8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

155


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2007/140/PESK

tas-27 ta' Frar 2007

dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1737(2006) (“UNSCR 1737(2006)”), li tħeġġeġ lill-Iran jissospendi mingħajr aktar dewmien xi attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni u li tintroduċi ċerti miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Fit-22 ta' Jannar 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea laqa' l-miżuri li jinsabu fi UNSCR 1737 (2006) u sejjaħ lill-pajjiżi kollha sabiex jimplimentawhom bis-sħiħ u mingħajr dewmien.

(3)

L-UNSCR 1737(2006) tipprojbixxi l-forniment, il-bejgħ jew t-trasferiment diretti jew indiretti lill-Iran ta' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet ta' l-Iran relatati ma' l-arrikkiment, ta' ripproċessar jew relatati ma' l-ilma tqil jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari. Dawn l-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija jinsabu fil-listi tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari u tar-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika.

(4)

L-UNSCR 1737 (2006) tipprojbixxi wkoll il-forniment ta' assistenza jew taħriġ tekniku, assistenza finanzjarja, investiment, senserija jew servizzi oħrajn relatati ma' oġġetti suġġetti għall-projbizzjoni ta' esportazzjoni. Il-Kunsill iqis li huwa kunsiljabbli li jestendi din il-projbizzjoni għall-oġġetti kollha li jinsabu fil-listi tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari u tar-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika u jqis li dawn il-projbizzjonijiet għandhom ikopru wkoll il-finanzjament.

(5)

L-UNSCR 1737 (2006) tipprevedi li l-esportazzjoni ta' ċerti oġġetti oħrajn għandha tkun projbita wkoll jekk ikun determinat li dawn jikkontribwixxu għal attivitajiet relatati ma' l-arrikkiment, attivitajiet ta' ripproċessar jew attivitajiet relatati ma' l-ilma tqil jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, jew għal attivitajiet li dwarhom l-IAEA espremiet tħassib; l-esportazzjoni ta' oġġetti bħal dawn għandha għalhekk tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

(6)

L-UNSCR 1737 (2006) tipprojbixxi wkoll l-akkwist mill-Iran ta' l-oġġetti koperti mill-projbizzjoni ta' esportazzjoni msemmija hawn fuq.

(7)

L-UNSCR 1737 (2006) issejjaħ lill-Istati Membri sabiex jeżerċitaw viġilanza rigward id-dħul jew transitu fit-territorji tagħhom ta' persuni impenjati fi, assoċjati direttament ma', jew jipprovdu sostenn għal, attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, kif deskritt fl-Anness ma' l-UNSCR 1737 (2006) u ta' persuni addizzjonali msemmijin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat stabbilit skond il-paragrafu 18 ta' l-UNSCR 1737 (2006) (“il-Kumitat”).

(8)

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2007 u ma' l-għanijiet ta' l-UNSCR 1737 (2006), għandhom ikunu applikati restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni fir-rigward tal-persuni msemmijin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat, kif ukoll ta' persuni addizzjonali, bl-użu ta' l-istess kriterji bħal dawk applikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat sabiex jiġu identifikati l-persuni konċernati.

(9)

L-UNSCR 1737(2006) timponi wkoll l-iffriżar ta' fondi, ta' assi finanzjarji oħra u ta' riżorsi ekonomiċi, li huma l-proprjetà ta', miżmumin jew kontrollati, direttament jew indirettament, mill-persuni jew l-entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat bħala li huma impenjati fi, assoċjati direttament ma', jew li jipprovdu sostenn għal, attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran jew l-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, jew minn persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew skond id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta' mezzi illeċiti; hija timponi wkoll l-obbligu li l-ebda fond, ass finanzjarju jew riżors ekonomiku ma jsiru disponibbli lil, jew għall-benefiċċju ta', tali persuni jew entitajiet.

(10)

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2007 u sabiex jiġu mwettqa l-għanijiet ta' l-UNSCR 1737 (2006), l-iffriżar imsemmi fil-premessa 9 għandu wkoll ikun applikabbli għal persuni u entitajiet addizzjonali, kif determinat mill-Kunsill bl-użu ta' l-istess kriterji bħal dawk applikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet konċernati.

