4.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 258/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-24 ta’ Settembru 2007

dwar tilqim ta’ emerġenza tat-tjur tar-razzett fl-Italja kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4393)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2007/638/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta’ l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 54(2) tagħha;

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula l-miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda ta’ l-influwenza avjarja fit-tjur tar-razzett jew tjur oħra mrobbija mill-bniedem.

(2)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/926/KE tal-21 ta’ Diċembru 2005 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri supplimentari għall-kontroll ta’ infezzjonijiet b’influwenza b’patoġenitiċità baxxa fl-Italja u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/666/KE (2), l-Italja wettqet tilqim kontra l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa sa tmiem l-2006.

(3)

Minn Mejju 2007, kien hemm tifqigħat ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa f’partijiet mill-Italja tat-Tramuntana u ttieħdu miżuri skond id-Direttiva 2005/94/KE biex jiġi kkontrollat it-tifrix tal-vajrus.

(4)

F’Lulju u Awissu 2007, ġiet osservata żieda fl-għadd tat-tifqigħat ta' l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa, partikolarment tas-sottotip H7 u għadhom qed jiġu individwati tifqigħat oħrajn ta’ dik il-marda. Ġie rrappurtat ukoll għadd żgħir ta’ tifqigħat ikkawżati mis-sottotip H5 ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa.

(5)

Fl-opinjonijiet xjentifiċi tiegħu dwar l-użu tat-tilqim għall-kontroll ta’ l-influwenzja avjarja maħruġa mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari fl-2005 (3) u l-2007 (4), il-Bord tas-Saħħa u l-Benessri ta’ l-Annimali qal li t-tilqim ta’ emerġenza u prevenzjoni kontra l-influwenza avjarja huwa għodda siewja biex iżżid mal-miżuri ta’ kontroll għal dik il-marda.

(6)

It-tifqigħat ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa fl-Italja jikkonċernaw żona b’popolazzjoni densa ta’ tjur tar-razzett u l-qagħda epidemjoloġika għadha qed tevolvi.

(7)

L-awtoritajiet Taljani wettqu evalwazzjoni tar-riskju u identifikaw riskju partikolari għal iktar tifrix tal-vajrus fiż-żoni kkonċernati. L-Italja, għalhekk, permezz ta’ ittra bid-data tas-7 ta’ Settembru 2007, ressqet pjan ta' tilqim ta’ emerġenza lill-Kummissjoni għall-approvazzzjoni tagħha.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat il-pjan flimkien ma' l-Italja u hija sodisfatta li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Komunità. Fid-dawl ta’ l-iżvilupp tal-qagħda epidemjoloġika fl-Italja, jixraq li l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza mressaq mill-Italja jiġi approvat biex iżid mal-miżuri ta’ kontroll meħuda minn dak l-Istat Membru u biex jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq il-movimenti tat-tjur tar-razzett, il-bajd għat-tifqis tat-tjur tar-razzett u l-flieles ta’ jum u ċerti prodotti tat-tjur tar-razzett.

(9)

Skond il-pjan tat-tilqim, l-Italja biħsiebha tlaqqam ċerti kategoriji ta’ tjur tar-razzet skond l-istrateġija DIVA għad-differenzjazzjoni ta’ annimali infettati minn dawk li ġew imlaqqma (DIVA - Differentiating Infected from Vaccinated Animal) permezz ta’ vaċċini monovalenti diretti kontra l-vajrus ta’ l-influwenza avjarja tas-sottotip H7 u wkoll vaċċini bivalenti kontra s-sottotipi H7 u H5.

(10)

Għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (5) jew ir-Regolament Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (6).

(11)

Barra minn hekk, għandu jkun hemm sorveljanza u monitoraġġ tal-qatgħat ta’ tjur tar-razzett, kemm dawk imlaqqma u kif ukoll dawk li mhumiex, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

(12)

Il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2005/926/KE ma għadhomx xierqa u, għalhekk, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fl-Italja fejn isir tilqim ta’ emerġenza f'ċerti stabbilimenti tat-tjur tar-razzett li jinsabu f'riskju partikolari li tiġi introdotta l-influwenza avjarja, inklużi ċerti restrizzjonijiet fuq il-movimenti u d-dispaċċ ta' tjur tar-razzett, bajd għat-tifqis tat-tjur tar-razzett u flieles ta' jum u ċerti prodotti li joriġinaw minnhom.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr ħsara għall-miżuri meħuda mill-Italja skond id-Direttiva 2005/94/KE biex tikkontrolla t-tifqigħat ta’ l-influwenza avjarja b’patoġeniċità baxxa.

