1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

660


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1999/2006

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006

jimponi dazju proviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti mqagħad li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“Ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Bidu

(1)

Fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar ċerti mqagħad li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“PRC”), imressaq skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi ta’ l-Imqagħad (‘il-kwerelant’) f’isem produtturi li jirrappreżentaw proporzjon qawwi, f’dan il-każ 99 %, tal-produzzjoni kollha ta’ ċerti mqagħad fil-Komunità.

(2)

Dan l-ilment inkorpora provi ta’ dumping u ta’ ħsara materjali kkawżata minnu, li tqiesu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura.

(3)

Fis-7 ta’April 2006, il-proċedura ngħatat bidu bil-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-bidu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2).

2.   Il-Partijiet ikkonċernati f’din il-proċedura

(4)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi fil-PRC, l-importaturi, in-negozjanti, l-utenti, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet, magħrufa bħala kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-PRC u l-produtturi kwerelanti fil-Komunità, u produtturi oħra fil-Komunità magħrufa bħala kkonċernati bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fin-notifika tal-bidu.

(5)

Bil-għan li l-produtturi esportaturi jkunu jistgħu jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jew trattament individwali (“IT”), jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli tat-talba lill-produtturi esportaturi Ċiniżi magħrufa bħala kkonċernati. Tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi u produttur esportatur individwali talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jew l-IT f’każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-MET. Għandu jiġi nnutat li tlieta minn dawn il-produtturi esportaturi kienu jikkonsistu f’żewġ kumpaniji relatati jew aktar, involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ ta’ l-imqagħad.

(6)

Fid-dawl ta’ dak li jidher li hu għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-PRC u importaturi u produtturi fil-Komunità, fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li jista’ jsir it-teħid ta’ kampjuni f’din l-investigazzjoni biex jiġu ddeterminati id-dumping u l-ħsara skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(7)

Bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi fil-PRC, l-importaturi Komunitarji u l-produtturi Komunitarji kollha ntalbu jagħmlu lilhom infushom magħrufa mal-Kummissjoni u jagħtu, kif speċifikat fin-notifika tal-bidu, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005).

(8)

Sa fejn huma kkonċernati l-produtturi, peress li tliet gruppi ta’ produtturi biss u kumpanija individwali waħda kkooperaw fl-investigazzjoni, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ.

(9)

Fir-rigward tal-produtturi fil-Komunità, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intgħażel kampjun ibbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni ta’ l-imqagħad fil-Komunità, li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-produtturi fil-Komunità, il-Kummissjoni għażlet ħames kumpaniji li qegħdin f’żewġ Stati Membri differenti. F’termini ta’ volum ta’ produzzjoni, il-ħames kumpaniji magħżula għat-teħid tal-kampjuni kienu jirrappreżentaw 86 % tal-produzzjoni totali fil-Komunità. Skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. Bħala żieda, il-kumplament tal-produtturi Komunitarji ntalbu jipprovdu ċerta data ġenerali għall-analiżi tal-ħsara. Barra minn hekk, u skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intgħażel kampjun ta’ importaturi msejjes fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità li seta’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija minn diversi importaturi u meta tqieset il-kwalità differenti ta’ l-informazzjoni mogħtija, intgħażlu għall-kampjun, żewġ importaturi li qegħdin fi Stat Membru wieħed. Iż-żewġ importaturi magħżula għall-kampjun jirrappreżentaw 21 % ta’ l-importazzjoni fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat. Fid-dawl tan-numru żgħir ta’ tweġibiet mogħtija mill-utenti, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjun ta’ l-utenti ma kienx meħtieġ.

(10)

Intbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa bħala kkonċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li għamlu lilhom infushom magħrufa sad-dati ta’ l-għeluq stipulati fin-notifika tal-bidu. Waslu tweġibiet minn erba’ produtturi esportaturi mill-PRC u produttur wieħed fil-pajjiż analogu, il-Brażil. Tweġibiet għall-kwestjonarju b’mod sħiħ waslu wkoll mill-ħames produtturi Komunitarji li ntgħażlu fil-kampjun. Għalkemm erba’ importaturi wieġbu l-formola tat-teħid tal-kampjuni, tnejn biss ikkooperaw billi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju b’mod sħiħ. Barra minn hekk, erba’ utenti ta’ mqagħad taw tweġiba għall-kwestjonarju b’mod sħiħ. B’żieda ma’ dan, waslet ukoll tweġiba għall-kwestjonarju minn fornitur tal-materja prima.

(11)

Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni proviżorja tad-dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Komunità, u wettqet verifiki fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi Komunitarji

Selle Royal S.p.A., Pozzoleone, l-Italja

Selle Italia s.r.l., Rossano Veneto, l-Italja

Bassano Selle s.r.l., Riese Pio X, l-Italja

Selle SMP S.A.S., Casalserugo, l-Italja

pph ABI sp.j., Nasielsk, il-Polonja

(b)

Produtturi esportaturi fil-PRC

Cionlli Group

Cionlli Bicycle (Taicang) Co., Ltd.

Shunde Hongli Bicycle Parts Co., Ltd., Shunde

Safe Strong Bicycle Parts Shenzhen Co., Ltd., Shenzhen

Cionlli Bicycle (Tianjin) Co., Ltd., Tianjin

Giching Group

Giching Bicycle Parts (Shenzhen) Co., Ltd., Shenzhen

Velo Cycle (Kunshan) Co., Ltd., Kunshan

Justek Group

Jiangyin Justek Vehicle Co., Ltd., Jiangyin

Jiangyin Justek Communication Equipment Co., Ltd., Jiangyin

Tianjin Justek Vehicle Co., Ltd., Tianjin

Viscount Vehicle (Shenzhen) Co., Ltd., Shenzhen

(c)

Kumpaniji relatati fil-PRC u fit-Tajwan

Cionlli Bicycle (Tianjin)CO., Ltd, Tianjin

Cionlli Industrial Co., Ltd

(d)

Importatur mhux relatat fil-Komunità

Buechel GmbH, Fulda, il-Ġermanja

(12)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi li jistgħu ma jingħatawx l-MET, saret verifika biex tistabbilixxi l-valur normali msejjes fuq informazzjoni minn pajjiż analogu, f’dan il-każ il-Brażil, fl-istabbilimenti tal-kumpanija li ġejja:

(e)

Produttur fil-Brażil

Royal Ciclo Indústria de Componentes Ltda, Rio do Sul

3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “IP”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-‘perjodu kkunsidrat’).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-Prodott ikkonċernat

(14)

Il-prodott ikkonċernat huma ċerti mqagħad u partijiet essenzjali tagħhom (i.e. il-bażi, il-kuxxinetti u l-għata), ta’ roti (biċikletti) u ta’ ċikletti oħra (bħal triċikletti għall-kunsinni), mingħajr mutur, ta’ ċikletti ffittjati b’mutur awżiljarju, bis-sidecar jew mingħajrha, apparat tal-fitness u apparat domestiku għall-attività fiżika, (“il-prodott ikkonċernat” jew “imqagħad”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodott huwa normalment iddikjarat taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10.

