14.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/1


Abbozz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill

ta' 31 ta' Mejju 2007

dwar l-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur ta' l-UE (2007 — 2013)

(2007/C 162/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

IFAKKAR li skond l-Artikolu 153 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

a.

il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll għall-promozzjoni tad-dritt tagħhom għal informazzjoni, edukazzjoni u li jorganizzaw irwieħhom sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi tagħhom,

b.

Fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' linji politiċi u attivitajiet oħra tal-Komunità għandu jittieħed kont tal-ħtiġiet tal-protezzjoni tal-konsumatur.

JIRRIKONOXXI r-rwol importanti tal-politika tal-konsumatur fit-tfassil tas-suq intern u s-sinerġija tagħha ma' linji politiċi tas-suq intern. Il-kunfidenza tal-konsumatur u tal-kummerċ huma prerekwiżiti għal funzjonament tajjeb tas-suq intern li jipprovdi spinta għall-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku. Konsumaturi informati u b'aktar responsabbiltà li għandhom drittijiet effettivi u fiduċja fihom jikkostitwixxu forza qawwija għas-suċċess ekonomiku u l-bidla.

JIRRIKONOXXI l-potenzjal tas-suq intern bl-imnut, li fil-biċċa l-kbira għadu frammentat tul il-linji nazzjonali, biex il-konsumaturi u n-negozji jingħataw benefiċċji permezz tat-tneħħija ta' ostakoli u b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet għall-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut.

JIRRIKONOXXI l-opportunitajiet ipprovduti permezz ta' teknoloġiji ġodda, speċjalment fl-ambjent diġitali, u l-innovazzjoni biex jirrispondu għall-għażla tal-konsumatur u jżidu aċċess għal swieq ġodda kif ukoll l-isfidi biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumatur huma adegwati, ċari, trasparenti u garantiti, u li l-mekkaniżmi għall-konsum sostenibbli u l-intendiment ta' l-imġiba tal-konsumatur huma żviluppati aktar.

JISSOTTOLINJA, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-importanza tal-liġi Komunitarja biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-ħtieġa għal mekkaniżmi effettivi fl-infurzar tal-liġi, ukoll fir-rigward ta' transazzjonijiet transkonfini tal-konsumatur.

JAQBEL li l-interessi tal-konsumatur għandhom jiġu inkorporati fl-oqsma kollha tal-politika Ewropea. Din hija prekondizzjoni għal politika effettiva tal-konsumatur u bażi tajba għall-ksib ta' l-objettivi ta' Lisbona. It-tħassib dwar l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur u l-informazzjoni għall-konsumatur, b'mod partikolari, huwa relatat ma' ħafna linji politiċi speċjalizzati. L-inklużjoni ta' l-interessi tal-konsumatur f'linji politiċi oħrajn, inkluż għal servizzi ta' interess ġenerali, jirrappreżenta kompitu konġunt li għandu jitwettaq mill-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE u l-Istati Membri.

I.

JILQA' l-iżvilupp ta' l-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur tal-Kummissjoni għas-snin 2007 — 2013 (1) fil-livell ta' l-UE li tiffoka fuq il-massimizzazzjoni ta' l-għażla u l-kunfidenza tal-konsumatur billi tirresponsabbilizza kif ukoll tipproteġi lill-konsumaturi, tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u testendi s-swieq kompetittivi u timmira li tikseb suq bl-imnut intern aktar integrat u aktar effettiv.

II.

JAGĦMEL SEJĦA LILL-KUMMISSJONI biex timplimenta din l-istrateġija bit-tliet objettivi ewlenin tagħha u filwaqt li tagħmel dan, speċjalment;

1.

biex tkompli l-politika tal-konsumatur immirata għal trasparenza fis-suq u t-tisħiħ tal-kapaċità tas-suq intern biex jiġu sodisfatti l-aspettativi tal-konsumatur. Politika tal-konsumatur li tisħaq għal swieq effiċjenti tagħti kontribut għat-tkabbir u l-impjiegi u ssaħħaħ il-ġid tal-konsumatur,

2.

biex tagħti prijorità lil livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, għażla u aċċess fil-Komunità u b'hekk tiżgura l-fiduċja tal-konsumatur f'xiri transkonfini jew kuntratti, u biex tagħti atttenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta' politika tal-konsumatur u l-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' servizzi,

3.

biex tiżgura konsistenza fl-objettivi operattivi lejn dawk li huma sottostanti għad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew Nru1926/2006/KE u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxu programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (2);

4.

biex tippromwovi u tissalvagwardja l-interessi tal-konsumatur f'dinja dejjem aktar globalizzata u biex tippromwovihom fil-kuntest ta' relazzjonijiet internazzjonali u permezz ta' ftehim internazzjonali,

5.

biex tirrevedi l-acquis Komunitarju rigward il-protezzjoni tal-konsumatur bil-ħsieb ta' simplifikazzjoni, modernizzazzjoni, regolamentazzjoni aħjar, tneħħija ta' inkonsistenzi eżistenti u rispett għall-ħtiġiet ta' teknoloġiji ġodda, b'rigward xieraq għall-prinċipju ta' sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea; u li tressaq, fejn xieraq u b'kont dovut tar-riżultat tal-konsultazzjonijiet dwar il-Green Paper dwar ir-reviżjoni ta' l-acquis tal-konsumatur, proposti għal adattament rilevanti ta' l-acquis sakemm id-drittijiet u l-obbligi kkonċernati jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u titjib tal-funzjonament tas-suq intern,

