31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

970


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Jannar 2007

li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/91/KE li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju ta' l-Isvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ

(2007/132/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

B'ittri reġistrati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-22 ta' Marzu 2006, id-Danimarka u l-Isvezja talbu awtorizzazzjoni li testendi l-applikazzjoni tad-deroga mogħtija lilhom bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/91/KE ta' l-24 ta' Jannar 2000 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju ta' l-Isvezja japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (2).

(2)

Skond l-Artikolu 27(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' valutazzjoni (3), il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra datata l-4 ta' Ottubru 2006 bit-talbiet magħmula mid-Danimarka u l-Isvezja. B’ittra datata l-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka u lill-Isvezja li hija kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tivvaluta t-talbiet.

(3)

Dawn l-applikazzjonijiet huma relatati ma' l-irkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem “VAT”) imħallsa fuq tariffi għall-użu tal-kollegament fiss Öresund bejn id-Danimarka u l-Isvezja. Taħt ir-regoli tal-VAT fil-post tal-forniment ta' proprjetà immobbli, parti mill-VAT fuq tariffi għall-kollegament fiss Öresund hija pagabbli parti lid-Danimarka u parti lill-Isvezja.

(4)

B'deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE, fil-verżjoni mniżżla fl-Artikolu 28f tagħha, li titlob lil persuni taxxabbli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddeduċu jew jiksbu rimbors ta' VAT fl-Istat Membru fejn tħallset, id-Danimarka u l-Isvezja kienu awtorizzati sal-31 ta' Diċembru 2006 jintroduċu miżura speċjali li tippermetti lil dawk li jħallsu t-taxxi jirkupraw il-VAT minn amministrazzjoni unika.

(5)

Peress li ma kienx possibbli li jiġu adottati regoli taħt il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tar-regoli li jirregolaw id-dritt li titnaqqas il-VAT abbażi ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 77/388/KEE u meta titqies s-sitwazzjoni legali u l-fatti li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni 2000/91/KE ma nbidlux, dik l-awtorizzazzjoni għandha tiġi estiża għal perijodu ta' żmien ġdid.

(6)

Id-Direttiva 77/388/KEE inbidlet u ġiet revokata bid-Direttiva 2006/112/KE. Referenzi għad-dispożizzjonijiet ta' dik ta' qabel għandhom jitqiesu bħala referenzi għal ta' l-aħħar.

(7)

Id-deroga m'għandha l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Komunità li jinġemgħu mill-VAT.

(8)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, sabiex tiġi evitata lakuna legali, huwa kategoriku li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-punt I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol ta' Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2000/91/KE għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Din l-awtorizzazzjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka u r-Renju ta' l-Isvezja.

Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Jannar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRUCK


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

(2)  ĠU L 28, 3.2.2000, p. 38. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/65/KE (ĠU L 25, 30.1.2003, p. 40).

(3)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/98/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).