(15)

Maqgħad huwa tipikament magħmul minn tliet partijiet: il-bażi jew qafas li fuqu jinbena l-maqgħad, ikun ġeneralment magħmul permezz ta’ proċess ta’ injezzjoni tal-plastik ġo forma (injection moulding); il-kuxxinett li jitwaħħal mal-bażi biex il-maqgħad ikun komdu, li jista’ jsir minn tipi differenti ta’ fowm sintetiku jew materjali oħra; l-għata, magħmula minn materjal sintetiku jew ġilda naturali li tiksi l-kuxxinett u t-trufijiet tal-bażi li jagħtu lill-maqgħad il-propjetajiet tiegħu ta’ kif jinħass u dawk estetiċi. Flimkien mat-tliet komponenti ta’ hawn fuq, il-maqgħad normalment jinkorpora mekkaniżmu ta’ rbit magħmul mill-metall bħal furketta, jew klamp u jista’ jinkludi wkoll molla jew mekkaniżmu elastometriku li jassorbi l-iskossi.

(16)

Il-prodott konċernat jintuża fir-roti u vetturi simili, kif ukoll f’apparat fiss bħal dak ta’ l-eżerċizzju fiżiku. L-investigazzjoni uriet li, minkejja d-differenzi fil-forom, materjali u proċess ta’ produzzjoni, it-tipi differenti ta’ prodott ikkonċernat, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u huma bażikament użati għall-istess għanijiet. Għalhekk huma meqjusa li jikkostitwixxu prodott waħdani għall-għan ta’ din il-proċedura.

2.   Prodott simili

(17)

L-investigazzjoni wriet li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi ta’ l-imqagħad maħduma u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fil-Komunità, l-imqagħad maħduma u mibjugħa fis-suq domestiku Ċiniż u l-imqagħad impurtati fil-Komunità mill-PRC, kif ukoll dawk maħduma u mibjugħa fil-Brażil, huma l-istess u li dawn il-prodotti għandhom l-istess użu.

(18)

Għalhekk ġie konkluż b’mod proviżjonalment li dawn il-prodotti huma simili skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)

(19)

Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet li joriġinaw mill-PRC, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-imsemmi Artikolu għal dawk il-produtturi li jinstabu li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(20)

Fil-qosor, u għal skop ta’ referenza faċli biss, il-kriterji ta’ l-MET qed jitniżżlu fil-qosor hawn taħt:

1.

Id-deċiżjonijiet kummerċjali u l-ispejjeż isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; u l-ispejjeż ta’ l-inputs prinċipali jirriflettu sostanzjalment il-valuri fis-suq,

2.

Il-ditti għandhom sett waħdani ta’ reġistri tal-kontabbiltà li huma awditjati b’mod indipendenti konformi ma’ l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u huma applikati għall-għanijiet kollha;

3.

M’hemm l-ebda tgħawwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

4.

Il-liġijiet tal-falliment u l-propjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali;

5.

Il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru bir-rati tas-suq.

(21)

Żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi u produttur esportatur individwali talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu l-formola tat-talba għall-MET għall-produtturi esportaturi saż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha mressqa fl-applikazzjonijiet għall-MET fl-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpaniji skond il-ħtieġa. L-investigazzjoni uriet li l-MET seta’ jingħata biss lil żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi, filwaqt li kellha tiġi miċħuda t-talba fil-każ ta’ grupp wieħed ta’ kumpaniji u tal-kumpanija individwali.

(22)

Fir-rigward tal-produttur esportatur individwali, l-investigazzjoni uriet li l-kumpanija ma kinetx tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kriterji 1 u 3 msemmija hawn fuq. Speċifikament, il-kumpanija ma setgħetx turi li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha ttieħdu bi tweġiba għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, b’mod partikolari minħabba li l-kwantitajiet tal-bejgħ fis-swieq domestiċi u ta’ l-esportazzjoni huma ristretti mill-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija, li ma jistgħux jinbidlu mingħajr l-approvazzjoni ta’ l-Istat. Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx turi li m’hemmx tgħawwiġ fit-trasferimenti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, b’mod partikolari billi tressaq provi bil-miktub dwar l-akkwist tad-drittijiet għall-użu ta’ art.

(23)

Minbarra dan, grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi naqsu li jiddikjaraw ir-rabta tagħhom ma’ klijent ewlieni domestiku kemm fit-tweġiba fil-formola tat-talba għal ekonomija tas-suq u kemm fit-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ kontra d-dumping. Ir-rabta nkixfet biss permezz ta’ sensiela ta’ kontrakontrolli li saru fuq il-post għand il-produtturi esportaturi. Hija l-politika konsistenti tal-Kummissjoni li tagħmel id-determinazzjoni ta’ l-MET/IT għal gruppi ta’ kumpaniji relatati, flimkien. Għalhekk l-għoti tal-MET/IT lil dan l-esportatur kien jitlob li l-kumpanija relatata tikkollabora bis-sħiħ fl-investigazzjoni, bil-għan li jiġu stabbiliti l-attivitajiet preċiżi tagħha fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, it-twettiq tal-kriterji ta’ l-MET u l-influwenza ta’ din ir-rabta fuq it-tranżazzjonijiet bejn iż-żewġ kumpaniji. Dan ma kienx il-każ, peress li l-kumpanija relatata ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kienetx f’qagħda li tagħmel id-determinazzjoni dwar l-MET/IT għal dan il-grupp ta’ kumpaniji. Għandu jiġi nnutat li din il-kwistjoni laqtet parti sostanzjali ħafna tal-bejgħ domestiku ta’ l-esportaturi. Barra minn hekk, din l-ommissjoni volontarja titfa’ dubji fuq l-affidabbiltà ta’ informazzjoni u dokumenti oħra mressqa lill-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ din l-ommissjoni u l-importanza tagħha kemm fl-analiżi għall-MET u kemm għad-determinazzjoni tad-dumping, li jkunu msejsa fuq l-informazzjoni individwali mressqa minn dan il-grupp ta’ esportaturi, ġie deċiż li huma kienu taw informazzjoni falza u qarrieqa skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija ġiet infurmata minnufih dwar il-bażi li fuqha kien maħsub li titwarrab l-informazzjoni mogħtija u ngħatat l-opportunità biex tagħti aktar spjegazzjonijiet, skond l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpanija ma kienux sodisfaċenti u la kkonvinċew lill-Kummissjoni li ma kinetx tressqet informazzjoni qarrieqa u lanqas ma neħħiet id-dubji dwar l-integrità tal-kumplament tad-data mressqa mill-kumpanija. Fil-fatt, dan il-grupp ta’ produtturi esportaturi tqies li ma kkooperax fl-investigazzjoni u t-talba tiegħu għall-MET u l-IT ġiet miċħuda.

