18.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 332/77


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Settembru 2007

relatata ma’ proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE

(Każ COMP/E-2/39.141 – Fiat)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4274)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2007/841/KE)

(1)

Din id-deċiżjoni, li ġiet adottata skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), hija indirizzata lil Fiat Auto SpA (minn issa ‘l quddiem: “Fiat”) u tikkonċerna l-provvista ta’ informazzjoni teknika għat-tiswija tal-vetturi tal-marki Fiat, Alfa Romeo u Lancia.

(2)

L-informazzjoni teknika tikkonsisti f’data, fi proċessi u fi struzzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġu kontrollati, msewwija u sostitwiti partijiet difettużi/miksura/użati ta’ vettura bil-mutur jew sabiex jissewwew ħsarat fi kwalunkwe waħda mis-sistemi tal-vettura. L-informazzjoni teknika tinkludi seba’ kategoriji prinċipali:

il-parametri bażiċi (id-dokumentazzjoni tal-valuri ta’ referenza u l-punti fissi kollha tal-valuri li jistgħu jitkejlu li jikkonċernaw il-vettura, bħas-settings tat-torque, il-qisien ta’ l-ikklerjar tal-brejkijiet (brake clearance measurements), il-pressjonijiet idrawliċi u pnewmatiċi);

id-dijagrammi u d-deskrizzjonijiet ta’ stadji fl-operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni (manwals tas-servis, dokumenti tekniċi bħal pjanijiet ta’ ħidma, deskrizzjonijiet ta’ għodod li jintużaw sabiex titwettaq tiswija partikolari, u dijagrammi bħall-iskematiċi tal-wajers jew l-idrawlika);

l-ittestjar u d-dijanjożi (inkluż l-kodiċijiet tal-ħsarat dijanjostiċi/tat-trouble-shooting, is-softwer u informazzjoni oħra meħtieġa sabiex jiġu eżaminati ħsarat fuq il-vetturi) – ħafna minn din l-informazzjoni, imma mhux kollha, tinsab f’għodod elettroniċi speċjalizzati;

il-kodiċijiet, is-softwer u informazzjoni oħra meħtieġa għal programmazzjoni mill-ġdid, għas-setting mill-ġdid jew għall-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-unitajiet ta’ kontroll elettroniku (“ECUs”) li jkun hemm fuq vettura. Din il-kategorija hija marbuta ma’ dik preċedenti, billi ta’ spiss l-istess għodod elettroniċi jintużaw sabiex tkun eżaminata ħsara, u mbagħad isiru l-aġġustamenti meħtieġa permezz ta’ l-ECUs biex tiġi rranġata;

l-informazzjoni dwar l-isperparts, inklużi l-katalogi tal-parts bil-kodiċijiet u bid-deskrizzjonijiet, u l-metodi ta’ identifikazzjoni tal-vettura (jiġifieri, id-data relatata ma’ vettura speċifika li permezz tagħha min isewwi jkun jista’ jidentifika l-kodiċijiet individwali għall-parts imwaħħla waqt l-assemblaġġ tal-vettura, u jidentifika l-kodiċijiet korrispondenti għal parts ta’ sostituzzjoni oriġinali u kompatibbli għal dik il-vettura speċifika);

informazzjoni speċjali (avviżi ta’ rtirar u notifika ta’ ħsarat frekwenti);

materjali ta’ taħriġ.

(3)

F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni bdiet proċeduri, u indirizzat valutazzjoni preliminari lil Fiat, li kienet tinkludi l-fehma preliminari li l-ftehimiet ta’ Fiat ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha qajmu tħassib rigward il-kompatibbiltà tagħhom ma’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE.

(4)

Fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, donnu li Fiat naqset milli tirrilaxxa ċerti kategoriji ta’ informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet ferm wara tmiem il-perijodu transitorju pprovdut fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (2). Barra minn hekk, fiż-żmien meta tnediet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Fiat kienet għadha ma stabbilitx sistema effettiva sabiex is-sewwejja (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-garaxxijiet tat-tiswija) indipendenti jkun jista’ jkollhom aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet b’mod li jkun separat (unbundled). Għalkemm matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Fiat tejbet l-aċċessibbiltà ta’ l-informazzjoni teknika tagħha prinċipalment billi f’Ġunju 2005 stabbilit sit web (“is-sit web TI”) imfassal għal dak il-għan, l-informazzjoni li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-garaxxijiet indipendenti donnha xorta baqgħet mhux kompluta.

