3.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/274/ĠAI

tat-23 ta’ April 2007

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar is-Sigurtà ta’ Informazzjoni Klassifikata

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tas-27 u 28 ta’ Novembru 2003, u , il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, sabiex tiftaħ in-negozjati skond l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma’ ċerti stati terzi, sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

(2)

Konsegwentement għal din l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ tan-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mal-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna mogħtija s-setgħa sabiex tiffirma l-Ftehim sabiex torbot lill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER



3.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/30


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar is-Sigurtà ta’ Informazzjoni Klassifikata

IL-GVERN ta’ L-ISTATI UNITI, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-USG”

U

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-UE”, minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

Waqt li jikkunsidraw LI l-USG u l-UE jikkondividu l-objettivi għat-tisħiħ tas-sigurtà tagħhom proprja b’kull mod u li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’livell għoli ta’ sikurezza f’żona ta’ sigurtà,

Waqt li jikkunsidraw LI l-USG u l-UE jaqblu li għandhom jiġu żviluppati konsultazzjonijiet u kooperazzjoni bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà,

Waqt li jikkunsidraw LI, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-USG u l-UE,

WAQT li JIRRIKONOXXU LI konsultazzjoni u kooperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata ta’ l-USG u l-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-USG u l-UE,

KONXJI LI tali aċċess għal u skambju ta’ informazzjoni klassifikata jeħtieġu miżuri adegwati ta’ sigurtà,

FTIEHMU KIF ĠEJ

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għal informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata bejn il-Partijiet.

2.   Kull Parti għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti l-oħra, b’mod partikolari kontra żvelar mhux awtorizzat, skond it-termini stabbiliti hawnhekk u skond il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-fini ta’ dan il-Ftehim “l-UE” għandha tfisser il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kunsill”), is-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejħa: “il-Kummissjoni Ewropea”).

2.   Għall-fini ta’ dan il-Ftehim “informazzjoni klassifikata” għandha tfisser informazzjoni u materjal suġġetti għal dan il-Ftehim (i) li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista’ joħloq livelli ta’ ħsara li jvarjaw għall-interessi ta’ l-USG, jew ta’ l-UE jew Stat Membru wieħed tagħha jew aktar minn wieħed; (ii) li jeħtieġu protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat fl-interessi ta’ sigurtà ta’ l-USG jew ta’ l-UE; u (iii) li għandhom klassifika ta’ sigurtà mogħtija mill-USG jew mill-UE. L-informazzjoni tista’ tkun f’forma verbali, viżwali, elettronika, manjetika jew dokumentarja, jew fil-forma ta’ materjal, inkluż tagħmir jew teknoloġija.

Artikolu 3

Klassifikazzjonijiet ta’ sigurtà

1.   L-informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata kif ġej:

(a)

Għall-USG, l-informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata TOP SECRET, SECRET jew CONFIDENTIAL.

(b)

Għall-UE, l-informazzjoni klassifikata għandha tkun immarkata TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET, SECRET UE, CONFIDENTIEL UE jew RESTREINT UE.

2.   Il-klassifikazzjonijiet ta’ sigurtà korrispondenti huma:

Fl-Unjoni Ewropea

Fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika

TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET

TOP SECRET

SECRET UE

SECRET

CONFIDENTIEL UE

CONFIDENTIAL

RESTREINT UE

(L-ebda ekwivalenti għall-Istati Uniti)

3.   L-informazzjoni klassifikata provduta minn Parti waħda lill-oħra għandha tkun ittimbrata, immarkata jew speċifikata bl-isem tal-Parti li tirrilaxxha. L-informazzjoni klassifikata provduta minn Parti waħda għandha tkun protetta mill-Parti riċeventi b’mod mill-inqas ekwivalenti għal dak li jingħatalha mill-Parti li tirrilaxxha.

Artikolu 4

Protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Kull Parti għandha jkollha sistema ta’ sigurtà u miżuri ta’ sigurtà attwati abbażi tal-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħha, sabiex tiżgura li jiġi applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni lill-informazzjoni klassifikata. Fuq talba, kull Parti għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra b’informazzjoni dwar l-istandards ta’ sigurtà, il-proċeduri u l-prattika tagħha, inkluż it-taħriġ, għas-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata.

