9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

468


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2000/2006

tal-20 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1870/2005 minħabba fl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri tranżizzjonali sabiex jippermettu lill-importaturi mill-Bulgarija u r-Rumanija jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1870/2005 tas-16 ta' Novembru 2005 li jagħti bidu u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u ta' ċertifikati ta' oriġini għat-tewm impurtat minn pajjiżi terzi (1). Dawn il-miżuri għandhom ikopru b’mod partikolari d-definizzjoni tal-kwantità ta’ referenza u d-definizzjonijiet ta’ importaturi tradizzjonali u ta’ dawk ġodda.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1870/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(3)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Frott u l-Ħxejjex Friski,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1870/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 5 tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

għal importaturi tradizzjonali li importaw it-tewm bejn l-2003 u l-2005 fil-Bulgarija jew fir-Rumanija, il-kwantità massima ta' tewm importat matul:

(i)

jew is sena kalendarja 2003, 2004 jew l-2005,

(ii)

inkella matul il-perjodi tal-importazzjoni 2003/04, 2004/05 jew 2005/06;

(d)

għall-importaturi tradizzjonali li ma jaqgħux taħt il-punti (a), (b) jew (c), il-kwantità massima ta’ tewm impurtat matul wieħed mill-ewwel tliet perjodi ta’ importazzjoni konklużi li matulhom kisbu liċenzji għall-importazzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 565/2002 jew dan ir-Regolament.”

(b)

it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-tewm li joriġina mill-Istati Membri tal-Komunità kif kostitwita fil-31 ta' Diċembru 2006, jew mill-Bulgarija u r-Rumanija, ma għandux jitqies fil-kalkolu tal-kwantità referenzjali.”

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jagħżlu u japplikaw wieħed miż-żewġ metodi msemmija f'punt (c) għall-importaturi tradizzjonali kollha, skond il-kriterji oġġettivi u b'tali mod li jiġi żgurat it-trattament ugwali bejn l-operaturi.”

(2)

Fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, fir-rigward tal-perjodi ta’ importazzjoni 2006/07, 2007/8 u 2008/09, u fil-Bulgarija u r-Rumanija biss:

(a)

‘importaturi tradizzjonali’ tfisser importaturi, kemm jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi, individwi jew gruppi ta’ operaturi stabbiliti skont il-liġi nazzjonali, li jistgħu jippruvaw li:

(i)

jkunu impurtaw it-tewm minn pajjiżi ta’ oriġini barra mill-Istati Membri tal-Komunità kif kienet kostitwita fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew il-Bulgarija u r-Rumanija f’tal-anqas tnejn mit-tliet perjodi ta’ importazzjoni preċedenti konklużi;

(ii)

jkunu impurtaw tal-anqas 50 tunnellata ta’ frott u ħaxix kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 matul is-sena kalendarja preċedenti;

(iii)

l-importazzjonijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii) ikunu seħħew fil-Bulgarija u r-Rumanija, fejn ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-importatur ikkonċernat.

(b)

‘importaturi ġodda’ tfisser importaturi, minbarra dawk tradizzjonali fi ħdan it-tifsira tal-punt (a), sew jekk negozjanti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, individwi jew gruppi ta’ operaturi stabbiliti skont il-liġi nazzjonali, li jistgħu jippruvaw li:

(i)

jkunu impurtaw tal-anqas 50 tunnellata ta’ frott u ħaxix kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 matul kull waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti minn pajjiżi ta’ oriġini barra l-Istati Membri tal-Komunità kif kienet kostitwita fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew il-Bulgarija u r-Rumanija;

(ii)

l-importazzjonijiet imsemmija fil-punt (i) ikunu seħħew fil-Bulgarija jew ir-Rumanija, fejn ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-importatur ikkonċernat.”

(3)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

ir-referenza li ġejja tiġi inserita qabel ir-referenza bl-Ispanjol:

“—

fil-Bulgaru: Мито 9,6 % — Регламент (ЕО) No 1870/2005,”

(b)

ir-referenza li ġejja tiġi inserita wara r-referenza bil-Portugiż:

“—

fir-Rumen: Taxa vamală: 9,6 % — Regulamentul (CE) nr. 1870/2005,”

(4)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

ir-referenza li ġejja tiġi inserita qabel ir-referenza bl-Ispanjol:

“—

fil-Bulgaru: Лицензия, издадена и валидна само за тримесечие от 1 (месец) до 28/29/30/31 (месец)”

(b)

ir-referenza li ġejja tiġi inserita wara r-referenza bil-Portugiż:

“—

fir-Rumen: licență emisă și valabilă numai pentru trimestrul de la 1 [luna] pana la 28/29/30/31[luna]”

Artikolu 2

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ suġġett għal, u fid-data, tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 300, 17.11.2005, p. 19. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 991/2006 (ĠU L 179, 1.7.2006, p. 15).