(5)

Dik il-valutazzjoni preliminari sabet li s-swieq rilevanti affettwati mill-prattika in kwistjoni kienu s-suq għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni għall-karozzi tal-passiġġieri, u s-suq għall-provvista ta’ informazzjoni teknika lill-garaxxijiet tat-tiswija. In-netwerks awtorizzati ta’ Fiat kellhom numru ferm kbir ta’ ishma mis-suq fl-ewwel wieħed minn dawn is-swieq, filwaqt li fit-tieni, Fiat kienet l-unika fornitriċi li setgħet toffri l-informazzjoni teknika kollha tal-vetturi tagħha meħtieġa mill-garaxxijiet tat-tiswija.

(6)

Essenzjalment, il-ftehimiet ta’ servis u ta’ distribuzzjoni tal-parts ta’ Fiat jeħtieġu li l-membri tan-netwerks awtorizzati tagħha jwettqu firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ tiswija speċifiċi għall-marka, u jagħmluha ta’ bejjiegħa bl-ingrossa ta’ l-isperparts. Il-Kummissjoni hija mħassba li effetti negattivi possibbli li ġejjin minn tali ftehimiet jistgħu jissaħħu min-nuqqas ta’ Fiat li tipprovdi lil garaxxijiet indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika biex b’hekk teskludi d-ditti li jkunu lesti u jistgħu joffru servizzi ta’ tiswija permezz ta’ mudell kummerċjali differenti.

(7)

Il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni kienet li l-arranġamenti ta’ Fiat sabiex tipprovdi l-informazzjoni teknika tagħha lill-garaxxijiet indipendenti ma kinux jikkorrispondu għall-ħtiġiet ta’ dawn ta’ l-aħħar la rigward l-ambitu ta’ l-informazzjoni disponibbli u lanqas rigward l-aċċessibbità għaliha, u li tali prattika, flimkien ma’ prattiċi simili minn manifatturi oħra tal-karozzi, setgħu jikkontribbwixxu għal tnaqqis fil-pożizzjoni tas-suq tal-garaxxijiet indipendenti. Imbagħad, dan seta’ jikkawża dannu konsiderevoli għall-konsumatur f’termini ta’ tnaqqis sinifikanti fl-għażla ta’ l-isperparts, prezzijiet ogħla għal servizzi ta’ tiswija, tnaqqis fl-għażla ta’ fejn titwettaq din it-tiswija, kwistjonijiet ta’ sikurezza potenzjali, u nuqqas ta’ aċċess għal ħwienet tat-tiswija innovattivi.

(8)

Barra minn hekk, in-nuqqas apparenti min-naħa ta’ Fiat li tipprovdi lil garaxxijiet indipendenti b’aċċess xieraq għall-informazzjoni teknika jista’ jżomm il-ftehimiet ma’ l-imsieħba fis-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħha milli jibbenifikaw mill-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament (KE) Nru 1400/2002, peress li skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament, l-eżenzjoni mogħtija hemmhekk ma tapplikax fejn il-fornitur tal-vetturi bil-mutur jirrifjuta li jagħti aċċess lil operaturi indipendenti għal kwalunkwe informazzjoni teknika, tagħmir dijanjostiku u ta’ xort’oħra, għodod, inkluż kwalunkwe softwer rilevanti, jew taħriġ meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni ta’ dawn il-vetturi bil-mutur. Kif ġie iċċarat fil-premessa 26 tar-Regolament, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess ma jridux jiddiskriminaw bejn operaturi awtorizzati u dawk indipendenti.

(9)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni waslet għall-fehma preliminari li fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni teknika dwar it-tiswijiet, ma kienx probabbli li l-ftehimiet bejn Fiat u l-garaxxijiet awtorizzati tagħha se jibbenefikaw mid-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 81(3).

(10)

Fit-22 ta’ Jannar 2007, Fiat offriet impenji lill-Kummissjoni sabiex tissodisfa t-tħassib rigward il-kompetizzjoni li kien indirizzat fil-valutazzjoni preliminari.

(11)

Skond dawn l-impenji, il-prinċipju li jiddetermina l-ambitu ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta huwa dak tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-garaxxijiet indipendenti u dawk awtorizzati. F’dan id-dawl, Fiat se tiżgura li l-informazzjoni teknika kollha, l-għodod, it-tagħmir, is-softwer u t-taħriġ kollu meħtieġ għat-tiswija u għall-manutenzjoni tal-vetturi tagħha, li jiġu pprovduti lill-garaxxijiet awtorizzati u/jew lill-importaturi indipendenti fi kwalunkwe Stat Membru ta’ l-UE minn Fiat jew f’isimha jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-garaxxijiet indipendenti.