2.   Il-Parti riċeventi għandha tagħti livell ta’ protezzjoni lill-informazzjoni klassifikata li tirċievi mill-Parti li tirrilaxxha mill-inqas ekwivalenti għal dak li jingħatalha mill-Parti li tirrilaxxha.

3.   Il-Parti riċeventi m’għandhiex tuża jew tippermetti l-użu ta’ informazzjoni klassifikata għal kwalunkwe skop ieħor li ma jkunx dak li għalih ġiet provduta mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Parti li tirrilaxxha.

4.   Il-Parti riċeventi m’għandhiex tirrilaxxa jew tiżvela ulterjorment informazzjoni klassifikata mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Parti li tirrilaxxha.

5.   Il-Parti riċeventi għandha tikkonforma ma kwalunkwe limitazzjoni dwar ir-rilaxx ulterjuri ta’ informazzjoni klassifikata kif tista’ tkun speċifikata mill-Parti li tirrilaxxha meta din tiżvelha.

6.   Il-Parti riċeventi għandha tiżgura li d-drittijiet ta’ l-oriġinatur ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim, kif ukoll id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bħal privattivi, drittijiet ta’ l-awtur jew sigrieti kummerċjali, huma protetti b’mod adegwat.

7.   L-ebda individwu m’għandu jkun intitolat li jkollu aċċess għal informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti l-oħra abbażi ta’ pożizzjoni, ħatra, jew approvazzjoni ta’ sigurtà biss. L-aċċess għal informazzjoni klassifikata għandu jingħata biss lil dawk l-individwi li d-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu tali aċċess u li, fejn meħtieġ, ingħataw l-approvazzjoni meħtieġa ta’ sigurtà għall-persunal skond l-istandards preskritti tal-Partijiet.

8.   Il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-individwi kollha li jkollhom aċċess għal informazzjoni klassifikata jiġu informati dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom sabiex jipproteġu l-informazzjoni skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

Artikolu 5

Approvazzjonijiet ta’ sigurtà għall-persunal

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE jew CONFIDENTIAL jew ogħla provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni ta’ sigurtà adegwata qabel ma dawn jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

2.   Id-determinazzjoni minn Parti dwar l-għoti ta’ l-approvazzjoni ta’ sigurtà għall-persunal lil individwu għandha tkun konsistenti ma’ l-interessi ta’ sigurtà ta’ dik il-Parti u għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli kollha waqt li tindika jekk l-individwu ikunx ta’ lealtà, integrità u affidabbiltà indiskutibbli.

3.   L-approvazzjonijiet ta’ sigurtà ta’ kull Parti għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni adegwata mwettqa f’dettall suffiċjenti sabiex tipprovdi assigurazzjoni li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 intlaħqu fir-rispett ta’ kwalunkwe individwu li għandu jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata. Għall-UE, l-Awtorità għas-Sigurtà Nazzjonali (NSA) prinċipali tal-gvern ta’ l-individwu kkonċernat tkun l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet ta’ sigurtà meħtieġa fuq iċ-ċittadini tagħha.

Artikolu 6

Trasferiment ta’ kustodja

Il-Parti li tirrilaxxa l-informazzjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata kollha tkun protetta b’mod adegwat sa meta l-kustodja ta’ l-informazzjoni tiġi trasferita lill-Parti riċeventi. Il-Parti riċeventi għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata kollha tal-Parti l-oħra tkun protetta b’mod adegwat hekk kif hi jkollha l-kustodja ta’ l-informazzjoni li tkun ġiet rilaxxata lilha.

Artikolu 7

Sigurtà tal-faċilitajiet u ta’ l-istabbilimenti tal-Partijiet fejn tinżamm l-informazzjoni klassifikata

Skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, kull Parti għandha tiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet u ta’ l-istabbilimenti fejn tinżamm l-informazzjoni klassifikata rilaxxata lilha mill-Parti l-oħra, u tiżgura li għal kull tali faċilità jew stabbiliment jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni.

Artikolu 8

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata lill-kuntratturi

1.   L-informazzjoni klassifikata riċevuta mill-Parti l-oħra tista’ tiġi provduta lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti li tirrilaxxha. Qabel ir-rilaxx jew l-iżvelar lil kuntrattur jew lil kuntrattur prospettiv ta’ kwalunkwe informazzjoni klassifikata li tkun irċeviet mill-Parti l-oħra, il-Parti riċeventi għandha tiżgura li tali kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, u l-faċilità tal-kuntrattur, ikollhom il-kapaċità li jipproteġu l-informazzjoni u jkollhom approvazzjoni adegwata.

