrattwali li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(i)

iwettqu l-kriterji stipulati fil-paragrafu 1;

(ii)

ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta’ governanza korporattiva ekwivalenti għal dawk applikati lill-kumpaniji kif imsemmi fil-punt (a)(ii);

(iii)

ikunu ġestiti minn entità soġġetta għar-regolazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-ħarsien ta’ l-investitur;

(c)

strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(i)

iwettqu l-kriterji stipulati fil-paragrafu 1;

(ii)

ikunu sostnuti mir-rendiment ta' assi oħra li jistgħu jvarjaw minn dawk imsemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE, jew marbuta ma' dan ir-rendiment;

3.   Meta strument finanzjarju kopert mill-punt (c) tal-paragrafu 2 ikun fih komponent derivattiv inkorporat kif imsemmi fl-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva, ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 21 tad-Direttiva 85/611/KEE għandhom japplikaw għal dak il-komponent.

Artikolu 3

Artikolu 1 (9) tad-Direttiva 85/611/KEE

Strumenti li s-soltu jiġu nnegozjati fuq is-suq tal-flus

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KE għal strumenti tas-suq tal-flus bħala strumenti finanzjarji għandha tinftiehem bħala referenza għal dawn li ġejjin:

(a)

strumenti finanzjarji li huma elenkati għan-negozju jew li huma ttrattati fuq suq regolat skond il-punti (a), (b) u (c) ta’ l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(b)

strumenti finanzjarji li mhumiex elekanti għan-negozju.

2.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KE għal strumenti tas-suq tal-flus bħala strumenti li s-soltu huma ttrattati fuq is-suq tal-flus għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li jwettquwieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

għandhom maturità mal-ħruġ sa u inkluż 397 jum;

(b)

għandhom maturità residwa sa u inkluż 397 jum;

(c)

jgħaddu minn aġġustamenti regolari tar-rendita skond il-kundizzjonijiet tas-suq tal-flus talanqas darba kull 397 jum.

(d)

il-profil ta’ riskju tagħhom, inkluż rati ta’ riskju tal-kreditu u ta’ l-imgħax, jikkorrispondi għal dak ta' strumenti finanzjarji li għandhom maturità kif imsemmija fil-punti (a) jew (b) jew huma soġġetti għal aġġustament tar-rendita kif imsemmi fil-punt (c).

Artikolu 4

Artikolu 1 (9) tad-Direttiva 85/611/KEE

Strumenti likwidi b’valur li jista’ jiġi ddeterminat fi kwalunkwe ħin

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KE għal strumenti tas-suq tal-flus bħala strumenti li huma likwidi għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li jistgħu jinbiegħu bi prezz limitat f’perjodu ta’ żmien adegwatament qasir, billi jitqies l-obbligu tal-UCITS li jixtru mill-ġdid jew jifdu l-unitajiet fuq talba ta’ kull titolari ta’ unitajiet.

2.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KE għal strumenti tas-suq tal-flus bħala strumenti li għandhom valur li jista’ jiġi ddeterminat b'mod eżatt fi kwalukwe ħin għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li għalihom huma disponibbli sistemi ta’ stima preċiżi u affidabbli, li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

jippermettu li l-UCITS jikkalkulaw il-valur nett ta’ l-assi skond il-valur li bih l-istrument finanzjarju fil-portfolio jista’ jiġi skambjat bejn partijiet konsapevoli u disponibbli fi transazzjoni ordinarja tas-suq;

(b)

ikunu bbażati jew fuq informazzjoni tas-suq jew fuq mudelli ta’ stima li jinkludu sistemi bbażati fuq prezzijiet ammortizzati.

3.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala mwettqa fil-każ ta’ strumenti finanzjari li s-soltu huma ttrattati fis-suq tal-flus għall-finijiet ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 85/611/KEE u li huma elenkati jew ittrattati f’suq regolat skond il-punti (a), (b) jew (c) ta’ l-Artikolu 19(1) tagħha, sakemm ma jkunx hemm informazzjoni disponibbli lill-UCITS li twassalhom għal determinazzjoni differenti.

