29.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 346/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(It-test Franċiż biss huwa awtentiku)

(2007/880/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u partikolarment l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE flimkien ma’ l-Anness II ma’ dik id-Direttiva, Franza ġiet awtorizzata li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-konsum f'Korsika. L-awtorizzazzjoni ngħatat sal-31 ta’ Diċembru 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra ddatata s-16 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Franċiżi talbu l-awtorizzazzjoni sabiex japplikaw, billi hija taxxa enerġetika, rata mnaqqsa għall-petrol bla ċomb biss użat bħala karburant, bħala kontinwazzjoni ta’ prattika segwita fil-qafas tad-deroga msemmija hawn fuq u qabel ma din tiskadi. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 għal kull ettolitru. L-awtorizzazzjoniji hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012. F'Korsika, il-provvista ta’ petrol bla ċomb fil-pompa timplika spiża żejda sostanzjali meta mqabbla mal-provvista fuq il-kontinent u l-prezzijiet finali huma bejn EUR 4 u EUR 7 ogħla, għal kull ettolitru, minn dawk mitluba fuq il-kontinent.

(3)

Bit-tnaqqis tat-taxxa fuq il-petrol bla ċomb imħallsa mill-konsumaturi f'Korsika, il-konsumaturi konċernati jitpoġġew iktar fuq l-istess livell ma’ dawk fuq il-kontinent. Għalhekk, il-miżura tikkonforma ma’ objettivi ta’ politika reġjonali u ta’ koeżjoni.

(4)

It-tnaqqis fiskali ma jeċċedix dak meħtieġ sabiex jittieħed kont ta’ l-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni mġarrba mill-konsumaturi f'Korsika.

(5)

Il-livell finali ta’ tassazzjoni jirrispetta l-minimi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, attwalment EUR 359 għal kull 1 000 litru (jew EUR 35.90 għal kull ettolitru). Dan hu minnu anki jekk titqies l-awtorizzazzjoni mogħtija mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/767/KE (2), li l-effetti tagħha jistgħu jingħaqdu ma’ dawk ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Fir-rigward tal-lok mbiegħed u l-insularità tad-dipartimenti li għalihom tapplika, kif ukoll tat-tnaqqis moderat fir-rata, li hija wkoll għolja ħafna meta mqabbla mal-minimu Komunitarju, din il-miżura mhix se twassal għal ċaqliq marbut speċifikament mal-provvista ta’ karburant.

(7)

Konsegwentement, il-miżura mitluba hija aċċettabbli fir-rigward tal-funzjonament korrett tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi garantita kompetizzjoni ġusta u mhijiex inkompatibbli mal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(8)

Għaldaqstant, jeħtieġ li Franza tiġi awtorizzata, skond l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, li tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa applikabbli għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum f'Korsika, sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(9)

Jeħtieġ li jiġi garantit li Franza tkun tista' tapplika t-tnaqqis preċiż konċernat, li huwa s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, bħala kontinwazzjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2007, fil-kuntest tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 18 konġuntament ma’ l-Anness II tad-Direttiva 2003/96/KE. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b'dan awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika.

Sabiex jiġi evitat li jingħata kumpens eċċessiv, it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport, ħżin u distribuzzjoni meta mqabbla ma’ Franza kontinentali.

Ir-rata mnaqqsa għandha tikkonforma ma’ l-obbligi previsti mid-Direttiva 2003/96/KE, u partikolarment mar-rati minimi msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. NUNES CORREIA


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(2)  ĠU L 290, 4.11.2005, p. 25.