Artikolu 2

Il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza

1.   Il-pjan għat-tilqim ta' emerġenza kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa fl-Italja, kif ippreżentat mill-Italja lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Settembru 2007 (“il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza”) huwa approvat.

2.   L-Italja għandha twettaq il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza fiż-żoni elenkati fl-Anness I (“iż-żona tat-tilqim ta’ emerġenza”).

Għandha tiżgura li l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza jiġi implimentat b’mod effettiv.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 3

Vaċċini li għandhom jintużaw

L-Italja għandha tiżgura li t-tjur tar-razzett jitlaqqam skond il-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza b’wieħed mit-tipi li ġejjin ta’ vaċċin li huma awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004:

(a)

vaċċin eterologu inattivat tas-sottotip H7 ta’ l-influwenza avjarja; jew

(b)

vaċċin eterologu bivalenti inattivat li fih is-sottotip H5 kif ukoll is-sottotip H7 ta’ l-influwenza avjarja.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti tat-tjur tar-razzett

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-tjur tar-razzett li ġejjin u/jew joriġinaw minn stabbilimenti fl-Italja fejn sar tilqim ta’ emerġenza (“stabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza”) ma jiġux imċaqilqa lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħtu lejn Stati Membri oħra.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, it-tjur tar-razzett għall-qatla li jiġu minn u/jew joriġinaw mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jistgħu jiġu mċaqilqa lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħtu lejn Stati Membri oħra, jekk it-tjur tar-razzett ikunu joriġinaw minn qatgħat li:

(a)

qabel it-tagħbija jkunu ġew eżaminati b’riżultati tajbin skond il-punt I ta’ l-Anness II, u

(b)

jintbagħtu lejn biċċerija:

(i)

ġewwa l-Italja u jinqatlu minnufih malli jaslu; jew

(ii)

fi Stat Membru ieħor wara l-qbil ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni u jinqatlu minnufih malli jaslu.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-bajd għat-tifqis tat-tjur tar-razzett

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-bajd għat-tifqis ta’ tjur tar-razzett li jiġi minn u/jew joriġina mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jiġi mċaqlaq lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħat lejn Stati Membri oħra, biss jekk il-bajd għat-tifqis:

(a)

joriġina minn qatgħat li jkunu ġew eżaminati b’riżultati tajbin skond il-punt 2 ta’ l-Anness II,

(b)

ikun ġie ddisinfettat qabel iċ-ċaqliq jew id-dispaċċ b’metodu approvat mill-awtorità kompetenti;

(ċ)

jiġi ttrasportat direttament lejn il-mafqas destinatarju;

(d)

ikun jista’ jiġi ttraċċat ġewwa l-mafqas.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ flieles ta’ jum

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-flieles ta’ jum li jiġu minn u/jew joriġinaw mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jiġu mċaqilqa lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħtu lejn Stati Membri oħra, biss jekk il-flieles ta’ jum:

(a)

ikunu joriġinaw minn bajd għat-tifqis ta’ tjur tar-razzett li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5;

(b)

jitqiegħdu f’gallinar jew barrakka tat-tjur tar-razzett fejn ma jkunx hemm tjur tar-razzett residenti.

Artikolu 7

Ċertifikati sanitarji għall-kummerċ intra-Komunitarju f’konsenji ta' tjur tar-razzett, bajd għat-tifqis u flieles ta’ jum

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li ċ-ċertifikati sanitarji għall-kummerċ intra-Komunitarju fit-tjur tar-razzett, il-bajd għat-tifqis tat-tjur tar-razzett u flieles ta’ jum li jkunu ġejjin u/jew joriġinaw mill-Italja jkunu jinkludu l-kliem:

“Il-kundizzjonijiet sanitarji ta’ l-annimali ta’ din il-konsenja huma skond id-Deċiżjoni 2007/638/KE”.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-bajd għall-ikel

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-bajd għall-ikel li jiġi minn u/jew joriġina mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jiġi mċaqlaq lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħat lejn Stati Membri oħra, jekk il-bajd:

(a)

joriġina minn qatgħat li jkunu ġew eżaminati b’riżultati tajbin skond il-punt 2 ta’ l-Anness II,

(b)

jiġi direttament trasportat lejn:

(i)

lejn ċentru ta' l-ippakkjar deżinjat mill-awtorità kompetenti u jiġi ppakkjat f'imballaġġi li jistgħu jintremew u li jikkonformaw mal-miżuri ta’ bijosigurtà kollha rikjesti mill-awtorità kompetenti, jew

(ii)

stabbiliment għall-manifattura ta’ prodotti tal-bajd kif stabbilit fil-Kapitolu II tat-Taqsima X ta' l-Anness III tar-Regolamen (KE) Nru 853/2004 fejn dan jiġi mmaniġġjat u ttrattat skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

Artikolu 9

Restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ laħam tat-tjur tar-razzett, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li jikkonsistu mil-laħam tat-tjur tar-razzett jew li fihom dan il-laħam

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-laħam tat-tjur tar-razzett li jiġi minn u/jew joriġina mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jiġi mċaqlaq lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħat lejn Stati Membri oħra, biss jekk il-laħam:

(a)

ikun inkiseb minn tjur tar-razzett li jkun konformi ma’ l-Artikolu 4;

(b)

ikun ġie prodott skond l-Anness II u t-Taqsimiet II u III ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u soġġett għall-kontrolli skond it-Taqsimiet I, II, III, u l-Kapitoli V u VII tat-Taqsima IV ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-laħam ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li jikkonsistu mil-laħam tat-tjur tar-razzett jew li fihom dan il-laħam li jiġu minn u/jew joriġinaw mill-istabbilimenti tat-tilqim ta’ emerġenza, jiġu mċaqilqa lejn partijiet oħra ta’ l-Italja jew jintbagħtu lejn Stati Membri oħra, biss jekk dawn il-prodotti jkunu saru:

(a)

minn laħam konformi mal-paragrafu 1;

(b)

skond it-Taqsimiet V u VI ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 10

Monitoraġġ u sorveljanza

Għandu jkun hemm monitoraġġ u sorveljanza tal-qatgħat ta’ tjur tar-razzett imlaqqma u kif ukoll dawk li mhumiex, kif stabbilit fil-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza.

Artikolu 11

Rapporti

L-Italja għandha tippreżenta rapport preliminari lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tilqim ta’ emerġenza sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2007 u, minn dakinhar 'il quddiem, għandha tippreżenta rapporti kull tliet xhur fi żmien xahar mit-tmiem ta’ kull kwart.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali jiġi infurmat b’dawn ir-rapporti.

Artikolu 12

Reviżjoni tal-miżuri

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta’ l-iżvilupp tal-qagħda epidemjoloġika fl-Italja u kwalunkwe informazzjoni ġdida li ssir disponibbli.

Artikolu 13

Revoka

Id-Deċiżjoni 2005/926/KE hija revokata.

Artikolu 14

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-24 ta’ Settembru 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008.

Artikolu 15

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 337, 22.12.2005, p. 60.

(3)  Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2005) 266, 1-21; Aspetti tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali ta’ l-Influwenza Avjarja.

(4)  Il-Ġurnal ta' l-EFSA (2007) 489, Opinjoni Xjentifika fuq “Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds”.

(5)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/28/EC (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

(6)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).


ANNESS I

ŻONA TA’ TILQIM TA’ EMERĠENZA

Ir-Reġjun tal-Veneto

Il-Provinċja ta' Verona

ALBAREDO D'ADIGE

 

ANGIARI

 

ARCOLE

 

BELFIORE

 

BONAVIGO

 

BOVOLONE

 

BUTTAPIETRA

 

CALDIERO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CASALEONE

 

CASTEL D'AZZANO

 

CASTELNUOVO DEL GARDA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CEREA

 

COLOGNA VENETA

 

COLOGNOLA AI COLLI

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CONCAMARISE

 

ERBÈ

 

GAZZO VERONESE

 

ISOLA DELLA SCALA

 

ISOLA RIZZA

 

LAVAGNO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

MINERBE

 

MONTEFORTE D'ALPONE

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

MOZZECANE

 

NOGARA

 

NOGAROLE ROCCA

 

OPPEANO

 

PALÙ

 

PESCHIERA DEL GARDA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

POVEGLIANO VERONESE

 

PRESSANA

 

RONCO ALL'ADIGE

 

ROVERCHIARA

 

ROVEREDO DI GUÀ

 

SALIZZOLE

 

SAN BONIFACIO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SAN GIOVANNI LUPATOTO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SANGUINETTO

 