(12)

L-impenji jispeċifikaw li “l-informazzjoni teknika”, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, tinkludi l-informazzjoni kollha pprovduta lill-garaxxijiet awtorizzati għat-tiswija jew għall-manutenzjoni tal-vetturi bil-mutur Fiat, Alfa Romeo u Lancia. Eżempji partikolari jinkludu softwer, kodiċijiet ta’ ħsarat u parametri oħra, flimkien ma’ aġġornamenti, li huma meħtieġa sabiex issir ħidma fuq l-unitajiet ta’ kontroll elettroniċi (ECUs) ħalli jiġu introdotti jew jerġgħu jiġu stabbiliti s-settings irrakkomandati minn Fiat, metodi ta’ identifikazzjoni tal-vetturi, katalgi tal-parts, soluzzjonijiet ta’ ħidma li jirriżultaw minn esperjenza prattika u li jkunu relatati ma’ problemi li tipikament jaffettwaw mudell jew lott partikolari, u avviżi ta’ rtirar kif ukoll avviżi oħra li jidentifikaw tiswijiet li jistgħu jitwettqu mingħajr ħlas fin-netwerk tat-tiswija awtorizzata.

(13)

L-aċċess għal għodod jinkludi aċċess għal għodod dijanjostiċi elettroniċi u għodod oħra ta’ tiswija, flimkien ma’ softwer relatat, inklużi l-aġġornamenti perjodiċi tiegħu, u servizzi ta’ wara l-bejgħ għal tali għodod.

(14)

L-impenji għandhom jorbtu lil Fiat u lill-intrapriżi konnessi magħha imma m’għandhomx ikunu direttament vinkolanti fuq l-importaturi indipendenti tal-marki tal-vetturi Fiat. F’dawk l-Istati Membri fejn Fiat tqassam il-vetturi Fiat, Alfa Romeo u/jew Lancia permezz ta’ importaturi indipendenti, Fiat għalhekk qablet illi tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tobbliga kuntrattwalment lil dawn l-intrapriżi biex jipprovdu lil Fiat bi kwalunkwe informazzjoni teknika jew verżjoni lingwistika ta’ informazzjoni teknika li pprovdew lill-garaxxijiet ta’ tiswija awtorizzati fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Fiat timpenja ruħha li tqiegħed, mingħajr dewmien, din l-informazzjoni teknika jew il-verżjonijiet lingwistiċi fuq is-sit web TI tagħha.

(15)

Skond il-premessa 26 tar-Regolament, Fiat mhix obbligata li tipprovdi lill-garaxxijiet indipendenti b’informazzjoni teknika li permezz tagħha parti terza tkun tista’ tevita jew iżżarma apparati kontra s-serq fil-vettura u/jew tirrikalibra (3) apparati elettroniċi, jew tbagħbas apparati li jillimittaw ir-rendiment ta’ vettura. L-impenji jinnotaw li hekk kif jiġri għal kwalunkwe eċċezzjoni fil-liġi ta’ l-UE, il-premessa 26 għandha tiġi interpretata b’mod ristrett, u jekk Fiat kellha tinvoka din l-eċċezzjoni bħala raġuni sabiex tirrifjuta li tagħti kwalunkwe informazzjoni teknika lill-garaxxijiet indipendenti, tkun impenjat ruħha li tiżgura li l-informazzjoni li ġiet irrifjutata tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex tkun ipprovduta l-protezzjoni deskritta fil-premessa 26, u li n-nuqqas ta’ l-informazzjoni in kwistjoni ma jżommx lill-garaxxijiet indipendenti milli jwettqu operazzjonijiet għajr dawk elenkati fil-premessa 26, inkluża ħidma fuq apparati bħall-ECUs tal-ġestjoni tal-magna, l-airbags, il-pre-tensioners (it-tagħmir ta’ qabel ma tiġi miżjuda t-tensjoni) taċ-ċinturin tas-sit, jew elementi tas-central lock.

(16)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 jipprovdi li l-informazzjoni teknika trid tkun disponibbli b’mod li jkun proporzjonat għall-ħtiġiet tal-garaxxijiet indipendenti. Dan jimplika kemm li l-informazzjoni trid tkun isseparata (unbundled) kif ukoll ipprezzar li jqis kemm il-garaxxijiet indipendenti jużaw l-informazzjoni.

