20.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 277/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Ottubru 2007

dwar it-twaqqif tal-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin

(2007/675/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Bil-ħsieb li ttejjeb il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fuq livell Ewropew u f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Brussell (1) (2002) li esprimiet il-ħtieġa li l-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-grupp inħoloq bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/209/KE. Il-grupp konsultattiv għandu jkun magħruf bħala “Il-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin.” (2).

(2)

Il-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin ingħata l-mandat li jkun ta' kontribut għal aktar żvilupp fil-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, it-traffikar tal-bnedmin, li jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tiġbor opinjonijiet fid-dawl ta' inizjattivi tal-Kummissjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin u li jħejji rapport ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet imfissra fid-Dikjarazzjoni ta' Brussell. F'Diċembru ta' l-2004 il-Grupp ta' Esperti ppreżenta r-rapport flimkien ma' sett ta' rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jniedi aktar proposti konkreti fuq livell Ewropew.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005“Il-Ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin - approċċ integrat u proposti għal pjan ta' azzjoni” (3) kien fil-biċċa l-kbira tiegħu bbażat fuq rapport u r-rakkomandazzjonijiet żviluppati mill-Grupp ta' Esperti. Fl-1 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill adotta l-pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prassi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (4), li jirrifletti għadd ta' suġġerimenti li hemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

(4)

Fid-dawl tal-ħidma siewja li saret mill-Grupp ta' Esperti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin sa mill-2003, li permezz tagħha l-Kummissjoni kompliet tiżviluppa l-politika tagħha f'dan il-qasam, u meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni l-importanza dejjem tiżdied fuq livell globali tal-qasam ta' politika tat-traffikar tal-bnedmin, il-Grupp ta' Esperti għandu jkompli bil-ħidma tiegħu. Hija meħtieġa deċiżjoni ġdida sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. L-ambitu ta' ħidma tal-Grupp ta' Esperti għandu wkoll jinfirex u għandu jkun possibbli għalih li jibbenifika minn firxa ta' kompetenza akbar li hija mitluba mill-fenomenu li dejjem qed jinbidel tat-traffikar tal-bnedmin.

(5)

Il-Grupp ta' Esperti għandu jkompli jagħti pariri lill-Kummissjoni billi jieħu f'kunsiderazzjoni l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fuq livell Ewropew, nazzjonali u internazzjonali. B'mod partikolari, għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' azzjonijiet maħsuba fil-pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prassi, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin ta' Diċembru 2005 fil-waqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-qasam ta' l-isfruttament tal-ħaddiema.

(6)

Il-Grupp ta' Esperti għandu jkun magħmul minn 21 membru li jirrappreżentaw bilanċ ta’ rappreżentanti minn korpi pubbliċi ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt ta’ l-Unjoni Ewropea, u mill-Europol. Esperti mis-settur akkademiku u konsulenzi li jispeċjalizzaw fis-settur bla skop ta' profitt għandhom ukoll ikunu eliġibbli għas-sħubija.

(7)

Il-Grupp ta' Esperti għandu jkollu l-possibbiltà li jistabbilixxi sotto-kumitati sabiex jiffaċilita u jħaffef ix-xogħol tiegħu billi jiffoka fuq kwistjoni speċifika. It-termini ta' referenza ta' sotto-kumitati bħal dawn għandhom ikunu maqbula mill-Grupp ta' Esperti kollu kemm hu u għandhom ikunu definiti b'mod ċar.

(8)

Għandhom jitfasslu r-regoli dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni mill-membri tal-Grupp ta' Esperti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imfissra fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom (5).

(9)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (6).

(10)

Iż-żmien fil-ħatra tal-membri għandu jkun ta' tliet snin, u jista' jiġi mġedded.

(11)

Id-Deċiżjoni 2003/209/KE għandha tiġi rrevokata,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp ta' Esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin

Il-“Grupp ta' Esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin”, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-grupp”, huwa b'dan imwaqqaf.

Artikolu 2

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp dwar kull materja li jkollha x'taqsam mat-traffikar tal-bnedmin.

2.   Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

(a)

li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, partijiet oħra kif imfisser fl-Artikolu 3 paragrafu 2(b) u l-Kummissjoni dwar il-firxa ta' kwistjonijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin;

(b)

li jassisti lill-Kummissjoni, billi joħroġ opinjonijiet marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jara li jkun hemm approċċ koerenti għal dan is-suġġett;

(c)

li jgħin lill-Kummissjoni tevalwa l-evoluzzjoni tal-politika fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin fuq il-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali;

(d)

li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi miżuri possibbli rilevanti, u azzjonijiet, fuq livell Ewropew u nazzjonali madwar il-medda tal-politika kontra t-traffikar.

