1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

536


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2012/2006

tad-19 ta’ Diċembru 2006

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 36 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija(hawn aktar ‘il quddiem “l-Att ta’ Adeżjoni 2005”), u b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1) stabbilixxa regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa.

(2)

L-Artikoli 42(8) u 71d(6) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jipprojbixxu t-trasferiment ta’ intitolamenti stabbiliti bl-użu tar-riżerva nazzjonali ħlief f’każijiet ta’ wirt. F’każi ta’ għaqdiet u firdiet huwa wkoll xieraq li l-bdiewa jitħallew iġibu intitolamenti ta’ ħlas allokati mir-riżerva nazzjonali fl-ażjenda l-ġdida jew l-ażjendi l-ġodda li jinħolqu.

(3)

L-esperjenza turi li għal appoġġ ta’ dħul separat ir-regoli li jirregolaw l-eleġibbiltà ta’ żoni agrikoli jistgħu jkunu sempliċi. Notevolment, huwa xieraq li jiġu simplifikati r-regoli applikabbli għall-iskema ta’ pagament uniku għal żoni agrikoli miżrugħa b’siġar taż-żebbuġ.

(4)

F’Malta, maġġoranza ta’ bdiewa fis-settur taċ-ċanga u l-vitella m’għandhom l-ebda art għad-dispożizzjoni tagħhom. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi, l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti fl-Artikolu 71m tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tista’ toħloq diffikultajiet serji għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur taċ-ċanga u l-vitella u piż eċċessiv fix-xogħol amministrattiv. Huwa xieraq li jiġu previsti kondizzjonijiet simplifikati għall-ħlasijiet fl-iskema ta’ pagament uniku għall-bdiewa konċernati f’Malta.

(5)

Attwalment, dawk l-Istati Membri fost ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakja (hawn aktar ‘il quddiem “l-Istati Membri ġodda”) li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja, huma esklużi mill-għajnuna Komunitarja għall-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi. Ir-reviżjoni ta’ l-iskema ta’ l-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi skond l-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 wriet li huwa xieraq li l-għajnuna għall-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi tiġi estiża għall-Istati Membri kollha mill-2007 u taħt l-istess kondizzjonijiet. Għalhekk l-erja massima garantita għandha tiżdied proporzjonalment, l-iskeda ta’ inkrementi prevista għall-introduzzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri ġodda m’għandhiex tapplika għall-iskema ta’ uċuħ tar-raba’ enerġetiċi u r-regoli li jirregolaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja għandhom jiġu emendati.

(6)

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol ta’ l-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi permanenti u jiġi pprovdut inċentiv biex tiżdied il-produzzjoni ta’ dawn l-uċuħ tar-raba’, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati li jagħtu għajnuna nazzjonali sa mhux aktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż assoċjati ma’ l-istabbiliment ta’ uċuħ tar-raba’ permanenti għaż-żoni li kienu soġġetti għal applikazzjoni għall-għajnuna għal uċuħ tar-raba’ enerġetiċi.

(7)

Mill-adeżjoni ‘l hawn il-produtturi tal-pitravi zokkrija u l-kannamiela fl-Istati Membri ġodda bbenefikaw minn appoġġ tal-prezz taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (2). Għalhekk, l-għajnuna Komunitarja għall-produtturi tal-pitravi zokkrija u l-kannamiela stabbilita fil-Kapitolu 10f tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 m’għandhiex tkun soġġetta għall-applikazzjoni ta’ l-iskeda ta’ inkrementi prevista fl-Artikolu 143a ta’ dak ir-Regolament, b’effett mill-jum ta’ applikazzjoni ta’ l-għajnuna għall-produtturi tal-pitravi zokkrija u l-kannamiela. Jixraq ukoll li jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-għajnuna u l-kalkolu tal-ħlas li għandu jingħata lill-bdiewa konċernati.

(8)

L-esperjenza turi li l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja hija sistema effiċjenti u sempliċi biex jingħata appoġġ ta’ dħul separat lill-bdiewa. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni huwa xieraq li l-Istati Membri ġodda jitħallew ikomplu japplikawha sa tmiem is-sena 2010. Madankollu, mhux meqjus xieraq li tiġi estiża lil hinn mill-2008 l-eżenzjoni, mogħtija lill-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja, għall-obbligu ta’ introduzzjoni f’konformità reċiproka tal-ħtiġiet ta’ ġestjoni statutorji. Biex tiġi żgurata l-koerenza ta’ ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali ma’ din in-non-estensjoni, l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 (3) għandu jieħu kont ta’ dan.

