15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/29


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/334/PESK

ta’ l-14 ta’ Mejju 2007

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u f’oqsma oħra possibbli fil-Kosovo

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK (1) li tistabbilixxi Grupp ta’ Pjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni possibbli ta’ l-UE għall-immaniġġar tal-kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u f’oqsma oħra possibbli fil-Kosovo.

(2)

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK li temenda u testendi sal-31 ta’ Mejju 2007 l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK.

(3)

Fis-27 ta’ Marzu 2007, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-EUPT Kosovo għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri sa l-1 ta’ Settembru 2007 in prinċipju, b’din id-data soġġetta għall-ħidma kontinwa fin-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

Bil-ħsieb ta’ l-iżgurar ta’ transizzjoni bla xkiel bejn il-Missjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo fil-jum tat-trasferiment tal-kompiti magħżulin mill-UNMIK għall-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi wara l-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-EUPT Kosovo għandu jintuża bħala mezz għall-bini ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo matul il-perijodu ta’ transizzjoni. F’dan il-kuntest, koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo u l-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar tal-kriżi fil-Kosovo għandha tiġi żgurata matul dak il-perijodu.

(5)

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK għandha tiġi estiża u emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK hi emendata kif ġej.

(1)

L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Is-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva tal-missjoni, l-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jmexxi l-EUPT Kosovo u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva, l-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(c)

Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva, il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lill-SĠ/RGħ permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(d)

Għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“6.   Ladarba l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jkun laħaq ftehim in prinċipju dwar il-ħatra tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, kollegament u koordinazzjoni xierqa għandhom jiġu żgurati mill-Kap tal-EUPT Kosovo.”

(2)

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Partiċipazzjoni ta’ Stati terzi

Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPT Kosovo, ladarba l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo tiġi stabbilita, dment li jħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi is-salarji, il-koperturi mediċi, l-allowances, l-assigurazzjoni għar-Riskju Għoli, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kuljum ta’ l-EUPT Kosovo, kif xieraq.

Il-Kunsill hawnhekk jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.”.

(3)

L-Artikolu 14 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Reviżjoni

Sal-15 ta’ Lulju 2007 l-Kunsill għandu jevalwa jekk l-EUPT Kosovo għandhiex tkompli wara l-1 ta’ Settembru 2007, b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ transizzjoni bla xkiel għal operazzjoni possibbli ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo.”

(4)

L-Artikolu 15(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għandu jiskadi fl-1 ta’ Settembru 2007.”

Artikolu 2

L-ammont finanzjarju ta’ referenza kif imniżżel fl-Artikolu 1.4 ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK għandu jiżdied b’EUR 43 955 000 sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat ta’ l-EUPT Kosovo għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju sa l-1 ta’ Settembru 2007.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19. Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK (ĠU L 349, 12.12.2006, p. 57).