2.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-persunal impjegat mill-Unjoni Ewropea b’kuntratt ta’ xogħol jew mill-Istati Uniti b’kuntratt ta’ servizzi personali.

Artikolu 9

Trasmissjoni

1.   L-informazzjoni klassifikata għandha tiġi trasmessa bejn il-Partijiet permezz ta’ mezzi miftiehma b’mod reċiproku.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

Fir-rigward ta’ l-UE, l-informazzjoni klassifikata bil-miktub kollha għandha tinbagħat lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni kollha ta’ dan it-tip għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, suġġett għall-paragrafu 3;

(b)

Fir-rigward ta’ l-USG, l-informazzjoni klassifikata bil-miktub kollha għandha tinbagħat, sakemm ma jkunx previst diversament, permezz tal-Missjoni ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika lill-Unjoni Ewropea, fl-indirizz li ġej:

Mission of the United States of Amerika to the European Union

Registry Officer

Rue Zinner 13

B-1000 Brussels

2.   It-trasmissjoni elettronika ta’ informazzjoni klassifikata sal-livell CONFIDENTIAL/CONFIDENTIEL UE bejn l-USG u l-UE u bejn l-UE u l-USG għandha tkun f’forma kriptografika skond ir-rekwiżiti tal-Parti li tirrilaxxha kif deskritt fil-linji politiċi u r-regolamenti ta’ sigurtà tagħha. Ir-rekwiżiti tal-Parti li tirrilaxxa l-informazzjoni għandhom jiġu sodisfatti meta l-informazzjoni klassifikata tkun qed tiġi trasmessa, maħżuna u pproċessata fin-networks interni tal-Partijiet.

3.   Eċċezzjonalment, l-informazzjoni klassifikata minn Parti waħda li tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi speċifiċi tal-Parti l-oħra nominati b’mod speċifiku bħala riċeventi, b’kont meħud tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Sa fejn jikkonċerna l-UE, tali informazzjoni għandha tiġi trasmessa permezz ta’ l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill, jew ta’ l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tad-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea meta tali informazzjoni tkun indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea.

Artikolu 10

Żjarat lill-faċilitajiet u lill-istabbilimenti tal-Partijiet

Meta jkun meħtieġ, il-Partijiet għandhom jikkonfermaw l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà għall-persunal permezz ta’ mezzi miftiehma b’mod reċiproku għal żjarat minn rappreżentanti ta’ Parti waħda lill-faċilitajiet u lill-istabbilimenti tal-Parti l-oħra.

Artikolu 11

Żjarat reċiproċi ta’ sigurtà

L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Ftehim tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ żjarat reċiproċi mill-persunal tas-sigurtà tal-Partijiet bil-ħsieb ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effikaċja tal-miżuri meħuda taħt dan il-Ftehim u l-arranġament tekniku ta’ sigurtà li għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 13 għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata bejn il-Partijiet. Għalhekk, ir-rappreżentanti tas-sigurtà ta’ kull Parti, wara konsultazzjoni minn qabel, jistgħu jingħataw permess sabiex iżuru lill-Parti l-oħra u sabiex jiddiskutu u josservaw il-proċeduri implimentattivi tal-Parti l-oħra. Il-Parti ospitanti għandha tassisti lir-rappreżentanti tas-sigurtà fuq żjara sabiex jiġi determinat jekk l-informazzjoni klassifikata li tkun irċeviet mill-Parti fuq żjara tkunx qiegħda tiġi protetta b’mod adegwat.

Artikolu 12

Sorveljanza

1.   Għall-USG, is-Segretarji ta’ Stat u Difiża u d-Direttur ta’ l-Intelligence Nazzjonali għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.   Għall-UE, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u l-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ sigurtà għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 13

Arranġament tekniku ta’ sigurtà

1.   Sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim, għandu jiġi stabbilit arranġament tekniku ta’ sigurtà fost it-tliet awtoritajiet nnominati fil-paragrafi 2 sa 4 sabiex jistabbilixxu l-istandards għall-protezzjoni reċiproka ta’ sigurtà għall-informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim.

2.   Id-Dipartiment ta’ Stat ta’ l-Istati Uniti, waqt li jaġixxi f’isem il-USG u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ l-arranġament tekniku ta’ sigurtà msemmi fil-paragrafu 1 għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lill-USG jew skambjata miegħu taħt dan il-Ftehim.