(9)

F’ċirkostanzi normali, il-bdiewa jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar il-kondizzjonijiet li taħthom tiġi trasferita l-ażjenda (jew parti mill-ażjenda) li tkun ibbenefikat mill-ħlas ta’ zokkor separat. Madankollu, f’każ ta’ wirt, huwa xieraq li jiġi previst li l-werriet għandu jingħata l-ħlas ta’ zokkor separat.

(10)

L-Att ta’ Adeżjoni 2005 u dan ir-Regolament jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u dawk l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ġurnata. Fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jkun speċifikat l-ordni li fih dawk l-emendi għandhom jiġu applikati.

(11)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 1698/2005 għandhom jiġu emendati skond dan.

(12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ l-Unjoni (4) emenda l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Minħabba żball, id-dħul taż-żejt taż-żebbuġ u l-ħops ma ħadux kont ta’ l-emendi għal dak l-Anness introdotti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2183/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003. L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu għalhekk jiġi kkoreġut skond dan, b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2183/2005,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kif emendat, inkluż bl-Att ta’ Adeżjoni 2005, huwa b’ dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 20 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“2.   Għall-Istati Membri li qed japplikaw l-għajnuna għall-imsaġar taż-żebbuġ prevista fil-Kapitolu 10b tat-Titolu IV, is-sistema ta’ identifikazzjoni għandha tinkludi sistema ta’ informazzjoni ġeografika għall-koltivazzjoni taż-żebbuġ, magħmula minn database kompjuterizzat alfanumeriku u database kompjuterizzat ta’ referenza grafika għas-siġar taż-żebbuġ u ż-żoni konċernati.”

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“3.   L-Istati Membri li mhux qed japplikaw l-għajnuna għall-imsaġar taż-żebbuġ prevista fil-Kapitolu 10b tat-Titolu IV jistgħu jiddeċiedu li jinkludu sistema ta’ informazzjoni ġeografika għall-koltivazzjoni taż-żebbuġ kif iimsemmi fil-paragrafu 2 fis-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ pakketti agrikoli.”

2)

it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 22(1) għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“—

f’każ ta’ applikazzjoni għall-għajnuna għall-imsaġar taż-żebbuġ prevista fil-Kapitoli 10b tat-titolu IV, jew fejn l-Istat Membru jkun qed japplika l-g]ażla msemmija fl-Artikolu 20(3), in-numru ta’ siġar taż-żebbuġ u l-qagħda tagħhom fil-qasam tar-raba,”

3)

l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 42(8), għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Ħlief filkaż ta’ trasferiment b’wirt li seħħ jew wirt antiċipat u filkaż ta’ għaqdiet jew firdiet, u b’deroga mill-Artikolu 46, l-intitolamenti stabbiliti bl-użu tar-riżerva nazzjonali m’għandhomx jiġu trasferiti għal perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-allokazzjoni tagħhom. Filkaż ta’ għaqda jew firda l-bidwi/bdiewa li jmexxu l-ażjenda(i) l-ġdida/l-ġodda għandhom iżommu l-intitolamenti li kienu oriġinarjament allokati mir-riżerva nazzjonali sal-parti li jkun baqa’ tal-perijodu ta’ ħames snin.”

4)

it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 44(2) għandu jinbidel b’li ġej:

“‘Ettaru eliġibbli’ għandha tfisser ukoll żoni ppjantati b’ħops jew li qegħdin taħt obbligu ta’ mistrieħ temporanju, jew żoni taħt siġar taż-żebbuġ.”

5)

il-punt (a) fl-Artikolu 51 għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“(a)

uċuħ tar-raba permanenti, ħlief siġar taż-żebbuġ jew ħops;”

6)

l-Artikolu 56(4) għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jħallsu għajnuna nazzjonali sa mhux aktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż assoċjati ma’ l-istabbiliment ta’ uċuħ tar-raba permanenti intenzjonati għall-produzzjoni bijo-massa fuq art imwarrba.”

7)

l-Artikolu 60 (1) għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“1.   Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-għażla prevista fl-Artikolu 59, il-bdiewa jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 51(b) u (ċ) u skond dan l-Artikolu, jużaw ukoll l-oqsma tar-raba ddikjarati skond l-Artikolu 44(3) għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jew fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u tal-patata ħlief dik intenzjonata għall-manifattura tal-lamtu tal-patata li għaliha tingħata għajnuna taħt l-Artikolu 93 ta’ dan ir-Regolament, ħlief l-uċuħ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 51(a).”