Artikolu 5

Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE

Strumenti li l-ħruġ tagħhom jew min joħroġ dawn l-istrumenti huwa rregolat għall-finijiet tal-ħarsien ta’ l-investituri u tat-tfaddil

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KE għal strumenti tas-suq tal-flus barra minn dawk ittrattati f’suq regolat, li l-ħruġ tagħhom jew min joħroġ dawn l-istrumenti huwa nnifsu rregolat għall-finijiet tal-ħarsien ta’ l-investituri u tat-tfaddil, għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

iwettqu wieħed mill-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(2) u l-kriterji kollha fl-Artikoli 4(1) u 4(2);

(b)

tkun disponibbli għalihom informazzjoni xierqa, inkluż informazzjoni li tippermetti valutazzjoni xierqa tar-riskji tal-kreditu marbuta ma’ l-investiment fi strumenti bħal dawn, billi jitqiesu l-paragrafi 2, 3 u 4 ta'dan l-Artikolu;

(c)

ikunu trasferibbli liberament.

2.   Għal strumenti tas-suq tal-flus koperti mit-tieni u r-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE, jew għal dawk maħruġa minn awtorità lokali jew reġjonali ta’ Stat Membru jew minn entità internazzjonali pubblika, iżda li mhumiex garantiti minn Stat Membru jew, fil-każ ta’ Stat federali li huwa Stat Membru, minn wieħed mill-membri ta’ din il-federazzjoni, l-informazzjoni xierqa kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tikkonsisti f'li ġej:

(a)

informazzjoni kemm dwar il-ħruġ jew il-programm tal-ħruġ kif ukoll dwar il-qagħda legali u finanzjarja ta’ min joħroġ dawn l-istrumenti qabel il-ħruġ ta’ l-istrument tas-suq tal-flus;

(b)

aġġornamenti ta’ l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) fuq bażi regolari u kull meta jseħħ avveniment sinfikanti;

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) ivverifikata min-naħa ta' partijiet terzi kkwalifikati li ma jkunux soġġetti għall-istruzzjonijiet ta' min joħroġ dawn l-istrumenti;

(d)

statistika disponibbli u affidabbli dwar il-ħruġ jew il-programmi tal-ħruġ.

3.   Għal strumenti tas-suq tal-flus koperti mit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE, informazzjoni xierqa kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tikkonsisti f'li ġej:

(a)

informazzjoni dwar il-ħruġ jew il-programm tal-ħruġ jew il-qagħda legali u finanzjarja ta’ min joħroġ dawn l-istrumenti qabel il-ħruġ ta’ l-istrument tas-suq tal-flus;

(b)

aġġornamenti ta’ l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) fuq bażi regolari u kull meta jseħħ avveniment sinfikanti;

(c)

statistika disponibbli u affidabbli dwar il-ħruġ jew il-programm tal-ħruġ u informazzjoni oħra li tippermetti valutazzjoni xierqa tar-riskji tal-kreditu marbuta ma’ l-investiment fi strumenti bħal dawn.

4.   Għall-istrumenti kollha tas-suq tal-flus koperti mill-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u dawk maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew jew dawk maħruġa minn bank ċentrali ta' Stat Membru, informazzjoni xierqa kif imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tikkonsisti f’informazzjoni dwar il-ħruġ jew il-programm ta’ ħruġ jew dwar il-qagħda legali u finanzjarja ta’ min joħroġ dawn l-istrumenti qabel il-ħruġ ta’ l-istrument tas-suq tal-flus.

Artikolu 6

Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE

Stabbiliment li huwa soġġett għal regoli prudenzjali u konformi magħom, meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala mill-inqas stretti daqs dawk stabbiliti mil-liġi Komunitarja

Ir-referenza fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KE għal stabbiliment li huwa soġġett għal u jikkonforma ma' regoli prudenzjali, meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala talanqas stretti daqs dawk stabbiliti mil-liġi Komunitarja, għandha tinftiehem bħala referenza għal emittent li huwa soġġett għal u jikkonforma mar-regoli prudenzjali u li jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

1.

ikun jinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea;

2.

ikun jinsab fil-pajjiżi ta' l-OECD li jiffurmaw parti mill-Grupp ta’ Għaxra,

3.

ikollu mill-inqas “investment grade rating”;

4.

abbażi ta’ analiżi fil-fond ta’ l-emittent, ikun jista’ jintwera li r-regoli prudenzjali applikabbli għal dak min joħroġ dawn l-istrumenti huma mill-inqas stretti daqs dawk stipulati mill-liġi Komunitarja.