3.   L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt id-direzzjoni u f’isem is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, waqt li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ l-arranġament tekniku ta’ sigurtà msemmi fil-paragrafu 1 għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lill-Kunsill jew lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew skambjata magħhom taħt dan il-Ftehim.

4.   Id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ sigurtà, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ l-arranġament tekniku ta’ sigurtà msemmi fil-paragrafu 1 għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim mal-Kummissjoni Ewropea.

5.   Għall-UE, l-arranġament għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 14

Degradar u deklassifikazzjoni

1.   Il-Partijiet jaqblu li informazzjoni klassifikata għandha tingħata klassifikazzjoni aktar baxxa hekk kif l-informazzjoni ma tibqax teħtieġ dak il-livell ogħla ta’ protezzjoni jew għandha tiġi deklassifikata hekk kif l-informazzjoni ma tibqax teħtieġ protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat.

2.   Il-Parti li tirrilaxxa l-informazzjoni għandha diskrezzjoni sħiħa rigward id-degradar jew id-deklassifikazzjoni ta’ l-informazzjoni klassifikata tagħha stess. Il-Parti riċeventi m’għandhiex tbaxxi l-klassifikazzjoni ta’ sigurtà jew tiddeklassifika informazzjoni li tkun irċeviet mill-Parti l-oħra, minkejja kwalunkwe istruzzjoni evidenti ta’ deklassifikazzjoni fuq id-dokument, mingħajr il-kunsens minn qabel u bil-miktub tal-Parti li tirrilaxxha.

Artikolu 15

Telf jew kompromess

Il-Parti li tirrilaxxa l-informazzjoni għandha tiġi informata ma’ l-iskoperta ta’ kwalunkwe telf jew kompromess ippruvat jew suspettat ta’ l-informazzjoni klassifikata tagħha, u l-Parti riċeventi għandha tagħti bidu għal investigazzjoni sabiex tiddetermina ċ-ċirkostanzi. Ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni u l-informazzjoni rigward miżuri meħuda sabiex tiġi evitata rikorrenza għandhom jintbagħtu lill-Parti li tirrilaxxa l-informazzjoni. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 13 jistgħu jistabbilixxu proċeduri għal dak il-għan.

Artikolu 16

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tirriżulta taħt jew li hi relatata ma’ dan il-Ftehim għandha tiġi riżolta biss permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

Spejjeż

Kull Parti għandha tkun responsabbli għall-ħlas ta’ l-ispejjeż tagħha stess li tkun għamlet fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 18

Abbiltà ta’ protezzjoni

Qabel l-għoti jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jaqblu li l-Parti riċeventi tkun kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni suġġetta għal dan il-Ftehim b’mod konsistenti ma’ l-arranġament ta’ sigurtà teknika li għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 13.

Artikolu 19

Ftehim oħrajn

Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jbiddel il-ftehim jew l-arranġamenti eżistenti bejn il-Partijiet, lanqas ftehim bejn l-USG u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-Ftehim m’għandux jipprekludi lill-Partijiet milli jikkonkludu Ftehim oħrajn relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux inkompatibbli ma’ l-obbligi taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ, emendament u denunzja

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-aħħar firma mill-Partijiet.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe bidla fil-liġijiet u fir-regolamenti tagħha li jistgħu jolqtu l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata msemmija f’dan il-Ftehim. F’tali każijiet, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-ħsieb li jemendaw dan il-Ftehim skond il-paragrafu 3 kif meħtieġ.

3.   L-emendi għall-Ftehim preżenti għandhom isiru permezz ta’ qbil reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

4.   Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti l-oħra, bil-miktub, disgħin jum minn qabel dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja l-Ftehim. Minkejja d-denunzja ta’ dan il-Ftehim, l-informazzjoni klassifikata kollha provduta skond dan il-Ftehim għandha tkompli tkun protetta skond dan il-Ftehim. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw immedjatament dwar id-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni klassifikata.

B’XIEHDA ta’ DAN, is-sottoskritti, li huma debitament awtorizzati sabiex jagħmlu dan mill- Awtoritajiet rispettivi tagħhom, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f' Washington fit-tletin jum ta' April 2007 f’żewġ kopji, kull waħda bil-lingwa Ingliża.

għall-Unjoni Ewropea

Image

għall-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika

Image