(24)

Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jikkummentaw dwar il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq.

(25)

Fuq din il-bażi, l-MET ngħata lill-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi:

Cionlli Bicycle (Taicang) Co. Ltd., u l-kumpaniji relatati

Giching Bicycle parts (Shenzhen) Co. Ltd., u l-kumpaniji relatati

2.   Trattament individwali (“IT”)

(26)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju madwar il-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, jiġi stabbilit għal dawk il-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, għajr f’dawk il-każi fejn il-kumpaniji jkunu kapaċi juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(27)

Il-produttur esportatur li ma setax jingħata l-MET talab ukoll l-IT fil-każ li ma jingħatax l-MET. Madankollu, it-talba tal-kumpanija għal trattament individwali (“IT”’) inċaħdet ukoll billi l-kumpanija naqset li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5)(b), speċifikament li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ l-esportazzjoni kienu ddeterminati liberament.

3.   Il-valur normali

(a)   Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw l-MET

(28)

F’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għal kull produttur esportatur ikkonċernat, jekk il-bejgħ domestiku totali tiegħu ta’ mqagħad kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ totali f’esportazzjoni lejn il-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tqies bħala rappreżentattiv meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku tal-produttur esportatur kien minn talanqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ f’esportazzjoni lejn il-Komunità.

(29)

Iż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji li ngħataw l-MET kienu jinkludu ħames kumpaniji li jipproduċu mqagħad għall-esportazzjoni, li tlieta minnhom kellhom ukoll bejgħ domestiku. Kumpanija oħra kellha bejgħ domestiku iżda l-ebda esportazzjoni.

(30)

Għal dawk il-produtturi esportaturi li l-bejgħ domestiku totali tagħhom instab li kien rappreżentattiv, il-Kummissjoni mbagħad identifikat it-tipi ta’ mqagħad mibjugħa fis-suq domestiku, li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa f’esportazzjoni lejn il-Komunità.

(31)

Għal kull wieħed minn dawk it-tipi, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-fini ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip partikolari tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip matul l-IP irrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali ta’ bejgħ tat-tip komparabbli, esportat lejn il-Komunità.

(32)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat, għal kull kumpanija, jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat, mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi, setax jitqies li sar fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi hija stabbiliet il-proporzjon ta’ bejgħ bi qligħ tat-tip inkwistjoni lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku.

(33)

Fil-każi fejn il-volum ta’ bejgħ ta’ tip ta’ maqgħad, mibjugħ bi prezz nett daqs jew aktar mill-ispiża ta’ produzzjoni tiegħu, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollha ta’ dak it-tip, magħmula matul l-IP, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ sarx bi qligħ jew le.

(34)

Fejn il-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ maqgħad kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni tiegħu, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-bejgħ bi qligħ ta’ dak it-tip biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip.

(35)

Fl-aħħarnett, fejn il-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ xi tip ta’ maqgħad kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, kien meqjus li dan it-tip partikolari nbiegħ fi kwantitajiet li mhumiex biżżejjed biex il-prezz domestiku joffri bażi xierqa għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(36)

Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ xi tip partikolari mibjugħ minn produttur esportatur ma setgħux jintużaw, intuża valur normali ikkalkulat.

(37)

Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jiġi kkalkulat billi jiżdiedu ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni li jkollu l-esportatur għat-tipi esportati, aġġustati skond il-ħtieġa, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u għall-profitti. F’kull każ l-SG&A u l-profitti ġew stabbiliti skond il-metodi stipulati fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-ispejjeż ta’ l-SG&A li saru u l-profitt magħmul minn kull produttur esportatur ikkonċernat, fis-suq domestiku, kinetx data ta’ min jorbot fuqha.

(38)

L-ispejjeż ta’ SG&A attwali tqiesu ta’ min jorbot fuqhom meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku tal-kumpanija kkonċernata seta’ jitqies bħala rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum ta’ bejgħ f’esportazzjoni lejn il-Komunità. Il-marġini ta’ qligħ domestiku ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-bejgħ domestiku ta’ dawk it-tipi mibjugħa tul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. Għal dan il-għan, ġiet applikata l-metodoloġija msemmija hawn fuq.

(39)

Għat-tliet kumpaniji li kellhom bejgħ domestiku rappreżentattiv, instab li l-maġġoranza tat-tipi ta’ prodott ikkonċernat, li ġew esportati, inbiegħu fis-suq domestiku fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. Għal dawk it-tipi fejn dan ma kienx il-każ, il-valur normali ġie kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija msemmija hawn fuq, bl-użu ta’ l-informazzjoni dwar l-SG&A u l-profitt għal kull kumpanija kkonċernata.

(40)

Għaż-żewġ kumpaniji li ma kellhomx bejgħ domestiku rappreżentattiv, l-ammonti ta’ l-SG&A u l-profitt ġew determinati fuq il-bażi tal-medja ta’ l-SG&A u l-profitt ta’ l-erba’ kumpaniji b’bejgħ domestiku.

(b)   Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET

i)   Pajjiż analogu

(41)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET, irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur ikkalkulat f’pajjiż analogu.

(42)

Fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni wriet l-intenzjoni tagħha li tuża l-Brażil bħala pajjiż analogu xieraq bl-iskop li tistabbilixxi l-valur normali, u l-partijiet interessati ġew mistiedna biex jikkummentaw dwar dan.

(43)

L-ebda produttur esportatur fil-PRC li ma ngħatax l-MET ma oġġezzjona għal din il-proposta.

(44)

Madankollu, importatur u produttur esportatur li ngħataw l-MET argumentaw li l-Brażil mhuwiex l-aktar pajjiż analogu adattat, u li minflok kellhom jingħażlu t-Tajwan jew il-Messiku għal dak il-għan.

(45)

Fir-rigward tat-Tajwan, huwa kkunsidrat li għalkemm hemmhekk żviluppat industrija tal-partijiet tar-roti, il-parti l-kbira tal-produzzjoni ġiet trasferita lejn il-PRC. Għalhekk, il-manifatturi ta’ l-imqagħad bil-kwartieri ġenerali fit-Tajwan jistgħu jkunu, fil-parti l-kbira, l-istess kumpaniji jew kumpaniji relatati ma’ dawk li qed jesportaw mill-PRC lejn il-Komunità allegatament bi prezzijiet ta’ dumping. Barra minn hekk, it-tqassim normali tax-xogħol fi ħdan dawk il-gruppi jfisser li ftit mudelli speċjalizzati biss, b’marġini ta’ qligħ ogħla, għadhom jiġu manifatturati fit-Tajwan, filwaqt li l-produzzjoni tal-maġġoranza l-kbira tal-firxa ta’ mudelli minn prezz medju sa baxx ġew trasferiti lejn il-PRC għal raġunijiet ta’ spejjeż. Huwa improbabbli, għalhekk, li l-prezzijiet jew l-ispejjeż ta’ mudelli ta’ mqagħad immanifatturati fit-Tajwan jistgħu jkunu l-aħjar sostituti biex fuqhom tibbaża l-valur normali għall-imqagħad immanifatturati fil-PRC.