Artikolu 7

Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE

Veikoli ta’ titolarizzazzjoni li jgawdu minn linja ta’ likwidità bankarja

1.   Ir-referenza fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE għal veikoli ta’ titolizzazzjoni għandha tinftiehem bħala referenza għal strutturi, sew f'forma korporattiva, ta' trust jew kuntrattwali, imwaqqfa għall-għanijiet ta' operazzjonijiet ta' titolarizzazzjoni.

2.   Ir-referenza fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KEE għal linji ta' likwidità bankarja għandhom jinftiehmu bħala referenza għal faċilitajiet bankarji ggarantiti minn istituzzjoni finanzjarja li hija nnifisha tikkonforma mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 19(1)(h) tad-Direttiva 85/611/KE.

Artikolu 8

Artikoli 1(2) u 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KE

Assi finanzjarji likwidi fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji derivattivi

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611/KEE għal assi likwidi finanzjarji għandha għandha tinftiehem, fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji derivattivi, bħala referenza għal strumenti finanzjarji derivativvi li jissodisfaw l-kriterji li ġejjin:

(a)

is-sottostanti tagħhom ikunu jikkonsistu f’waħda jew aktar milli ġejjin:

(i)

assi kif imniżżla fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE inkluż strumenti finanzjarji li għandhom karatteristika jew aktar ta’ dawk l-assi;

(ii)

rati ta’ l-imgħax;

(iii)

rati tal-kambju jew muniti;

(iv)

indiċijiet finanzjarji.

(b)

fil-każ ta’ derivattivi OTC, ikunu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KEE.

2.   Strumenti finanzjarji derivattivi kif imsemmija fl-Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KEE għandhom jitqiesu li jinkludu strumenti li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

ikunu jippermettu t-trasferiment tar-riskju tal-kreditu ta’ assi kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu indipendentament mir-riskji l-ohra assoċjati ma’ dan l-ass;

(b)

ma jirriżultawx fil-konsenja jew fit-trasferiment, inkluż il-forma kontanti, ta’ assi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE;

(c)

jikkonformaw mal-kriterji għad-derivattivi OTC stipulati fit-tieni u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KEE u fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu;

(d)

ir-riskji tagħhom ikunu kkontrollati b’mod adegwat mill-proċess ta' ġestjoni tar-riskju tal-UCITS, u mill-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħhom f’każ ta’ riskji ta’ asimetrija ta’ informazzjoni bejn l-UCITS u l-kontroparti tad-derivattiv tal-kreditu li tirriżulta minn aċċess potenzjali tal-kontroparti għal informazzjoni mhux pubblika dwar ditti li l-assi tagħhom huma użati bħala sottostanti minn derivattivi ta’ kreditu;

3.   Għall-finijiet tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KE, ir-referenza għall-valur ekwu għandha tinftiehem bħala referenza għall-ammont li għalih assi jista’ jiġi skambjat jew li għalih jista’ jsir is-saldu ta' passiv bejn partijiet konsapevoli u disponibbli fi tranżazzjoni ordinarja tas-suq.

4.   Għall-finijiet tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KE, ir-referenza għal stima affidabbli u verifikabbli għandha tinftiehem bħala referenza għal stima, mill-UCITS li tikkorrispondi għall-valur ekwu kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li ma tiddependix biss minn kwotazzjonijiet tas-suq mill-kontroparti u li tissodisfa iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-bażi għall-istima hija jew valur tas-suq aġġornat affidabbli ta' l-istrument, jew, jekk valur bħal dan ma jkunx disponibbli, mudlel ta' pprezzar li juża metodoloġija xierqa rikonoxxuta;

(b)

il-verifika ta’ l-istima titwettaq minn wieħed minn dawn:

(i)

parti terza xierqa li hija indipendenti mill-kontroparti tad-derivattiv OTC, b’regolarità xierqa u b’tali mod li l-UCITS ikun jista’ jiċċekkjaha;

(ii)

unità fi ħdan l-UCITS li tkun indipendenti mid-dipartiment inkarigat mill-ġestjoni ta’ l-assi u li hija mgħammra b’mod xieraq għal dan il-għan.

