1.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

24


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/10/KE

tal-21 ta' Frar 2007

li temenda l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu f'żona ta' protezzjoni wara tifqigħa tal-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) fil-ħnieżer

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard ta' l-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistipola r-regoli ta' saħħet l-annimali li jirregolaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/119/KEE tistipula l-miżuri għall-kontroll ta' ċertu mard ta' l-annimali. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) fil-ħnieżer huma stipulati fl-Anness II ta' din id-Direttiva.

(2)

Billi d-Direttivi tal-Kunsill 72/461/KEE (3) u 80/215/KEE (4) tħassru bl-effett mill-1 ta' Jannar 2006, ir-referenzi għal dawk id-Direttivi li hemm fid-Direttiva 92/119/KEE għandhom jinbidlu bir-referenzi fl-Annessi II u III tad-Direttiva 2002/99/KE.

(3)

Huwa xieraq li tiġi pprovduta soluzzjoni speċifika fir-rigward ta' l-immarkar tal-laħam u l-użu sussegwenti tiegħu, kif ukoll id-destinazzjoni tal-prodotti pproċessati, fejn il-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) fil-ħnieżer tippermetti, sakemm dan isir b'tali mod li l-grad ta' protezzjoni mill-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) fil-ħnieżer permezz tal-kummerċ intra-Komunitarju jew il-kummerċ internazzjonali ma jkunx imxekkel.

(4)

Ċerti Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni li l-marka ta' identifikazzjoni stipulata fl-Anness II tad-Direttiva 2002/99/KE ma ntlaqgħetx tajjeb mill-operaturi u l-klijenti fl-industrija. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi pprovduta marka ta' identifikazzjoni alternattiva li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw. Madankollu, fl-interess tal-kontrolli, huwa importanti li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni minn qabel, jekk jiddeċiedu li japplikaw il-marka ta' identifikazzjoni alternattiva f'każ ta' tifqigħa tal-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) tal-ħnieżer.

(5)

Il-marka ta' identifikazzjoni alternattiva stipulata f'din id-Direttiva għandha tkun tingħaraf b'mod ċar minn marki oħra ta' identifikazzjoni li jiġu applikati lil-laħam tal-ħnieżer skond ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipula regoli speċifiċi ta' iġjene għal ikel li joriġina mill-annimali (5) jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistipula l-arranġamenti tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004, (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (6).

(6)

Kontra d-dispożizzjonijiet ġenerali ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/119/KEE, id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-marda ta' l-infafet (’vexxikulari’) fil-ħnieżer fl-Anness II ta' dik id-Direttiva ma jippermettux awtorizzazzjoni għat-tneħħija ta' l-annimali minn azjenda fiż-żona ta' protezzjoni fil-każ li l-projbizzjoni tat-tneħħija tinżamm aktar minn 30 jum minħabba fl-okkorrenza ta' każijiet oħra tal-marda. Huwa xieraq li tiġi pprovduta deroga għall-ażjendi li fihom iż-żamma ta' l-annimali għal perjodi itwal minn 30 jum għandha mnejn tikkawża l-problemi.

(7)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-Kapitolu 7 ta' l-ANNESS II għad-Direttiva 92/119/KEE hu emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt (b) hu mibdul b' dan li ġej:

“(g)

laħam tal-ħnieżer li jissemmew fil-punt (f)(i):

(i)

m'għandux jidħol fil-kummerċ intra-Komunitarju jew internazzjonali u għandu jkollu l-marka sanitarja għal-laħam frisk kif stipulat fl-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (*);

(ii)

għandu jinkiseb, jitqatta', jiġi ttrasportat u maħżun separatament mil-laħam maħsub għall-kummerċ intra-Komunitarju u internazzjonali u għandu jintuża b'tali mod li jiġi evidat milli jiddaħħal fi prodotti tal-laħam maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju jew internazzjonali, sakemm ma jkunx għadda minn trattament kif stabbilit fl-Anness III tad-Direttiva 2002/99/KE*;

(*)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.”"

(b)

Jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h)

(i)

b'deroga mill-punt (g) għal-laħam tal-ħnieżer imsemmija fil-punt (f)(i) l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw marka ta' identifikazzjoni oħra minflok il-marka ta' identifikazzjoni speċjali stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/99/KE, sakemm din tkun tista' tintgħaraf minn marki oħra ta' identifikazzjoni li għandhom jiġu applikati għal-laħam tal-ħnieżer skond ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) jew ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru No 2076/2005 (***);

L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw il-marka ta' identifikazzjoni alternattiva għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

(ii)

għall-fini ta' (i), il-marka ta' identifikazzjoni għandha tkun leġibbli u indelibbli, b'karattri li jinqraw faċilment u li jidhru ċari. Il-marka ta' identifikazzjoni għandu jkollha l-għamla li ġejja u jkollha l-indikazzjonijiet li ġejjin:

Image

XY tfisser il-kodiċi tal-pajjiż rilevanti stipulat fil-punt 6 tal-Parti B tat-Taqsima I ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

1234 ifisser in-numru ta' approvazzjoni ta' l-istabbiliment imsemmi fil-punt 7 tal-Parti B tat-Taqsima I ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004

(**)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, ikkoreġuta mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22."

(***)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.”"

(2)

Il-punt 5 li ġej jiddaħħal:

“5.

Fejn il-projbizzjonijiet stipulati fil-punt 2(f) jinżammu għal aktar minn 30 jum minħabba fl-okkorrenza ta' aktar każijiet tal-marda u minħabba dan jinqalgħu il-problemi rigward iż-żamma ta' l-annimali, l-awtorità kompetenti, wara applikazzjoni mill-proprjetarju li tispjega r-raġunijiet għal applikazzjoni bħal din u sakemm il-veterinarju uffiċjali jkun ivverifika l-fatti, tista' tawtorizza t-tneħħija ta' l-annimali minn azjenda fiż-żona ta' protezzjoni. Il-punti 2(f) u (h) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008. Għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien, bit-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet u b'tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir it-tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 21 ta' Frar 2007.

Ghall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

(2)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(3)  ĠU L 302, 31.12.1972, p. 24. Direttiva revokata bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33).

(4)  ĠU L 47, 21.2.1980, p. 4. Direttiva revokata bid-Direttiva 2004/41/KE.

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 5; ikkoreġuta mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83.