21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/111


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Diċembru 2007

li tipprovdi għal għajnuna makrofinanzjarja Komunitarja lil-Libanu

(2007/860/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Jannar 2007 l-awtoritajiet tal-Libanu adottaw programm komprensiv ta’ riformi soċjo-ekonomiċi, li simultanjament jinkludi miżuri fiskali, strutturali u soċjali, li jiffissaw prijoritajiet interim għal azzjoni governattiva.

(2)

Il-Libanu, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006.

(3)

L-awtoritajiet tal-Libanu ntrabtu ma’ riformi strutturali u ta’ stabbilizzazzjoni ekonomiċi, bl-appoġġ tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) permezz ta’ programm fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Emerġenza għal Wara l-Kunflitti (EPCA) li ġie approvat fid-9 ta’ April 2007.

(4)

Ir-relazzjonijiet bejn il-Libanu u l-Unjoni Ewropea qed jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li hija mistennija twassal għal integrazzjoni ekonomika aktar profonda. L-UE u l-Libanu qablu dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li jidentifika prijoritajiet interim fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libanu u politiki relatati.

(5)

Il-Libanu jaffaċċa bżonnijiet finanzjarji sostanzjali ġejjin mil-limiti finanzjarji li jġorr is-settur pubbliku, inkluż livell għoli ta’ dejn pubbliku, aggravat bil-kunflitt militari ta’ Lulju u Awwissu 2006 u previżjoni ta’ deterjorament tal-bilanċ tal-ħlasijiet fl-2007.

(6)

L-awtoritajiet Libaniżi talbu għajnuna finanzjarja fuq bażi konċessjonarja mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-Komunità u donaturi bilaterali oħrajn. Barra mill-finanzjament mill-IMF u l-Bank Dinji, jibqa’ diskrepanza finanzjarja residwa sostanzjali x’tiġi koperta sabiex jiġi sollevat il-bilanċ tal-ħlasijiet tal-pajjiż, il-finanzi pubbliċi u d-dejn pubbliku u sabiex tappoġġa għanijiet ta’ politika marbuta ma’ l-isforzi ta’ l-awtoritajiet għar-riforma.

(7)

Il-Libanu huwa wieħed mill-aktar pajjiżi mdejna fid-dinja li qed jiffaċċjaw piż kbir ta’ dejn. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għajnuna Komunitarja għandha tkun disponibbli fil-forma ta’ taħlita ta’ għotja u self, bħala miżura sabiex tgħin lill-pajjiż benefiċarju f’din iċ-ċirkostanza kruċjali.

(8)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità marbuta ma’ din l-għajnuna finanzjarja, huwa meħtieġ illi jkun hemm ipprovdut għal miżuri xierqa mil-Libanu relatati mal-prevenzjoni ta’, u ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħra marbuta ma’ din l-għajnuna, kif ukoll għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri.

(9)

Il-ħruġ ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ l-awtorità baġitarja.

(10)

Din l-għajnuna għandha tiġi amministata mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità għandha tagħmel disponibbli għal-Libanu għajnuna finanzjarja li tammonta għal massimu ta’ EUR 80 miljun, bil-ħsieb li tappoġġa l-isforzi interni tal-Libanu għar-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku sostenibbli wara l-gwerra, u b’dan il-mod, ittaffi l-pressjonijiet finanzjarji fuq l-implimentazzjoni tal-programm ekonomiku tal-gvern.

Minħabba l-livell għoli tad-dejn tal-Libanu, l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tikkonsisti f’EUR 50 miljun f’self u sa EUR 30 miljun f’għotjiet.

2.   L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tiġi amministrata mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew fehimiet milħuqa bejn l-IMF u l-Libanu.

3.   L-għajnuna finanzjarja tal-Komunità għandha tkun disponibbli għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni tibda jkollha effett. Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu dan, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tista’ tiddeċiedi illi testendi l-perjodu ta’ disponibbiltà b’massimu ta’ sena.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa illi tiftiehem ma’ l-Awtoritajiet tal-Libanu, wara konsulatazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji magħquda ma’ din l-għajnuna finanzjarja Komunitarja, li għandha tiġi stabbilita f’Memorandum ta’ Fehim u Ftehimiet ta’ Għotja u ta’ Self. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew il-fehimiet msemmija fl-Artikolu 1(2).

2.   Tul l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja, il-Kummissjoni tista’ timmonitorja l-validità ta’ l-arranġamenti finanzjarji tal-Libanu, tal-proċeduri amministrattivi, mekkaniżmi interni u esterni ta’ sorveljanza li huma relevanti għal tali għajnuna.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’perjodi regolari li l-politika ekonomika fil-Libanu hija skond l-għanijiet ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja u li l-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma tħarsu b’mod sodisfaċenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib ma’ l-Istituzzjonijiet Bretton Woods, u, fejn meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1.   L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni għal-Libanu f’massimu ta’ tliet partijiet.

2.   Il-ħlas ta’ kull parti għandu jinħareġ abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfacenti tal-programm ekonomiku appoġġat mill-IMF.

3.   Barraminnhekk, it-tieni u t-tielet parti għandhom jinħarġu abbażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ekonomiku appoġġat mill-IMF u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Libanu u kwalunkwe miżura oħra miftiehma mal-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(1), u mhux qabel tliet xhur wara l-ħruġ tal-parti preċedenti.

4.   Il-fondi għandhom jitħallsu lill-Banque du Liban esklussivament b’appoġġ għall-bżonnijiet finanzjarji tal-Libanu.

Artikolu 4

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tiġi implimentata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) u r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. Partikolarment, il-Memorandum ta’ Fehim u l-Ftehimiet ta’ Għotja/Self ma’ l-awtoritajiet tal-Libanu għandhom jipprevedu miżuri xierqa mil-Libanu marbuta mal-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra, frodi, korruzzjoni u irregolaritajiet oħra li jinfluwenzaw l-għajnuna. Għandhom jipprevedu wkoll kontrolli mill-Kummissjonim inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, bid-dritt li jsiru spezzjonijiet fuq il-post u spezzjonijiet u għal verifiki mill-Qorti ta’ l-Awdituri, fejn xieraq, sabiex jitwettqu fuq il-post.

Artikolu 5

Sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jindika l-konnessjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ politika stipulati fl-Artikolu 2(1), il-prestazzjoni ekonomika u fiskali kontinwa tal-Libanu, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex toħroġ il-partijiet tal-ħlas ta’ l-għajnuna.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).