23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 305/52


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-14 ta’ Novembru 2007

dwar kontribut finanzjarju mill-Komunità għal ċerti miżuri fil-qasam tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali u ċerti miżuri tekniċi u xjentifiċi

(2007/757/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 17 u l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontributi finanzjarji mill-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri fil-qasam tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali u miżuri tekniċi u xjentifiċi.

(2)

B’mod iktar partikolari, il-Komunità se tagħmel kontribut finanzjarju għat-twaqqif ta’ politika ta’ informazzjoni fil-qasam tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali, inkluż li jsiru l-istudji neċessarji għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-benessri ta’ l-annimali. Il-Komunità għandha wkoll twettaq jew tgħin lill-Istati Membri jew għaqdiet internazzjonali fit-twettiq tal-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju.

(3)

Teknoloġiji emerġenti għat-tgħammir ta’ l-annimali, bħall-ikklonar ta’ l-annimali mwettqa mit-trasferiment nukleari ta’ ċellula somatika (SCNT), jintużaw għal finijiet ta’ riċerka. SCNT, li huwa mistenni li jintuża fit-tgħammir tal-bhejjem u l-produzzjoni ta’ l-ikel fil-ġejjieni, jista’ jkollu impatt fuq saħħet l-annimali u l-benessri tagħhom, imma jġorr miegħu wkoll dimensjoni etika u soċjali. Għalhekk hemm bżonn li, minbarra l-konsultazzjoni li għaddejja ma’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u l-Gruppi Ewropej dwar l-Etika, jitwettaq stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru biex jiġu investigati l-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn l-użu possibbli ta’ SCNT fis-settur ta’ l-agroalimentari u, b’mod partikolari, il-bżonn għal informazzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija fil-katina alimentari u modi kif il-konsumaturi jixtiequ jiġu infurmati. Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ ta’ l-Ewrobarometru se jipprovdi t-tagħrif neċessarju għall-valutazzjoni tal-bżonn għal leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn il-finanzjament ta’ l-istħarriġ.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (2) jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi firxa ġdida ta’ temperaturi massimi u minimi għat-trasport ta’ l-annimali.

(5)

Barra minn hekk, fl-2004 l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel adottat opinjoni dwar l-istandards għall-mikroklima ġo vetturi tat-trasport fit-triq ta’ l-annimali (3). Għalhekk hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tat-temperatura li fih jiġu ttrasportati l-annimali fi vjaġġi twal fil-Komunità u jitwettaq studju għal dak il-fini. L-istudju se jipprovdi l-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija u l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali. Għalhekk għandu jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità lejn il-finanzjament ta’ l-istudju.

(6)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benessri ta’ l-Annimali 2006-2010 (4) titlob appoġġ sħiħ fl-attivitajiet tal-benessri ta’ l-annimali ta’ għaqdiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE).

(7)

Fl-2005, l-OIE adottat linji gwida dwar il-benessri ta’ l-annimali li jikkonċernaw it-trasport ta’ l-annimali bl-art jew bil-baħar, il-qtil ta’ l-annimali għall-konsum mill-bniedem u l-qtil bil-ħniena ta’ annimali għall-kontroll tal-mard. L-OIE bi ħsiebha tiżviluppa iktar dawk il-linji gwida u li tieħu passi biex tiżgura l-implimentazzjoni mill-pajjiżi membri ta’ l-OIE, b’mod partikolari billi jiġu pprovduti taħriġ u gwida.

(8)

L-avvenimenti ppjanati ta’ taħriġ u komunikazzjoni ta’ l-OIE huma neċessarji għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja fis-seħħ, u wkoll l-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ veterinarju, fil-pajjiżi parteċipanti. Titjib bħal dan f’pajjiżi terzi jaqbel max-xewqa tal-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej (5) li l-kundizzjonijiet ta’ benessri ta’ l-annimali f’pajjiżi li jesportaw lejn il-Komunità jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità. Il-Komunità għandha għalhekk tagħti kontribut għall-finanzjament ta’ dawn l-avvenimenti.

(9)

L-inkursjoni tal-bluetongue fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Olanda hija bla preċedenti. Biex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi ta’ dik l-inkursjoni, hemm bżonn li l-iktar għerf xjentifiku aġġornat ikun disponibbli għall-veterinarji, biex tissaħħaħ is-sorveljanza klinika passiva bbażata fuq l-identifikazzjoni u notifikazzjoni rapida ta’ suspetti, li jikkostitwixxu parti essenzjali mill-pjanijiet ta’ kontinġenza tal-bluetongue.

(10)

Barra minn hekk, l-OIE u l-Komunità bi ħsiebhom jedittjaw flimkien ktejjeb dwar l-epidemija tal-bluetongue f’dawk l-Istati Membri, li jkun fih tagħrif aġġornat u jiddeskrivi l-politika Komunitarja dwar il-kontroll tal-bluetongue. Għalhekk huwa xieraq li jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-attivitajiet ta’ l-OIE u għall-finanzjament ta’ l-edizzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ dak il-ktejjeb.

(11)

Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktejjeb se tkun ta’ kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ veterinarji neċessarji u se tkun għodda essenzjali għall-iżvilupp ta’ programmi Komunitarji u nazzjonali ta’ sorveljanza tal-bluetongue li huma parti importanti mil-leġiżlazzjoni veterinarja tal-bluetongue.

(12)

Il-ħlas tal-kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jkun bil-kundizzjoni li l-azzjonijiet ippjanati jkunu fil-fatt twettqu u li t-tagħrif kollu meħtieġ ikun ġie fornut.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kontribut finanzjarju mill-Komunità, kif stipulat fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, għal stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru dwar l-użu possibbli ta’ l-ikklonar ta’ l-annimali fis-settur ta’ l-agroalimentari, sa ammont massimu ta’ EUR 250 000, qiegħed b’dan jiġi approvat.

Artikolu 2

Kontribut finanzjarju mill-Komunità, kif stipulat fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, għal studju dwar it-temperaturi li fihom jiġu ttrasportati l-annimali fi vjaġġi twal, sa ammont massimu ta’ EUR 300 000, qiegħed b’dan jiġi approvat.

Artikolu 3

Kontribut finanzjarju mill-Komunità, kif stipulat fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, għall-finanzjament ta’ seminars ta’ taħriġ dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta’ l-OIE dwar il-benessri ta’ l-annimali, organizzati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali, sa ammont massimu ta’ EUR 100 000 lill-Fond Dinji għas-Saħħa u l-Benessri ta’ l-Annimali, qiegħed b’dan jiġi approvat.

Artikolu 4

Kontribut finanzjarju mill-Komunità, kif stipulat fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, għall-edizzjoni ta’ madwar 1 800 kopja ta’ ktejjeb dwar il-bluetongue, b’rata massima ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli u sa ammont massimu ta’ EUR 10 000 lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE), qiegħed b’dan jiġi approvat.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(3)  The EFSA Journal (2004), 122, 1-25, Standards for microclimate inside animal road transport vehicles.

(4)  COM(2006) 13 finali.

(5)  Ewrobarometru Speċjali 270: Attitudes of EU citizens towards Animal Welfare, http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/survey/sp_barometer_aw_en.pdf, p. 32.