(11)

L-UNSCR 1737 (2006) issejjaħ lill-Istati kollha sabiex jeżerċitaw viġilanza u jipprevjenu tagħlim jew taħriġ speċjalizzat ta' ċittadini Iranjani ta' dixxipplini li jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran u għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari.

(12)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett ta' l-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, inkluża software, lill-Iran, jew għall-użu fi, jew għall-benefiċċju ta', l-Iran, minn ċittadini ta' l-Istati Membri jew fi transitu mit-territorji ta' l-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew ta' inġenji ta' l-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tagħhom:

(a)

oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija li jinsabu fil-listi tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari u tar-Reġim ta' Kontroll tat-Teknoloġija Missilistika,

(b)

kwalunkwe oġġett, materjal, tagħmir, merkanzija u teknoloġija addizzjonali, determinati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat, bħala li jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet relatati ma' l-arrikkiment, attivitajiet ta' ripproċessar jew attivitajiet relatati ma' l-ilma tqil, jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari,

2.   Għandhom ukoll ikunu projbiti:

(a)

l-għoti ta' assistenza jew taħriġ tekniku, investiment, jew servizzi ta' senserija relatati ma' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija disposti fil-paragrafu 1 u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta' dawn l-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(b)

l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma' oġġetti u teknoloġiji msemmijin fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq il-krediti għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti u teknoloġiji, jew għall-forniment ta' taħriġ tekniku relatat, ta' servizzi jew ta' assistenza, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(ċ)

il-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li tiġi evitata l-projbizzjoni msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   L-akkwist minn ċittadini ta' l-Istati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji ta' l-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, ta' l-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 mill-Iran għandu jkun ipprojbit, kemm jekk joriġina u kif ukoll jekk ma joriġinax fit-territorju ta' l-Iran.

Artikolu 2

1.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett lill-Iran, jew għall-użu fi, jew għall-benefiċċju ta', l-Iran, minn ċittadini ta' Stati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew ta' inġenji ta' l-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, ta' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, inkluża software, mhux koperti bl-Artikolu 1, li jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet relatati ma' l-arrikkiment, attivitajiet ta' ripproċessar jew attivitajiet relatati ma' l-ilma tqil jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, jew għal attivitajiet li dwarhom l-IAEA espremiet tħassib jew identifikat bħala pendenti, għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni abbażi ta' każ b'każ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jesporta. Il-Komunità Ewropea għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jiġu koperti minn din id-dispożizzjoni.

2.   Il-forniment ta':

(a)

assistenza jew taħriġ tekniku, investiment, jew servizzi ta' senserija relatati ma' oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija mniżżlin fil-paragrafu 1 u għall-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta' dawn l-oġġetti, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

(b)

finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma' oġġetti u teknoloġiji msemmijin fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq il-krediti ta' l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti, jew għall-forniment ta' taħriġ tekniku, servizzi jew assistenza relatati, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fl-Iran, jew għall-użu fl-Iran;

għandu wkoll ikun suġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jesporta.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe forniment, bejgħ jew trasferiment ta' l-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija msemmijin fil-paragrafu 1 jekk jiddeterminaw li l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni konċernati jew il-forniment tas-servizz konċernat jikkontribwixxu għall-attivitajiet msemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Il-miżuri imposti mill-Artikolu 1(1) u (2) ma għandhomx japplikaw fejn il-Kumitat jiddetermina minn qabel u abbażi ta' każ b'każ li tali forniment, bejgħ, trasferiment jew forniment ta' tali oġġetti jew assistenza deċiżament ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-Iran b'appoġġ għall-attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni tiegħu u ta' l-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, anke fejn tali oġġetti jew assistenza ikunu għall-finijiet ta' ikel, ta' agrikoltura, mediċi jew umanitarji oħrajn, sakemm:

(a)

il-kuntratti għat-twassil ta' tali oġġetti jew assistenza jinkludu garanziji xierqa għall-utent aħħari; u

(b)

l-Iran ikkommetta ruħu li ma jużax tali oġġetti f'attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul jew transitu fit-territorji tagħhom ta'

(a)

persuni elenkati fl-Anness għal UNSCR 1737 (2006) kif ukoll ta' persuni addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat konformement mal-paragrafu 10 ta' UNSCR 1737 (2006). Dawn il-persuni huma elenkati fl-Anness I.

