23.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 305/54 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-15 ta’ Novembru 2007
li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida boscalid
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5477)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/758/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE f’April 2001 il-Ġermanja rċeviet applikazzjoni mingħand BASF AG għall-inklużjoni tas-sustanza attiva boscalid fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/268/KE (2) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għall-ħtiġijiet tad-data u ta’ l-informazzjoni fl-Annessi II u III ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma tal-kompletezza ta’ l-inkartament sabiex seta’ jiġi eżaminat fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva kkonċernata, filwaqt li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kondizzjoni dwar l-evalwazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva. |
(3) |
Għal din is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru rapporteur ressaq abbozz ta’ rapport evalwattiv lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Novembru 2002. |
(4) |
Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru rapporteur, kien hemm il-ħtieġa li tintalab iktar informazzjoni mill-applikant u li l-Istat Membru rapporteur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq l-evalwazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dossier għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE. |
(5) |
Minħabba li l-valutazzjoni s’issa għadha ma identifikat l-ebda raġuni ta’ tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti ta’ ħarsien għall-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata għal perjodu ta’ 24 xahar b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE b’mod li tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tad-dossier. Huwa mistenni li l-proċess ta’ valutazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ l-inklużjoni tal-boscalid fl-Anness I se jitlesta fi żmien 24 xahar. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-boscalid għal perjodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Novembru 2007.
Ghall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE (ĠU L 214, 17.8.2007, p. 3).