6.

biex tirrevedi fejn mekkaniżmi awto-regolatorji u ta' ko-regolamentazzjoni jistgħu jikkomplementaw dispożizzjonijiet leġislattivi eżistenti,

7.

biex tappoġġja r-riċerka komprensiva orjentata lejn il-konsumatur, il-valutazzjoni ta' funzjonament tas-suq, l-aspettativi tal-konsumatur u l-imġiba tal-konsumatur, biex tistabbilixxi gwida u l-evalwazzjoni ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ ta' politika tal-konsumatur orjentati lejn il-konsumatur u biex tiżviluppa indikaturi xierqa abbażi ta' kompetenza rilevanti,

8.

biex tappoġġa kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet għall-infurzar ta' liġijiet tal-konsumatur u l-leġislazzjoni li tirregola s-sigurtà ta' prodotti, biex tippromwovi l-attivitajiet ta' netwerk tagħhom, biex tiżviluppa aktar sistemi ta' informazzjoni u biex testendi ftehim internazzjonali dwar kooperazzjoni amminsitrattiva reċiproka bejn l-UE u pajjiżi terzi,

9.

biex tissorvelja kontinwament l-effiċjenza ta' rakkomandazzjonijiet eżistenti li fihom garanziji speċifiċi minimi għal proċeduri alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim u biex taħdem lejn applikazzjoni aktar wiesgħa u t-tisħiħ tal-prinċipji rregolati hemmehekk kif ukoll biex tiżgura interkonnessjoni bejn proċeduri alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim eżistenti u biex tikkomunika aħjar dwar għodod ta' informazzjoni eżistenti,

10.

biex tikkonsidra b'attenzjoni mekkaniżmi kollettivi ta' rimedju u biex tressaq ir-riżultati ta' l-istudji kontinwi rilevanti, fid-dawl ta' kwalunkwe proposta jew azzjoni possibbli,

11.

biex tagħti attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-konsumatur meħtieġa, l-għażla u l-konvenjenza fl-ikkompletar tas-suq intern f'servizzi finanzjarji fid-dawl ta' l-importanza vitali ta' deċiżjonijiet dwar prodotti finanzjarji għal konsumaturi, eż. fir-rigward ta' dispożizzjonijiet għax-xjuħija jew finanzjament tal-proprjetà immobbli,

12.

biex tagħti aktar importanza lil valutazzjonijiet elaborati ta' impatt tul il-linji politiċi kollha li jaffettwaw l-interessi tal-konsumaturi fuq perijodu fit-tul,

13.

biex tinvolvi aktar lill-partijiet rilevanti interessati fil-politika tal-konsumatur f'konsultazzjonijiet organizzati fi ħdan il-qafas ta' linji politiċi Komunitarji oħrajn dwar proposti b'effett kbir fuq il-konsumaturi.

III.

ISEJJAĦ LILL-KUMMISSJONI U L-ISTATI MEMBRI,

14.

biex ikomplu jiddefendu koordinazzjoni aħjar mat-tħassib u l-prijoritajiet ta' l-oqsma individwali politiċi u biex jgħaqqdu aktar il-linji politiċi tal-konsumatur ma' linji politiċi speċjalizzati oħrajn, notevolment ma' linji politiċi ekonomiċi, tat-trasport, ambjentali, ta' l-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet,

15.

biex jaħdmu lejn protezzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur effettivi fl-Istati Membri kollha u b'hekk jiżguraw konsumaturi attivi u responsabbilizzati bl-istess mod fis-suq intern sħiħ, inkluż l-edukazzjoni dwar il-konsum sostenibbli,

16.

biex jiżguraw aktar sistemi għal infurzar tal-liġi fl-Istati Membri u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam ta' protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li titkattar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur,

17.

biex ikomplu jipproteġu l-interessi tal-konsumatur fir-rigward ta' servizzi ta' interess ġenerali u biex isaħħu b'mod adegwat il-konsumaturi fid-drittijiet tagħhom,

18.

biex jieħdu kont ta' l-interessi tal-konsumatur fl-istandardizzazzjoni u l-iskemi ta' tikkettar fil-livelli Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali u biex jaħdmu lejn il-ħarsien ta' interessi tal-konsumatur fil-livell internazzjonali,

19.

biex jirrikonoxxu l-importanza qawwija ta' assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur sabiex ikunu jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur b'mod indipendenti fil-livell Komunitarju u fl-Istati Membri,

20.

biex jipprovdu appoġġ kontinwu lin-Network Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur (ECC-Net) u biex jiżguraw punti ta' kuntatt fl-Istati Membri kollha sabiex jassistu l-konsumaturi fir-riżoluzzjoni effettiva ta' tilwim transkonfini.

IV.

ISEJJAĦ LILL-ISTATI MEMBRI biex jiżguraw li l-objettivi tal-Politika ta' Strateġija tal-Konsumatur jitqiesu fil-linji politiċi nazzjonali tagħhom.

V.

ISEJJAĦ lill-Kummissjoni biex:

a.

tikkonsulta regolarment ma' l-Istati Membri sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija u, jekk meħtieġ, biex isiru modifiki jew aġġustamenti fit-tieni stadju u

b.

tirrapporta dwar il-progress miksub fil-politika tal-konsumatur u, barra minn hekk, biex tippreżenta rapport ta' nofs it-term dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Politika tal-Konsumatur u rapport ta' evalwazzjoni ex post sa Diċembru 2015.


(1)  Dok. 7503/07.

(2)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.