(b)

persuni oħrajn mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma', jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, anke permezz ta' involviment fl-akkwist ta' l-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjali u teknoloġija pprojbiti, skond kif elenkat fl-Anness II.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn Stat Membru ikun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(i)

bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(ii)

bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti;

(iii)

taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet;

(iv)

taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (il-Patt Lateran) ta' l-1929 konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jkun meqjus li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru ikun pajjiż ospitanti ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u għall-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skond il-paragrafu 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti fil-paragrafu 1 fejn huma jiddeterminaw li l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba:

(i)

ħtieġa umanitarja urġenti, inklużi obbligi reliġjużi,

(ii)

il-ħtieġa li jintlaħqu l-għanijiet ta' UNSCR 1737 (2006), inkluż fejn l-Artikolu XV ta' l-Istatut ta' l-IAEA jkun applikabbli,

(iii)

attendenza għal laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni Ewropea, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali ta' l-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Iran.

7.   Stat Membru li jkun jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika bil-miktub lill-Kunsill dwarhom. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm wieħed jew aktar Membri tal-Kunsill ma jqajmux oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol min-notifika ta' l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li wieħed jew aktar membri tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   F'każijiet fejn, skond il-paragrafi 3, 4 u 6, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew transitu fit-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness I jew II, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-għan li għalih tkun ingħatat u lill-persuni konċernati b'dan.

9.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat bid-dħul jew transitu fit-territorji tagħhom tal-persuni msemmijin fl-Anness I, jekk tkun ingħatat eżenzjoni.

Artikolu 5

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil, huma proprjetà ta', miżmuma jew kontrollati, direttament jew indirettament, minn

(a)

persuni u entitajiet indikati fl-Anness għal UNSCR 1737 (2006) kif ukoll dawk ta' persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat konformement mal-Paragrafu 12 ta' UNSCR 1737 (2006), fejn tali persuni jew entitajiet ikunu elenkati fl-Anness I,

(b)

persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma', jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew skond id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta' mezzi illeċiti, kif elenkat fl-Anness II,

għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni u lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   Jistgħu jsiru eżenzjonijiet għal fondi u riżorsi ekonomiċi li jkunu:

(a)

meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet bażiċi, inklużi ħlasijiet għal prodotti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, premiums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet għal servizzi ta' utilità pubblika;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li jkunu konnessi mal-forniment ta' servizzi legali;

(ċ)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' onorarji jew ħlasijiet għal servizz, skond id-dritt nazzjonali, għal servizzi ta' rutina taż-żamma jew manteniment ta' fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi,

wara li ssir notifika lill-Kumitat mill-Istat Membru konċernat dwar il-ħsieb ta' l-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, ta' l-aċċess għal tali fondi u riżorsi ekonomiċi u fl-assenza ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

4.   Jistgħu wkoll isiru eżenzjonijiet għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li jkunu:

(a)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat u b'approvazzjoni minnu,

(b)

is-suġġett ta' privileġġ jew ta' sentenza ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali, f'liema każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza bil-kondizzjoni li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel id-data ta' l-UNSCR 1737 (2006), u ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1, wara notifika mill-Istat Membru konċernat lill-Kumitat.

5.   Il-Paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti f'kontijiet iffriżati taħt kuntratti, ftehim jew obbligi li kienu konklużi jew li saru qabel it-23 ta' Diċembru 2006,

sakemm kwalunkwe imgħax, qligħ ieħor u ħlasijiet bħal dawn jibqgħu suġġetti għall-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lil persuna jew entità indikata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li sar qabel ma tali persuna jew entità tkun ġiet elenkata, sakemm l-Istat Membru rilevanti jkun ddetermina li:

(a)

il-kuntratt ma jkunx relatat ma' xi wieħed mill-oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija, teknoloġiji, assistenza, taħriġ, assistenza finanzjarja, investiment, servizzi ta' sensarija jew servizzi pprojbiti msemmijin fl-Artikolu 1;

(b)

il-ħlas ma jkunx riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1;

u wara notifika mill-Istat Membru rilevanti lill-Kumitat dwar il-ħsieb li jagħmel jew jirċievi tali ħlasijiet jew sabiex jawtorizza, fejn ikun il-każ, li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ma jibqgħux iffriżati għal dan il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom, konformement mal-leġislazzjoni tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu t-tagħlim jew it-taħriġ speċjalizzat ta' ċittadini Iranjani, fit-territorji tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, ta' dixxiplini li jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni ta' l-Iran u għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari.