(46)

Fir-rigward tal-Messiku, dan il-pajjiż huwa kkunsidrat bħala suq miftuħ u kompetittiv, li jirrappreżenta madwar wieħed minn tmienja tas-suq Brażiljan. Il-Kummissjoni kkuntattjat iż-żewġ produtturi magħrufa fil-Messiku, iżda ma ġiet offruta l-ebda kooperazzjoni.

(47)

Fir-rigward tal-Brażil, l-investigazzjoni wriet li huwa suq kompetittiv għall-prodott ikkonċernat b’minn talanqas tliet produtturi lokali, ta’ daqs differenti, u b’importazzjoni minn pajjiżi terzi li tlaħħaq madwar 15 % tal-konsum domestiku ta’ bejn 8 u 9 miljun maqgħad fis-sena. Produttur esportatur allega li l-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq Brażiljan huwa dubjuż minħabba l-għadd żgħir ta’ produtturi. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li ma kien hemm l-ebda prova ta’ pożizzjoni dominanti ta’ xi wieħed mill-produtturi Brażiljani jew li l-prezzijiet huma stabbiliti b’mod mhux kompetittiv. Lanqas ma kien hemm raġuni għaliex wieħed jaħseb li l-aċċess għall-materja prima, l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet l-oħra tal-produzzjoni fit-Tajwan u fil-Messiku kienu jkunu aktar simili għal dawk fil-PRC milli huma għal dawk fil-Brażil. Is-suq Brażiljan għalhekk tqies bħala adegwat għall-iskop ta’ determinazzjoni tal-valur normali.

(48)

It-tliet produtturi esportaturi magħrufa fil-Brażil ġew ikkuntattjati, u kumpanija waħda qablet li tikkoopera. Għalhekk intbagħat kwestjonarju lil dan il-produttur u d-data mogħtija fit-tweġiba tiegħu ġiet ivverifikata fuq il-post. Dan il-produttur li kkoopera għandu rabta ma’ wieħed mill-produtturi Komunitarji, iżda m’hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jaħseb li dan jaffettwa l-validità tad-data, li barra minn hekk ġiet ivverifikata fl-istabbiliment tal-kumpanija.

(49)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż proviżjonalment li l-Brażil huwa l-aktar pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

ii)   Il-valur normali

(50)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni vverifikata mibgħuta mill-produttur fil-pajjiż analogu, jiġifieri, fuq il-bażi ta’ prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq Brażiljan għal tipi ta’ prodotti komparabbli, skond il-metodoloġija stabbilita hawn fuq.

(51)

Il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet kollha mħallsa jew pagabbli fis-suq Brażiljan għal tipi ta’ prodotti komparabbli, peress li nstab li t-tranżazzjonijiet kollha saru fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ.

4.   Prezzijiet ta’ l-esportazzjoni

(52)

Il-produtturi esportaturi kollha biegħu f’esportazzjoni lejn il-Komunità jew direttament lill-klijenti indipendenti fil-Komunità jew permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati jew mhux, sitwati f’Hong Kong, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi u fit-Tajwan.

(53)

Fejn il-prodott ikkonċernat kien esportat direttament lill-klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu bbażati fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat, skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(54)

Fejn il-bejgħ sar permezz ta’ kummerċjant relatat sitwat barra l-Komunità, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ l-ewwel prezzijiet tal-bejgħ lill-klijenti indipendenti fil-Komunità.

5.   Paragun

(55)

Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ġew imqabbla fuq bażi ex-works. Bil-għan li jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni, sar provvediment kif suppost f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u komparabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti xierqa dwar it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, u l-ispejjeż bankarji, fil-każi kollha fejn dawn instabu li kienu raġonevoli, eżatti u sostnuti b’evidenza verifikata.

(56)

Għall-bejgħ li sar permezz ta’ kumpaniji relatati fit-Tajwan, ġie applikat aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, fejn intwera li dawn il-kumpaniji jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li qed jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Billi l-allokazzjoni ta’ l-ispiża ta’ l-SG&A mogħtija mill-kumpanija relatata ma setgħetx titqies affidabbli, dan l-aġġustament ġie bbażat fuq id-data ta’ l-SG&A u l-profitti, miksuba minn kummerċjant mhux relatat.

6.   Il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz (dumping)

(a)   Għal produtturi esportaturi li ngħataw l-MET u li kkooperaw

(57)

Għall-kumpaniji li ngħataw l-MET, il-medja ppeżata tal-valur normali ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità ġie mqabbel mal-medja ppeżata tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tat-tip ta’ prodott rispettiv ikkonċernat, skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(58)

Hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tqis produtturi esportaturi relatati jew produtturi esportaturi li jappartjenu għall-istess grupp bħala entità waħda għad-determinazzjoni tal-marġini tad-dumping, u għalhekk, li tistabbilixxi marġini tad-dumping waħdanija għalihom. Dan isir, partikolarment, minħabba li marġini tad-dumping individwali jistgħu jħeġġu d-dawrien mal-miżuri ta’ kontra d-dumping, u b’hekk jirrenduhom bla effett, billi jippermettu produtturi esportaturi relatati li jgħaddu l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità mill-kumpanija li għandha l-inqas marġini tad-dumping individwali.

(59)

Skond din il-prattika, il-produtturi esportaturi relatati li jappartjenu lill-istess gruppi tqiesu bħala entità waħda biss u ġew assenjati marġini tad-dumping waħda biss li ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tal-medja ppeżata tad-diversi marġini tad-dumping tal-produtturi li jikkooperaw fil-gruppi rispettivi.

(60)

Fuq il-bażi ta’ dan, il-medja ppeżata proviżorja tad-dumping espressa bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Marġini proviżorja tad-dumping

Cionlli Bicycle (Taicang) Co. Ltd., Shunde Hongli Bicycle Parts Co. Ltd. u Safe Strong Bicycle Parts Shenzhen Co. Ltd.

7,5  %

Giching Bicycle parts (Shenzhen) Co. Ltd. u Velo Cycle Kunshan Co. Ltd.

0  %

(b)   Għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha

(61)

Sabiex tikkalkula il-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu, applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha fil-PRC, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet il-livell ta’ kooperazzjoni. Sar paragun bejn il-kwantitajiet totali esportati mogħtija fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mit-tliet produtturi esportaturi kooperanti u t-total ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC, ikkalkulati kif imfisser fil-premessa 71. Irriżulta persentaġġ ta’ 23 %. Fuq din il-bażi, il-livell ta’ kooperazzjoni tqies bħala baxx wisq.