8)

l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 71d(6), għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“6.   Ħlief filkaż ta’ trasferiment b’wirt li seħħ jew antiċipat, ta’ għaqdiet u firdiet u ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 3, u b’deroga mill-Artikolu 46, l-intitolamenti stabbiliti bl-użu tar-riżerva nazzjonali m’għandhomx jiġu trasferiti għal perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-allokazzjoni tagħhom. Filkaż ta’ għaqda jew firda l-bidwi/bdiewa li jmexxu l-ażjenda(i) l-ġdida/l-ġodda għandhom iżommu l-intitolamenti li kienu oriġinarjament allokati mir-riżerva nazzjonali sal-parti li jkun baqa’ tal-perijodu ta’ ħames snin.”

9)

l-Artikolu 71g(1) għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“1.   Il-bdiewa jistgħu, b’deroga mill-Artikolu 51(b) u (ċ) u skond dan l-Artikolu, jużaw ukoll oqsma tar-raba ddikjarati skond l-Artikolu 44(3) għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 jew fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 u tal-patata ħlief dik intenzjonata għall-manifattura tal-lamtu tal-patata li għaliha tingħata għajnuna taħt l-Artikolu 93 ta’ dan ir-Regolament, ħlief l-uċuħ tar-raba’ msemmija fl-Artikolu 51(a).”

10)

fl-Artikolu 71m, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Madankollu, għal Malta, it-tieni paragrafu m’għandux japplika u d-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika mingħajr il-kondizzjoni li l-bidwi jżomm ta’ l-anqas 50 % ta’ l-attività agrikola li kellu qabel it-transizzjoni għall-iskema ta’ pagament uniku espressa f’unitajiet ta’ bhejjem.”

11)

fl-Artikolu 88, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Artikoli 143a u 143ċ m’għandhomx japplikaw għall-għajnuna għal uċuħ tar-raba enerġetiċi fil-Komunità kif ikkostitwita fl-1 ta’ Jannar 2007.”

12)

l-Artikolu 89(1) għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“1.   Żona massima garantita ta’ 2 000 000 ettaru li għaliha tista’ tingħata l-għajnuna hija b’dan stabbilita.”

13)

jiddaħħal l-Artikolu 90a li ġej:

“Artikolu 90a

Għajnuna nazzjonali

L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jħallsu għajnuna nazzjonali sa mhux aktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż assoċjati ma’ l-istabbiliment ta’ uċuħ tar-raba permanenti għaż-żoni li kienu soġġetti għal applikazzjoni għall-għajnuna għal uċuħ tar-raba’ enerġetiċi.”

14)

l-Artikolu 110q(1) għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“1.   Fl-Istati Membri li taw l-għajnuna ta’ ristrutturazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għal ta’ l-anqas 50 % tal-kwota taz-zokkor iffissata fl-20 ta’ Frar 2006 fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 318/2006, l-għajnuna Komunitarja għandha tingħata lill-produtturi tal-pitravi zokkrija u tal-kannamiela.”

15)

l-Artikolu 110s għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“Artikolu 110s

Ammont ta’ l-għajnuna

L-għajnuna għandha tiġi espressa għal kull tunnellata ta’ zokkor abjad ta’ kwalità standard. L-ammont ta’ l-għajnuna għandu jkun daqs nofs l-ammont ottenut bid-diviżjoni ta’ l-ammont tal-limitu massimu msemmi fil-punt 2 tal-punt K ta’ l-Anness VII għall-Istat Membru kkonċernat għas-sena korrispondenti bit-total taz-zokkor u l-kwota tax-xropp ta’ l-inulina ffissata fl-20 ta’ Frar 2006 fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

L-Artikoli 143a u 143ċ m’għandhomx japplikaw għall-għajnuna lill-produtturi tal-pitravi zokkrija u tal-kannamiela.”

16)

l-Artikolu 143b għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri ġodda jistgħu jiddeċiedu sa mhux aktar tard mid-data ta’ l-adeżjoni li jissostitwixxu l-ħlasijiet diretti, bl-eċċezzjoni ta’ l-għajnuna għall-uċuħ tar-raba enerġetiċi stabbilita fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV, waqt il-perijodu ta’ applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 9, bi pagament uniku skond l-erja li għandu jiġi kkalkolat skond il-paragrafu 2.”