SAN MARTINO BUON ALBERGO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SAN PIETRO DI MORUBIO

 

SOAVE

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SOMMACAMPAGNA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SONA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SORGÀ

 

TREVENZUOLO

 

VALEGGIO SUL MINCIO

 

VERONA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

VERONELLA

 

VIGASIO

 

VILLAFRANCA DI VERONA

 

ZEVIO

 

ZIMELLA

 


Ir-Reġjun tal-Lombardija

Il-Provinċja ta’ Brescia

ACQUAFREDDA

 

ALFIANELLO

 

BAGNOLO MELLA

 

BASSANO BRESCIANO

 

BORGOSATOLLO

 

BRESCIA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CALCINATO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CALVISANO

 

CAPRIANO DEL COLLE

 

CARPENEDOLO

 

CASTENEDOLO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

CIGOLE

 

DELLO

 

DESENZANO DEL GARDA

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

FIESSE

 

FLERO

 

GAMBARA

 

GHEDI

 

GOTTOLENGO

 

ISORELLA

 

LENO

 

LONATO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

MANERBIO

 

MILZANO

 

MONTICHIARI

 

MONTIRONE

 

OFFLAGA

 

PAVONE DEL MELLA

 

PONCARALE

 

PONTEVICO

 

POZZOLENGO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

PRALBOINO

 

QUINZANO D'OGLIO

 

REMEDELLO

 

REZZATO

iż-żona fin-nofsinhar ta’ l-awtostrada A4

SAN GERVASIO BRESCIANO

 

SAN ZENO NAVIGLIO

 

SENIGA

 

VEROLANUOVA

 

VEROLAVECCHIA

 

VISANO

 

Il-Provinċja ta’ Mantova

CASTIGLIONE DELLE STIVIERE

 

CAVRIANA

 

CERESARA

 

GOITO

 

GUIDIZZOLO

 

MARMIROLO

 

MEDOLE

 

MONZAMBANO

 

PONTI SUL MINCIO

 

ROVERBELLA

 

SOLFERINO

 

VOLTA MANTOVANA

 


ANNESS II

PROĊEDURA GĦALL-EŻAMIJIET, IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI U T-TESTIJIET FIR-RIGWARD TAĊ-ĊAQLIQ IMSEMMI FL-ARTIKOLI 4, 5 U 8

L-1 Punt

Qabel iċ-ċaqliq tat-tjur tar-razzett għall-qatla msemmi fl-Artikolu 4(2), il-veterinarju uffiċjali għandu:

(a)

jagħmel kontroll tar-rekords tal-produzzjoni u r-rekords sanitarji ta’ l-istabbiliment;

(b)

iwettaq spezzjoni klinika f’kull unità tal-produzzjoni, inkluż evalwazzjoni ta’ l-istorja klinika tiegħu u eżamijiet kliniċi tat-tjur tar-razzett fi żmien 72 siegħa qabel il-ħin tat-tluq b’attenzjoni partikolari għat-tjur sentinella;

(ċ)

jiġbor il-kampjuni li ġejjin:

it-tjur tar-razzett imlaqqam: 20 kampjun tad-demm permezz ta’ strateġija analitika DIVA xierqa 72 siegħa qabel il-ħin tat-tluq;

(d)

jiġbor il-kampjuni li ġejjin, fejn ir-riżultat tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet u l-eżamijiet kliniċi msemmija f’(a), (b) u (ċ) ma jkunux sodisfaċenti:

tjur sentinella: 20 swab trakeali/orofarinġeali u 20 swab kloakali u 20 kampjun tad-demm għas-seroloġija permezz tat-test HI fi żmien 72 siegħa qabel il-ħin tat-tluq.

It-2 Punt

Qabel l-ewwel ċaqliq tal-bajd għat-tifqis u l-bajd għall-ikel imsemmi fl-Artikoli 5 u 8, u mbagħad għallinqas kull 30 jum, il-veterinarju uffiċjali għandu:

(a)

jagħmel spezzjoni klinika tat-tajra ġenitur jew li biedet il-bajd f’kull unità tal-produzzjoni, inkluż evalwazzjoni ta’ l-istorja klinika tagħha u l-eżamijiet kliniċi tat-tjur sentinella preżenti f'dawk il-qatgħat;

(b)

jiġbor 10 kampjuni tad-demm mit-tjur sentinella. Madankollu, jekk ikun meħtieġ, għandhom jittieħdu wkoll 20 kampjun biex isirilhom it-test iIFA.