(62)

Għalhekk ġie kkunsidrat xieraq li l-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu jiġi ddeterminat bħala l-medja ppeżata ta':

l-marġini tad-dumping li rriżulta għall-esportatur kooperanti li ma ngħatax la l-MET u lanqas l-IT, u

l-ogħla marġini tad-dumping għal tipi ta' prodotti rappreżentattivi għall-istess esportaturi, billi ma kien hemm xejn x’juri li l-produtturi esportaturi mhux kooperanti wettqu dumping f’livell aktar baxx

(63)

Fuq il-bażi ta’ dan, il-livell tad-dumping għall-pajjiż kollu ġie stabbilit provizjonalment bħala 30,9 % tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas.

D.   ĦSARA

1.   Produzzjoni fil-Komunità

(64)

Fil-Komunità l-prodott ikkonċernat huwa magħruf li jiġi mmanifatturat minn disa’ produtturi li f’isimhom sar l-ilment. Dawn huma sitwati fl-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Portugall u jirrappreżentaw 99 % tal-produzzjoni Komunitarja matul l-IP.

(65)

Barra minn hekk, fl-istadju tal-bidu, wieħed biss mill-produtturi magħrufa tal-Komunità ma kienx kwerelant. Meta jitqies il-volum ta’ produzzjoni fil-Komunità tad-disa’ produtturi kwerelanti u tal-produttur li ma lmentax, il-produzzjoni totali tal-prodott simili laħħqet 16 165 936 biċċa fl-IP.

2.   L-Industrija Komunitarja

(66)

Il-produtturi Komunitarji li ġejjin appoġġaw l-ilment:

Selle Royal S.p.A., Pozzoleone, l-Italja mal-kumpanija relatata magħha:

Brooks England Ltd., West Midlands, ir-Renju Unit

Selle Italia s.r.l., Rossano Veneto, l-Italja mal-kumpanija relatata magħha:

Bassano Selle s.r.l., Riese Pio X, l-Italja

Selle SMP S.A.S., Casalserugo, l-Italja

pph ABI sp.j., Nasielsk, il-Polonja

Iberoselle Fabrica de Selins Lda., Agueda, il-Portugall

Selle Montegrappa s.n.c., Ramon di Loria, l-Italja

Selle San Marco S.p.A, Rossano, l-Italja

(67)

Billi dawn id-disa’ produtturi Komunitarji kooperanti u kwerelanti (kemm dawk li ttieħdu bħala kampjun u kemm dawk li ma ttieħdux) jirrappreżentaw 99 % tal-produzzjoni Komunitarja tal-prodott simili, huma jikkostitwixxi l-industrija Komunitarja skond it-tifsir ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun fl-investigazzjoni, (minn hawn il-quddiem imsejħa bħala “produtturi fil-kampjun”) ilaħħqu 86 % tal-produzzjoni totali ta’ mqagħad fil-Komunità matul l-IP. Il-kumplament tal-produtturi Komunitarji ntalbu jagħtu ċerta data ġenerali għall-analiżi tal-ħsara.

3.   Il-konsum fil-Komunità

(68)

Il-konsum fil-Komunità ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volum ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju mill-ħames produtturi Komunitarji fil-kampjun, l-erba’ produtturi tal-Komunità li ma ddaħħlux fil-kampjun, il-produttur Komunitarju li ma lmentax u l-importazzjoni mill-PRC u minn pajjiżi terzi oħra taħt il-kodiċi NM rilevanti skond l-Eurostat. Kif imsemmi fi premessa 14 il-prodott ikkonċernat huwa attwalment iddikjarat taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10. Id-data ta’ l-Eurostat dwar l-aħħar żewġ kodiċijiet NM (ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10) tinkludi anki partijiet oħra ta’ roti u apparat għall-eżerċizzju fiżiku. Billi ma kienx possibbli li minn dawn iż-żewġ kategoriji usa’ tinkiseb id-data għall-imqagħad biss, ġie deċiż li l-istatistika ta’ l-importazzjoni tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ kodiċi NM wieħed, jiġifieri l-kodiċi NM 8714 95 00. Bħala konsegwenza, il-volumi ta’ importazzjoni meqjusa għad-determinazzjoni tal-konsum Komunitarju jistgħu jkunu inqas minn dawk reali.

(69)

Fuq il-bażi ta’ dik id-data, irriżulta li tul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum żdied bi 17 % minn 20 701 027 biċċa fl-2002 għal 24 179 012-il biċċa fl-2005.

Tabella 1

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Konsum Komunitarju (bċejjeċ)

20 701 027

21 688 470

23 357 359

24 179 012

Indiċi

100

105

113

117

4.   Importazzjoni ta’mqagħad mill-PRC

(a)   Marġini tad-dumping u l-volum ta’ importazzjoni u s-sehem mis-suq

(70)

Kif muri qabel, l-investigazzjoni preżenti uriet li l-marġini medji tad-dumping stabbiliti għall-PRC huma ogħla mil-livell de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, u li l-volum ta’ importazzjoni mill-PRC mhuwiex negliġibbli għall-fini ta’ l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku.

(71)

Il-volumi ta’ importazzjoni ġew stabbiliti fuq il-bażi tad-data ta’ l-Eurostat. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 68, id-data dwar l-importazzjoni mogħtija hawn taħt tista’ tkun inqas minn dik reali. Barra minn hekk, l-Eurostat tipprovdi statistika dwar il-volumi ta’ importazzjoni ta’ mqagħad tar-roti fi kwantitajiet ta’ 100 kg u mhux bil-biċċa. Għalhekk kien meqjus xieraq li jittieħed il-piż ta’ 500 gramma kull biċċa bħala l-piż medju ta’ mqagħad importati miċ-Ċina, billi dan il-piż ġie rrappurtat minn produttur esportatur wieħed u minn importatur mhux relatat.

(72)

L-importazzjoni mill-PRC kibret b’aktar minn erba’ darbiet matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, din żdiedet minn 1 416 814-il biċċa fl-2002 għal 6 276 749 biċċa fl-IP. Fl-istess waqt, is-sehem fis-suq żdied minn 7 % fl-2002 għal 26 % matul l-IP. Dan irid jitqies fl-isfond ta’ konsum li żdied biss bi 17 %, jiġifieri relattivament inqas miż-żieda fl-importazzjoni mill-PRC.