(b)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“Għall-fini ta’ l-għoti ta’ ħlasijiet taħt l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja, l-oqsma kollha tar-raba li jikkorrispondu għall-kriterji previsti fil-paragrafu 4, kif ukoll oqsma tar-raba’ mxettla b’imsajġar b’rotazzjoni qasira (kodiċi NM ex 0602 90 41) li nżammu f’kondizzjoni agrikola tajba fit-30 ta’ Ġunju 2003 u li huma soġġetti għal applikazzjoni għall-għajnuna għall-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi prevista fl-Artikolu 88, għandhom ikunu eliġibbli. Madankollu, għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-oqsma kollha tar-raba’ li jikkorrispondu għall-kriterji previsti fil-paragrafu 4, kif ukoll oqsma tar-raba’ mxettla b’imsajġar b’rotazzjoni qasira (kodiċi NM ex 0602 90 41) li huma soġġetti għal applikazzjoni għall-għajnuna għall-uċuħ tar-raba’ enerġetiċi prevista fl-Artikolu 88, għandhom ikunu eliġibbli.”

(ċ)

it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“Mill-1 ta’ Jannar 2005 u sal-31 ta’ Diċembru 2008 l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 9 għandha tkun b’għażla għall-Istati Membri ġodda sakemm dawk id-dispożizzjonijiet jirrelataw ma’ ħtiġiet ta’ ġestjoni statutorji. Madankollu għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 9 għandha tkun b’għażla sal-31 ta’ Diċembru 2011.”

(d)

il-paragrafu 9 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“9.   Soġġett għall-paragrafu 11, għal kwalunkwe Stat Membru ġdid l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja għandha tkun disponibbli għal perijodu ta’ applikazzjoni sa tmiem l-2010. Madankollu, għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja għandha tkun disponibbli għal perijodu ta’ applikazzjoni sa tmiem l-2011. L-Istati Membri ġodda għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtemmu l-applikazzjoni ta’ l-iskema sa l-1 ta’ Awissu ta’ l-aħħar sena ta’ applikazzjoni.”

(e)

it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 11 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“Sa tmiem il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja kif imsemmi fil-paragrafu 9, għandha tapplika r-rata ta’ perċentwali mniżżla fl-Artikolu 143a. Jekk l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja tiġi estiża lil hinn minn tmiem l-2010 skond deċiżjoni li tittieħed taħt il-punt (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-rata ta’ perċentwali mniżżla fl-Artikolu 143a għas-sena 2010 għandha tapplika sa tmiem l-aħħar sena li fiha tkun tapplika l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja.”

17)

l-Artikolu 143b huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’li ġej:

“B’deroga mill-Artikolu 143b l-Istati Membri ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja jistgħu jiddeċiedu sat-30 ta’ April 2006 li fir-rigward tas-snin 2006 sa 2010 jagħtu ħlas separat għaz-zokkor lil bdiewa eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja.”

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 2, kull Stat Membru ġdid ikkonċernat jista’ jiddeċiedi sal-31 ta’ Marzu tas-sena li fir-rigward tagħha jingħata l-ħlas separat taz-zokkor u abbażi ta’ kriterji oġġettivi biex għall-ħlas separat taz-zokkor jiġi applikat limitu massimu aktar baxx minn dak elenkat fil-punt K ta’ l-Anness VII. Fejn is-somma ta’ l-ammonti ddeterminata skond il-paragrafu 1 taqbeż il-limitu massimu deċiż mill-Istat Membru ġdid ikkonċernat, l-ammont annwali li għandu jingħata lill-bdiewa għandu jitnaqqas proporzjonalment.”

(ċ)

jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   Filkaż ta’ wirt li seħħ jew antiċipat, il-ħlas separat għaz-zokkor għandu jingħata lill-bidwi li wiret l-ażjenda, taħt il-kondizzjoni li dan il-bidwi jkun eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku skond l-erja.”

18)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Id-daħla għal “żejt taż-żebbuġ” għandha tiġi sostitwita b’ dan li ġej:

“Żejt taż-żebbuġ

Titolu IV, Kapitolu 10b, ta’ dan ir-Regolament

Għajnuna skond l-erja

Artikolu 48a(11) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1)

Għal Malta u s-Slovenja fl-2006”

(b)

Id-daħla għal “ħops” għandha tiġi sostitwita b’ dan li ġej:

“Ħops

Titolu IV, Kapitolu 10d ta’ dan ir-Regolament (***)(*****)

Għajnuna skond l-erja

Artikolu 48a(12) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004

Għas-Slovenja fl-2006”

Artikolu 2

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005:

“Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2008. Madankollu, għall-Bulgarija u r-Rumanija din għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2011.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007 soġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija safejn id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq dak it-Trattat.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007. Madankollu, l-Artikolu 1(6) għandu japplika b’ effett mill-1 ta’ Jannar 2005, l-Artikoli 1(14), (15), (17) u (18) għandhom japplikaw b’ effett mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 318/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1463/2006 (ĠU L 277, 9.10.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.