Artikolu 7

1.   Il-Kunsill għandu jimplimenta modifiki għall-Anness I abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat.

2.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposti mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness II u jadotta l-modifiki magħmula lilha.

Artikolu 8

1.   Il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta, emendata jew imħassra, skond il-każ, speċjalment fid-dawl ta' deċiżjonijiet rilevanti mill-UNSC.

2.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 4 (1)(b) u 5(1)(b) għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar. Il-miżuri ma għandhomx jibqgħu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet konċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2), li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma jkunux aktar sodisfatti.

Artikolu 9

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 10

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 27 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


ANNESS I

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a)

A.

Persuni Fiżiċi

1.

Mohammad Qannadi, Viċi President ta' l-AEOI għar-Riċerka u l-Iżvilupp

2.

Behman Asgarpour, Maniġer Operattiv (Arak)

3.

Dawood Agha-Jani, Kap tal-PFEP (Natanz)

4.

Ehsan Monajemi, Maniġer tal-Proġett ta' Kostruzzjoni, Natanz

5.

Jafar Mohammadi, Konsulent Tekniku għall-AEOI (inkarigat mill-ġestjoni tal-produzzjoni ta' valvijiet għaċ-ċentrifugi)

6.

Ali Hajinia Leilabadi, Direttur Ġenerali tal-Kumpannija Mesbah Energy

7.

Lt Ġen Mohammad Mehdi Nejad Nouri, Rettur ta' l-Università ta' Malek Ashtar għat-Teknoloġija tad-Difiża (dipartiment tal-kimika, affiljat mal-MODALF, wettaq esperimenti dwar il-berilju)

8.

Ġen Hosein Salimi, Kmandant tal-Forza ta' l-Ajru, IRGC (Pasdaran)

9.

Ahmad Vahid Dastjerdi, Kap ta' l-AIO

10.

Reza-Gholi Esmaeli, Kap tad-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Affarijiet Internazzjonali, AIO

11.

Bahmanyar Morteza Bahmanyar, Kap tad-Dipartiment tal-Finanzi u l-Baġit, AIO

12.

Mag Ġen Yahya Rahim Safavi, Kmandant, IRGC (Pasdaran)

B.

Entitajiet

1.

Organizzazzjoni għall-Enerġija Atomika ta' l-Iran

2.

Il-Kumpannija Mesbah Energy (fornitur tar-reattur għar-riċerka A40 — Arak)

3.

Kala-Electric (magħrufa wkoll bħala Kalaye Electric) (fornitur għall-PFEP — Natanz)

4.

Il-Kumpannija Pars Trash (involuta fil-programm taċ-ċentrifugi, identifikata fir-rapporti ta' l-AIEA)

5.

Farayand Technique (involuta fil-programm taċ-ċentrifugi, identifikata fir-rapporti ta' l-AIEA)

6.

L-Organizzazzjoni ta' l-Industriji tad-Difiża (entità globali kontrollata minn MODAFL, li xi wħud mis-subordinati tagħha kienu nvoluti fil-programm taċ-ċentrifugi li jagħmel komponenti, u fil-programm missilistiku)

7.

Is-Seba' ta' Tir (subordinat tad-DIO, rikonoxxut ġeneralment li huwa direttament involut fil-programm nukleari)

8.

Il-Grupp Industrijali Shahid Hemmat (SHIG) (entità subordinata ta' l-AIO)

9.

Il-Grupp Industrijali Shahid Bagheri (SBIG) (entità subordinata ta' l-AIO)

10.

Il-Grupp Industrijali Fajr (dak li qabel kien Impjant ta' Fabrika ta' l-Istrumentazzjoni, entità subordinata ta' l-AIO)


ANNESS II

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b)