(73)

Importatur mhux relatat allega li l-istatistika ta’ l-importazzjoni kienet ogħla mill-valur reali għaliex fl-ilment intuża piż medju ta’ 400 gramma għal kull maqgħad. Il-kumpanija sostniet li l-piż medju ta’ l-imqagħad impurtati mill-PRC jkun bejn 600 u 800 gramma. Madankollu, l-istess kumpanija kkonfermat, matul iż-żjara ta’ verifika li saret fl-istabbiliment tagħha, li l-piż medju ta’ l-imqagħad impurtati mill-PRC kien 500 gramma, li huwa preċiżament il-piż użat mill-Kummissjoni biex id-data ta’ l-Eurostat, mogħtija f’100 kilo tiġi kkonvertita f’biċċiet. Dan l-importatur argumenta wkoll li l-istatistika ta’ l-importazzjoni mill-PRC kienet minfuħa għaliex inkludiet ukoll l-importazzjoni ta’ għata użata bħala protezzjoni għall-imqagħad. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 71, l-istatistika ta’ l-importazzjoni kienet imsejsa fuq kodiċi NM wieħed, (NM 8714 95 00) li mhuwiex dak li taħtu normalment tiġi ddikjarata l-għata ta’ l-imqagħad u għalhekk it-talba ta’ l-importatur hija infondata.

Tabella 2

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Importazzjoni (bċejjeċ)

1 416 814

2 048 240

4 351 842

6 276 749

Indiċi

100

145

307

443

Sehem fis-suq

7  %

9  %

19  %

26  %

(b)   Prezzijiet

(74)

Il-prezz medju ppeżat ta’ l-importazzjoni ta’ mqagħad li joriġinaw mill-PRC naqas b’mod regolari kull sena tul il-perjodu kkunsidrat u b’kollox b’21 %, i.e. minn EUR 1.4 kull biċċa għal EUR 1.1 kull biċċa bejn l-2002 u l-IP.

Tabella 3

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Medja ppeżata tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità (€/kull biċċa)

1,4

1,3

1,1

1,1

Indiċi

100

91

75

79

(c)   Twaqqigħ ta’ prezzijiet taħt ħaddieħor

(75)

Biex tiddetermina t-twaqqigħ ta’ prezzijiet, il-Kummissjoni analizzat data li tirrigwarda l-IP. Il-prezzijiet tal-bejgħ rilevanti għall-industrija Komunitarja kienu dawk offruti lil klijenti indipendenti, aġġustati fejn meħtieġ għal-livell ex-works, jiġifieri jeskludu l-ispejjeż tat-trasport fil-Komunità u wara li jitnaqqsu l-iskonti u r-ribassi. Il-prezzijiet għat-tipi differenti ta’ mqagħad, iddefiniti skond il-bażi, il-kuxxinett, l-għata, il-furketta u l-piż, ġew ikkomparati mal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ tipi simili mitluba mill-esportaturi, bl-iskonti mnaqqsa, u fejn meħtieġ, aġġustati għas-CIF fil-fruntiera tal-Komunità b’aġġustament xieraq għad-dazji tad-dwana (1,2 %) u għall-spejjeż wara l-importazzjoni, kif dovuti minn importatur fil-Komunità.

(76)

Għall-kalkolu tal-medja ppeżata tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tqiesu l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi kooperanti. Matul l-IP, il-medja ppeżata tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi kooperanti kienet ta’ 67,3 %. Barra minn dan, meta tqieset l-importazzjoni kollha ta’ l-imqagħad, jiġifieri dik tal-produtturi esportaturi fil-PRC, kooperanti u mhux, il-kalkolu tal-medja tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ibbażata fuq id-data ta’ l-Eurostat wera marġini medja simili ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ta’ 70,1 % għall-IP.

5.   Is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja

(77)

Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha li jaffettwaw l-istat ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu kkunsidrat.

(78)

Din l-analiżi twettqet fuq il-kumpaniji fil-kampjun. Madankollu, bil-għan li tingħata stampa sħiħa tal-qagħda fl-industrija Komunitarja, fil-każ ta’ dawk l-indikaturi li dwarhom kien hemm informazzjoni affidabbli fuq l-industrija Komunitarja kollha kemm hi, din l-informazzjoni ingħatat ukoll hawn taħt. Fuq din il-bażi, il-prestazzjoni ta’ l-industrija, ikkalkulata permezz ta’ fatturi bħal prezz, pagi, investimenti, qligħ, qligħ fuq l-investiment, likwidita u kapaċità li tikseb kapital ġdid, ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-kumpaniji fil-kampjun. Il-fatturi soġġetti għall-ħsara bħas-sehem fis-suq, il-volum tal-bejgħ u l-produzzjoni ġew stabbiliti għall-industrija Komunitarja kollha kemm hi.

(a)   Produzzjoni

(79)

Il-volum tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja kollha wriet xejra negattiva ċara matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li fl-2002 il-volum tal-produzzjoni ammonta għal 19 546 740 maqgħad, matul l-IP, l-industrija Komunitarja pproduċiet biss 16 165 936 biċċa, li huma kważi 3,5 miljun biċċa jew 17 % inqas mill-2002. Billi l-imqagħad jiġu ġeneralment immanifatturat skond l-ordnijiet li jaslu mingħand il-klijenti, l-iżvilupp negattiv fil-volum tal-produzzjoni jista’ jintrabat direttament mat-tnaqqis fid-domanda għall-imqagħad prodotti mill-industrija Komunitarja.

Tabella 4

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Produzzjoni (bċejjeċ)

19 546 740

19 022 491

17 698 103

16 165 936

Indiċi

100

97

91

83

(b)   Kapaċità ta’ produzzjoni u rati ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità

(80)

Il-kapaċità tal-produzzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-kapaċità nominali ta’ l-unitajiet produttivi propjetà ta’ l-industrija Komunitarja, billi tqiesu l-interruzzjonijiet fil-produzzjoni kif ukoll il-fatt li f’xi ftit każijiet, parti mill-kapaċità intużat għall-manifattura ta’ prodotti oħra, per eżempju, imqabad għas-siġġijiet tar-roti, permezz ta’ l-istess linji ta’ produzzjoni.

(81)

Il- kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-imqagħad żdiedet b’5 % tul il-perjodu kkunsidrat minn 29 492 120 biċċa fl-2002 sa 30 921 920 biċċa fl-IP. Iż-żieda ċkejkna fil-kapaċità tal-produzzjoni hija r-riżultat ta’ l-investimenti li saru fl-2004 u fl-IP għall-produzzjoni ta’ xi tipi ta’ prodotti ġodda li jintużaw fir-roti tat-tlielaq. Ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tirrifletti fedelment it-tnaqqis fil-produzzjoni u d-domanda. Hija naqset b’mod regolari matul il-perjodu kkunsidrat u laħqet utilizzazzjoni ta’ 45 % biss fl-IP.