5.   Ir-referenza fl-Artikoli 1(2) u 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KE għall-assi finanzjarji likwidi għandha tinftiehem bħala li teskludi d-derivattivi fuq il-prodotti.

Artikolu 9

Artikolu 19(1)(g) tad-Direttiva 85/611/KEE

Indiċi finanzjarji

1.   Ir-referenza fil-punt (g) ta’ l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KE għall-indiċijiet finanzjarji għandha tinftiehem bħala referenza għall-indiċijiet li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin;

(a)

ikunu diversifikati biżżejjed, fis-sens li jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

l-indiċi jkun kompost b’tali mod li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet jew l-attivitajiet tan-negozju fir-rigward ta’ komponent wieħed ma jinfluwenzax bla bżonn ir-rendiment ta’ l-indiċi kollu kemm hu;

(ii)

meta l-indiċi jkun kompost minn assi msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE, il-kompożizzjoni tiegħu tkun talanqas diversifikata skond l-Artikolu 22a ta’ dik id-Direttiva;

(iii)

meta l-indiċi jkun kompost minn assi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE, ikun diversifikat b’mod li jkun ekwivalenti għal dak previst fl-Artikolu 22a ta’ dik id-Direttiva;

(b)

jirrappreżentaw livell adegwat għas-suq li jirreferu għalih, fis-sens li jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

l-indiċi jkejjel ir-rendiment ta’ grupp rappreżentattiv ta’ sottostanti b’mod xieraq u rilevanti;

(ii)

l-indiċi jiġi rivedut jew ibbilanċjat mill-ġdid perjodikament sabiex ikun żgurat li jkompli jirrifletti s-swieq li jirreferi għalihom skond kriterji disponibbli pubblikament;

(iii)

is-sottostanti jkunu likwidi biżżejjed sabiex jippermettu lill-utenti li jirreplikaw l-indiċi, jekk meħtieġ;

(c)

huma ppubblikati b’mod xieraq, fis-sens li jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

il-proċess tal-pubblikazzjoni tagħhom jistrieħ fuq proċeduri sodi għall-ġbir tal-prezzijiet u biex jiġi kkalkulat u sussegwentament ippubblikat il-valur ta’ l-indiċi, inklużi l-proċeduri għall-ipprezzar għal komponenti meta prezz tas-suq ma jkunx disponibbli;

(ii)

l-informazzjoni relevanti dwar kwistjonijiet bħal kalkolu ta’ l-indiċi u metodoloġiji ta’ bbilanċjar mill-ġdid, bidliet fl-indiċi jew kull diffikultà operattiva fl-għoti ta’ tagħrif f’waqtu jew preċiż, tingħata fuq bażi wiesgħa u f’waqtha.

2.   Meta l-kompożizzjoni ta’ l-assi li jintużaw bħala sottostanti mid-derivattivi finanzjarji skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 85/611/KEE ma jissodisfawx il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dawn id-derivattivi finanzjarji għandhom, meta jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva, jitqiesu bħala derivattivi finanzjarji fuq tagħqida ta' l-assi msemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) ta' l-Artikolu 8(1)(a).

Artikolu 10

Artikolu 21(3) tad-Direttiva 85/611/KEE, ir-raba’ subparagrafu

Titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus li jinkorporaw derivattivi

1.   Ir-referenza fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 85/611/KE għal titoli trasferibbli li jinkorporaw derivattiv għandha tinftiehem bħala referenza għal strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva u li fihom komponent li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

minħabba dak l-komponent xi wħud jew il-flussi kollha tal-likwidità li kieku jkunu meħtieġa mit-titolu trasferibbli li jiffunzjona bħala l-kuntratt ospitanti jistgħu jiġu mmodifikati skond rata ta’ imgħax speċifikata, prezz ta’ strument finanzjarju, rata ta’ kambju, indiċi ta’ prezzijiet jew rati, rating tal-kreditu jew indiċi tal-kreditu, jew varjabbli oħra, u għalhekk ivarjaw b’mod simili għal dak ta’ derivattiv waħdu;

(b)

il-karatteristiċi u r-riskji ekonomiċi tiegħu mhumiex marbuta direttament mal-karatteristiċi u r-riskji ekonomiċi tal-kuntratt ospitanti;

(c)

ikollu impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju u l-ipprezzar tat-titolu trasferibbli.