(17)

Skond dan il-prinċipju, l-impenji jispeċifikaw li Fiat se tinkludi fuq is-sit web TI l-informazzjoni teknika kollha relatata ma’ mudelli mnedija wara l-1996, u se tiżgura li l-informazzjoni teknika aġġornata kollha tkun fuq is-sit web TI jew fuq kwalunkwe sit suċċessur il-ħin kollu. Barra minn hekk, Fiat se tiżgura li s-sit web jista’ jinstab faċilment il-ħin kollu u li dan jipprovdi livell ekwivalenti ta’ rendiment għall-metodi li jintużaw sabiex tiġi pprovduta informazzjoni teknika lill-membri tan-netwerks awtorizzati tagħha. Meta Fiat jew intrapriża oħra li qed taġixxi f’isem Fiat tagħmel biċċa informazzjoni teknika disponibbli lill-garaxxijiet awtorizzati f’lingwa partikolari ta’ l-UE, Fiat se tiżgura li din il-verżjoni lingwistika ta’ l-informazzjoni titqiegħed mingħajr dewmien fuq is-sit web TI.

(18)

It-tliet kategoriji ta’ informazzjoni teknika li ġejjin għadhom mhumiex fuq is-sit web TI, imma Fiat impenjat ruħha li tqiegħedhom hemmhekk sal-31 ta’ Diċembru 2007:

traduzzjonijiet f’lingwi lokali ta’ informazzjoni teknika li bħalissa mhijiex fil-pussess ta’ Fiat, imma li għandha tiġi pprovduta mill-importaturi indipendenti tagħha fl-Istati Membri ta’ l-UE konċernati,

avviżi li jidentifikaw tiswijiet li jistgħu jitwettqu mingħajr ħlas fin-netwerk ta’ tiswija awtorizzata, u

identifikazzjoni taċ-ċentri ta’ medjazzjoni imsemmija fil-paragrafu 21 aktar ‘l isfel.

(19)

L-impenji jispeċifikaw li l-istruttura tal-ħlasijiet ta’ aċċess ta’ Fiat għas-sit se tkun ibbażata fuq l-ispiża ta’ abbonament annwali għall-pakkett sħiħ tas-CD-ROMs li tipprovdi lill-garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati tagħha; jiġifieri EUR 3 356, flimkien ma’ EUR 65 għall-katalgu tal-parts u ħlas ta’ abbonament fix-xahar addizzjonali ta’ EUR 134 għall-aġġornamenti. Madankollu, sabiex ikun irrispettat ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fir-regolament, Fiat taqbel li tipprovdi diviżjoni pro rata f’perjodi ta’ żmien ta’ kull xahar, kuljum u kull siegħa bi prezz għal kull marka ta’ EUR 3 kull siegħa, EUR 22 kuljum u EUR 350 kull xahar. Fiat taqbel li, kemm idumu validi l-impenji, iżżomm din l-istruttura tal-ħlasijiet ta’ aċċess, u mhux se żżid il-livelli tal-ħlasijiet ‘il fuq mir-rata medja ta’ l-inflazzjoni fl-UE.

(20)

L-impenji ta’ Fiat huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit kurrenti jew futur stabbilit mid-dritt Komunitarju jew nazzjonali li jista’ jestendi l-ambitu ta’ l-informazzjoni teknika li Fiat għandha tipprovdi lill-operaturi indipendenti u/jew jista’ jistabbilixxi modi aktar favorevoli sabiex tali informazzjoni tkun ipprovduta.

(21)

Jekk garaxx tat-tiswija indipendenti jew azzoċjazzjoni ta’ tali garaxxijiet jitolbu dan, Fiat tkun impenjat ruħha li taċċetta mekkaniżmu ta’ medjazzjoni sabiex jintlaħaq ftehim rigward tilwim relatat mal-provvista ta’ informazzjoni teknika. Il-medjazzjoni se ssir fl-Istat Membru fejn tinstab is-sede rreġistrata tal-parti li qed tagħmel it-talba skond ir-regoli ta’ ċentru ta’ medjazzjoni lokali rikonoxxut. Il-medjazzjoni mhi se tippreġudika l-ebda dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.

(22)

Id-deċiżjoni ssib li, minħabba l-impenji, m’għadx hemmx aktar raġunijiet biex tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. L-impenji se jkunu vinkolanti sal-31 ta’ Mejju 2010.

(23)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u l-Pożizzjonijet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fid-9 ta’ Lulju 2007.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 411/2004, (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 203, 1.8.2002 p. 30.

(3)  jiġifieri timmodifika s-settings oriġinali ta’ ECU b’mod mhux irrakkomandat minn Fiat.