(e)

il-grupp ta' esperti għandu joħroġ opinjonijjiet jew rapport lill-Kummissjoni fuq talba ta' din ta' l-aħħar jew b'inizjattiva tiegħu stess, filwaqt li jieħu f'kunsiderazzjoni b'mod xieraq l-implimentazzjoni u aktar żvilupp fuq livell ta' l-UE tal-Pjan ta' l-UE dwar l-aħjar prattiċi, standards u proċeduri fil-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, u forom oħra relatati ta' sfruttament. Għandu jieħu wkoll f'kunsiderazzjoni d-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

3.   Il-President tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni li jkun mixtieq li jiġi kkonsultat il-Grupp fuq xi kwistjoni speċifika.

Artikolu 3

Sħubija – Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun kompost minn 21 membru. Sejħa għall-applikazzjoni biex wieħed isir membru tal-grupp għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u fuq is-sit ta' l-internet pubbliku tad-Direttorat-Ġenerali tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà.

2.   Il-membri tal-grupp ta' esperti għandhom jinħatru minn fost speċjalisti li jkollhom kompetenza u esperjenza fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż ta' dik id-dimensjoni tat-traffikar tal-bnedmin fejn jidħol ix-xogħol, u jkunu ġejjin minn:

(a)

amministraturi ta' l-Istati Membri (sa 11-il membru);

(b)

organizzazzjonijiet inter-governattivi, internazzjonali u mhux governattivi attivi fil-livell Ewropew b'esperjenza u kompetenza ddokumentati tajjeb fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin (sa ħames membri);

(c)

msieħba soċjali u assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem li jkunu qed joperaw fuq livell Ewropew (sa 4 membri);

(d)

Europol (membru wieħed);

(e)

individwi li jkollhom esperjenza ġejja minn riċerka akkademika f'universitajiet pubbliċi jew privati jew istituzzjonijiet fl-Istati Membri jistgħu wkoll isiru membri tal-grupp (sa żewġ membri).

3.   Il-membri msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu msemmija u maħtura mill-Kummissjoni fuq proposta ta' l-Istati Membri. Il-membri msemmija fil-punti (b), (c) u (e) tal-paragrafu 2 għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost dawk li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet. Il-membru msemmi f'(d) għandu jinħatar mill-Europol.

4.   Fuq il-bażi tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, applikanti li kienu tqiesu bħala kandidati xierqa biex jissieħbu fil-grupp, iżda ma ġewx maħtura, għandhom jitqiegħdu fuq lista ta' riżerva, bil-kunsens tagħhom. Il-Kummissjoni tuża din il-lista biex taħtar membri sostituti, f'każ ta' ħtieġa.

5.   Il-membri tal-grupp għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jinbidlu jew sakemm jintemm il-mandat tagħhom.

6.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

7.   Il-membri maħtura f'kapaċità personali għandhom jiffirmaw kull sena dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta' kull interess li jista' jaffettwa l-indipendenza tagħhom.

8.   L-ismijiet tal-membri maħtura f’kapaċità personali għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-DĠ Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà u fis-Serje C tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

9.   L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 4

Operat

1.   Il-grupp għandu jaħtar President, u żewġ Viċi-Presidenti minn fost il-membri tiegħu, permezz ta' maġġoranza sempliċi.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottokumitati fi ħdan il-qafas tal-grupp biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Is-sottokumitati għandhom ikunu magħmula minn mhux aktar minn 9 membri u għandhom ikunu xolti hekk kif il-mandat tagħhom jitwettaq.

3.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fix-xogħlijiet tal-grupp jew sottokumitat ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni jkollha x’taqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

4.   Il-grupp u s-sottokumitati tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbiliti minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali għal-laqgħat tal-Grupp u tas-sottokumitati tiegħu. Rappreżentanti ta' servizzi tal-Kummissjoni li jkunu interessati jistgħu jattendu laqgħat tal-grupp u tas-sottokumitati tiegħu.

5.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 5

L-esperti adizzjonali

1.   Il-Kummissjoni tista' tistieden esperti jew osservaturi minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f'suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp.

2.   Il-Kummissjoni tista' tistieden rappreżentanti uffiċjali ta' l-Istati Membri, tal-pajjiżi kandidati jew ta' pajjiżi terzi u ta' l-organizzazzjoniet internazzjonali, inter-governattivi u mhux governattivi biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti.

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien imħallsa għall-membri u l-esperti fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni.

2.   Il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

3.   L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2003/209/KE hija mħassra.

Artikolu 8

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal tliet snin.

Magħmula fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Franco FRATTINI

Viċi President


(1)  Id-Dikjarazzjoni ta' Brussell ġiet adottata fil-Konferenza Ewropea dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin – Sfidi Globali għas-Seklu 21 mit-18 sa l-20 ta’ Settembru 2002. ĠU C 137, 12.6.2003 p. 1.

(2)  ĠU L 79, 26.3.2003, p. 25.

(3)  COM(2005) 514 finali.

(4)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38)

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.