Tabella 5

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Kapaċità tal-produzzjoni (bċejjeċ)

29 492 120

29 215 880

29 354 000

30 921 920

Indiċi

100

99

100

105

Kapaċità ta’ l-utilizzazzjoni

60  %

59  %

53  %

45  %

(c)   Ħażniet

(82)

F’dawk li huma ħażniet fl-aħħar tas-sena, il-parti l-kbira tal-produzzjoni ssir skond l-ordnijiet li jidħlu. Għalhekk, filwaqt li matul il-perjodu kkunsidrat ġie osservat tnaqqis fil-ħażniet ta’ 35 %, huwa meqjus li f’dan il-każ il-ħażniet ma kienux indikatur ta’ ħsara rilevanti.

Tabella 6

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Ħażniet(bċejjeċ)

1 365 040

1 192 612

1 000 376

884 829

Indiċi

100

87

73

65

(d)   Investimenti

(83)

Bejn l-2002 u l-2003, l-investimenti fuq il-produzzjoni ta’ prodotti simili naqsu minn EUR 3 808 057 għal EUR 1 664 147. Fl-2004 il-produtturi Komunitarji żiedu l-investimenti tagħhom u nefqu kważi d-doppju ta’ l-ammont, jiġifieri EUR 3 381 996, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Matul l-IP l-investimenti ammontaw għal EUR 3 638 962, jiġifieri 4 % inqas mil-livell milħuq fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat fl-2002. Matul l-investigazzjoni nstab li l-investimenti f’bini, impjanti u makkinarju saru prinċipalment biex tinżamm il-kapaċità tal-produzzjoni, u fl-2004 u fl-IP biss, u f’miżura inqas, għall-iżvilupp ta’ tipi ta’ prodotti ġodda. Fid-dawl ta’ l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità msemmija qabel, l-investimenti xorta waħda ma sarux bil-għan li jiżdied il-volum totali tal-produzzjoni.

(84)

L-investigazzjoni żvelat li l-industrija Komunitarja hija kkunsidrata bħala l-ewwel fid-dinja fir-rigward tad-disinn tal-prodott u l-innovazzjoni fl-imqagħad. Bejn l-2000 u l-IP, il-produtturi Komunitarji ddiżinjaw u mexxew fis-suq aktar minn elf tip ġdid ta’ maqgħad. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) tammonta għal madwar 8 % — 10 % tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja. Biex tibqa’ f’din il-pożizzjoni, l-industrija Komunitarja għandha bżonn iżomm ċertu livell ta’ investiment, anki jekk l-utilizzazzjoni tal-kapaċità hija baxxa.

Tabella 7

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Investimenti (EUR)

3 808 057

1 664 147

3 381 996

3 638 962

Indiċi

100

44

89

96

(e)   Volum ta’ bejgħ u sehem fis-suq

(85)

Hemm żewġ kanali ewlenija ta’ bejgħ għall-imqagħad: is-suq tal-fabbrikant oriġinali tat-tagħmir (OEM) u s-“suq ta’ wara”. Fl-ewwel każ, l-imqagħad jinbiegħu biex jitwaħħlu fuq roti ġodda, u fit-tieni każ, l-imqagħad jinbiegħu biex jinbidlu maqgħad ta’ roti użati. Instab li bejn wieħed u ieħor il-bejgħ OEM jammonta għal 60 % u l-bejgħ fis-suq ta’ wara għal 40 % tas-suq totali. Bħat-tajers, l-imqagħad huma dawk il-komponenti ta’ rota li jinbidlu l-aktar spiss.

(86)

Il-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija kollha fil-Komunità naqsu b’20 % matul il-perjodu kkunsidrat minn 15 109 569 biċċa għal 12 139 162 biċċa fl-IP, i.e. l-industrija Komunitarja biegħet kważi 3 miljun maqgħad inqas fl-IP milli matul 2002. Wara tnaqqis żgħir ta’ 1 % fl-2003 meta mqabbel ma’ l-2002, it-telf fil-volumi ta’ bejgħ kien aktar qawwi fl-2004 u matul l-IP.

(87)

F’termini ta’ valur, matul il-perjodu kollu kkunsidrat, il-bejgħ ta’ mqagħad mill-industrija Komunitarja żdied biss b’1 %. Il-valur tal-bejgħ fis-suq tal-Komunità żdied b’5 % minn EUR 54 460 180 fl-2002 għal EUR 56 978 530 fl-2003 u mbagħad aktar għal EUR 58 052 609 fl-2004. Madankollu, matul l-IP, il-valur tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja naqas bi kważi EUR tliet miljuni meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-fatt li l-valur tal-bejgħ ma żviluppax skond l-istess xejra bħall-volum tal-bejgħ huwa spjegat miż-żieda fil-prezzijiet medji li se tiġi mfissra hawn taħt.

(88)

B’mod korrispondenti mat-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ, is-sehem fis-suq Komunitarju naqas ukoll b’mod sinifikanti minn 81 % fl-2002 għal 58 % fl-IP. Fi kliem ieħor, l-industrija Komunitarja tilfet 23 punti perċentwali mis-sehem tagħha fis-suq tul il-perjodu kollu kkunsidrat kaġun taż-żieda fl-importazzjoni mill-PRC.

Tabella 8

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Valur tal-bejgħ (EUR)

54 460 180

56 978 530

58 052 609

55 228 738

Indiċi

100

105

107

101

Bejgħ fil-KE (bċejjeċ)

15 109 569

15 024 427

13 803 151

12 139 162

Indiċi

100

99

91

80

Sehem fis-suq

81 %

77 %

67 %

58 %

(f)   Prezzijiet

(89)

Il-prezz medju ta’ l-industrija Komunitarja għal kull biċċa żdied b’25 % matul il-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda fil-prezz tista’ titfisser, min-naħa l-waħda bħala riżultat taż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima, li kellha impatt fuq l-industrija kollha, u min-naħa l-oħra minħabba l-ispostament minn tipi ta’ prodott b’teknoloġija baxxa lejn dawk ta’ teknoloġija avvanzata, li jinkorporaw materja prima ogħla u li l-produzzjoni tagħhom titlob aktar riżorsi umani.

(90)

Il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni ta’ l-imqagħad tinkludi qxur tal-plastik, għatat, polyurethane, vireg u klampijiet. Il-prezzijiet ta’ din il-materja prima huma indirettament marbutin ma’ kif ikunu sejrin il-prezzijiet taż-żejt u l-metall. Il-materja prima hija l-akbar komponent li ttella’ l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ l-imqagħad u li tammonta għal kważi nofs l-ispejjeż totali tal-produzzjoni u għandha impatt dirett fuq l-evoluzzjoni tal-prezz tal-bejgħ.