2.   Strumenti tas-suq tal-flus li jissodisfaw wieħed mill-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(2) u l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 4(1) u 4(2), u li fihom komponent li jissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala strumenti tas-suq tal-flus li jinkorporaw derivattiv.

3.   Titolu trasferibbli jew strument tas-suq tal-flus m'għandux jitqies bħala li jinkorpora derivattiv meta jkun fih komponent li huwa kuntrattwalment trasferibbli indipendentement mit-titolu trasferibbli jew mill-istrument tas-suq tal-flus. Komponent bħal dan għandu jitqies bħala strument finanzjarju separat.

Artikolu 11

Artikolu 21(2) tad-Direttiva 85/611/KEE

Tekniċi u strumenti għall-għanijiet tal-ġestjoni effiċjenti tal-portfolio

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 85/611/KE għal tekniċi u strumenti marbuta ma’ titoli trasferibbli u li jintużaw għall-għanijiet tal-ġestjoni effiċjenti tal-portfolio għandha tinftiehem bħala referenza għal tekniċi u strumenti li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin;

(a)

ikunu ekonomikament xierqa fis-sens li jitwettqu b'mod effiċjenti f'relazzjoni ma' l-ispejjeż involuti;

(b)

jintużaw għal waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

(i)

tnaqqis tar-riskju

(ii)

tnaqqis ta' l-ispiża;

(iii)

ġenerazzjoni ta’ kapital jew dħul addizzjonali għall-UCITS b’livell ta’ riskju li jkun konsistenti mal-profil ta’ riskju tal-UCITS u r-regoli ta’ diversifikazzjoni tar-riskju stipulati fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 85/611/KEE;

(c)

ir-riskji tagħhom ikunu kkontrollati b’mod xieraq mill-proċess ta' ġestjoni tar-riskju tal-UCITS.

2.   Tekniċi u strumenti li jikkonformaw mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 1 u li għandhom x’jaqsmu ma’ strumenti tas-suq tal-flus għandhom jitqiesu bħala tekniċi u strumenti marbuta ma’ strumenti tas-suq tal-flus għall-għanijiet tal-ġestjoni effiċjenti tal-portfolio, kif imsemmi fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 85/611/KEE;

Artikolu 12

Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KEE

UCITS li jirreplikaw l-indiċi

1.   Ir-referenza fl-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KE għar-replikazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ indiċi ta’ titoli ta’ stokks jew djun għandha tinftiehem bħala referenza għar-replikazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ l-assi sottostanti ta’ l-indiċi, inkluż l-użu ta’ derivattivi jew tekniċi u strumenti oħra kif imsemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 85/611/KEE u l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva.

2.   Ir-referenza fl-ewwel indiċi ta’ l-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KEE għal indiċi li l-kompożizzjoni tiegħu hija ddiversifikata biżżejjed għandha tinftiehem bħala referenza għall-indiċi li jikkonforma mar-regoli tad-diversifikazzjoni tar-riskju ta' Artikolu 22a ta' dik id-Direttiva.

3.   Ir-referenza ft-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KEE għal indiċi li jirrapreżenta livell xieraq għandha tinftiehem bħala referenza għall-indiċi li min jipprovdih juża metodoloġija rikonoxxuta li s-soltu ma tirriżultax fl-esklużjoni ta’ emittent ewlieni mis-suq li tirreferi għalih.

4.   Ir-referenza fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 85/611/KEE għal indiċi li huwa ppubblikat b'mod xieraq għandha tinftiehem bħala referenza għal indiċi li jissodisfa l-kriterji li ġejjin;

(a)

ikun aċċessibbli għall-pubbliku;

(b)

min jipprovdi l-indiċi jkun indipendenti mill-UCITS li tirreplika l-indiċi.

Il-punt (b) ma għandux jipprekludi lil min jipprovdi l-indiċi u lill-UCITS li tifforma parti mill-istess grupp ekonomiku, dejjem sakemm ikun hemm arranġamenti effettivi għall-ġestjoni ta' kunflitti ta’ interess.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-23 ta' Marzu 2008 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-23 ta' Lulju 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id- dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom ir-referenza msemmija waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Entry into force

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Addressees

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 19 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9).