(91)

Instab li l-prezzijiet medji tal-materja prima baqgħu stabbli bejn l-2002 u l-2003, iżda żdiedu mill-2003 u wkoll matul l-IP, ħaġa li kienet riflessa fil-prezzijiet tal-bejgħ ogħla mill-industrija Komunitarja

(92)

Importatur mhux relatat allega li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kien riżultat ta’ bidla fid-domanda tal-konsumatur. Il-kumpanija argumentat li t-talba għar-roti bi prezz baxx u allura mqagħad bi prezz baxx naqset, filwaqt li d-domanda għal imqagħad ta’ kwalità għolja bi prezz ogħla żdiedet. Din l-istqarrija hija f’kontradizzjoni mal-fatt li importazzjonijiet bi prezz baxx mill-PRC żdiedu, f’termini relattivi, b’mod konsiderevoli, aktar mill-konsum totali ta’ mqagħad fil-Komunità, kif imsemmi fil-premessa 72.

Tabella 9

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Prezz medju ppeżat (€/kull biċċa)

3,6

3,8

4,2

4,5

Indiċi

100

106

117

125

(g)   Qligħ u likwidità

(93)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-qligħ medju ppeżat fuq il-bejgħ nett ta’ l-industrija Komunitarja naqas drastikament minn 3,8 % fl-2002 għal 0,4 % biss fl-IP. Filwaqt li l-qligħ żdied għal 5,0 % fl-2003, dan naqas għal 3,1 % fl-2004 u fl-aħħar niżel għal 0,4 % matul l-IP. Il-marġini baxx ta’ qligħ huwa konsegwenza tal-fatt li l-industrija Komunitarja ma setgħetx tgħaddi b’mod suffiċjenti ż-żieda fil-prezz tal-materja prima fuq il-klijenti tagħha.

Tabella 10

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Marġini ta’ qligħ qabel it-taxxa

3,8  %

5,0  %

3,1  %

0,4  %

L-industrija Komunitarja ġġenerat likwidità ta’ EUR 3 990 473 matul l-IP, li bejn wieħed u ieħor kien EUR 1.1 miljun jew 22 % inqas minn dak ta’ l-2002. Il-fatt li l-ammont ta’ likwidità fl-industrija Komunitarja għadu sostanzjali huwa mfisser mill-fatt li hija industrija msejsa fuq investiment kapitali intensiv li jeħtieġ ammonti kbar ta’ deprezzament. B’mod ġenerali, jista’ jidher li l-likwidità ta’ l-industrija Komunitarja żviluppat f’xejra simili għall-profittabbiltà.

Tabella 11

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Fluss ta’ kontanti (EUR)

5 084 871

6 655 555

6 574 821

3 990 473

Indiċi

100

131

129

78

(h)   Dħul fuq l-assi netti

(94)

Id-dħul fuq l-assi netti ġie kkalkulat billi l-qligħ nett qabel it-taxxa tal-prodott simili ġie espress bħala persentaġġ tal-valur nett deprezzat ta’ l-assi fissi allokat għall-prodott simili. Dan l-indikatur segwa xejra simili għal dik tal-qliegħ, u naqas minn 12 % fl-2002 għal 1 % biss fl-IP.

Tabella 12

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Dħul fuq l-assi netti

12  %

16  %

10  %

1  %

(i)   Abbiltà li tikseb kapital ġdid

(95)

Ma kien hemm l-ebda pretensjoni jew indikazzjoni mill-industrija Komunitarja li hija ltaqgħet ma’ problemi biex tikseb kapital għall-attivitajiet tagħha u għalhekk kien konkluż li l-industrija Komunitarja, fit-totalità tagħha, kienet f’pożizzjoni li tikseb kapital għall-attivitajiet tagħha matul il-perjodu kkunsidrat.

(j)   Impjiegi u salarji

(96)

L-impjiegi fl-industrija Komunitarja baqgħu stabbli matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Wara tnaqqis żgħir fl-2003 u l-2004, l-industrija Komunitarja kienet tħaddem 418-il ruħ full time matul l-IP, jiġifieri kważi l-istess numru ta’ l-2002. Madankollu, ġie nnutat li l-produtturi kollha tal-Komunità jissottokuntrattaw partijiet kbar mill-produzzjoni tagħhom lil intrapriżi oħra żgħar u medji sitwati fil-Komunità, u fi ftit każijiet, jissottokuntrattaw kważi l-proċess tal-produzzjoni kollu lil intrapriżi oħra żgħar u medji. Għalhekk, l-għadd totali ta’ nies impjegati full time fil-produzzjoni ta’ l-imqagħad huwa ferm ogħla mill-għadd ta’ ħaddiema impjegati direttament mill-industrija Komunitarja. Huwa stmat li l-għadd totali ta’ impjegati li jaħdmu fil-produzzjoni tal-prodott simili huwa minn talanqas tliet darbiet akbar, jiġifieri madwar 1,200 ruħ matul l-IP. Il-pagi medji annwali mxew ma’ l-istess xejriet ta’ l-ispejjeż tax-xogħol, jiġifieri żdiedu b’5 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn EUR 7 784 339 fl-2002 għal EUR 8 190 911 fl-IP, li huwa inqas mir-rata ta’ l-inflazzjoni fil-Komunità matul l-istess perjodu.

Tabella 13

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Ħaddiema

421

434

456

418

Indiċi

100

103

108

99

Spejjeż tax-xogħol (EUR/fis-sena)

11 427 812

12 136 974

12 319 136

12 121 976

Indiċi

100

106

108

106

Salarji (EUR/fis-sena)

7 784 339

8 136 410

8 428 090

8 190 911

Indiċi

100

105

108

105

(k)   Produttività

(97)

Il-produttività mkejla fi produzzjoni minn kull ħaddiem f’sena kienet ta’ 42 225 biċċa fl-2002 u naqset b’mod regolari matul is-snin għal 33 317 biċċa fl-IP. Dan it-tnaqqis huwa kkawżat mit-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni.

Tabella 14

 

2002

2003

2004

2005 (IP)

Produttività (bċejjeċ/ħaddiem)

42 225

39 752

34 388

33 317

Indiċi

100

94

81

79

(l)   Tkabbir

(98)

Filwaqt li l-konsum fil-Komunità żdied bi 17 % bejn l-2002 u l-IP, il-volum ta’ bejgħ mill-industrija Komunitarja matul l-istess perjodu baqa’ stabbli. Għalhekk, il-bejgħ mill-industrija Komunitarja kiber bil-wisq inqas mid-domanda matul il-perjodu kkunsidrat. Mill-banda l-oħra, is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mill-PRC tela’ b’21 punt perċentwali.

(m)   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping fl-imgħoddi

(99)

F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-industrija Komunitarja tad-daqs tal-marġini attwali tad-dumping, minħabba l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni mill-PRC, dan l-impatt ma jistax jitqies negliġibbli.

(100)

Ma rriżultax li l-industrija Komunitarja qed tirkupra mill-effetti tad-dumping fl-imgħoddi jew mill-għoti tas-sussidju.

6.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(101)

L-analiżi ta’ l-indikaturi tal-ħsara wrew li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ħżienet b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Il-maġġoranza ta’ l-indikaturi tal-ħsara (fil-bejgħ nett bħala volum, il-volum tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-profittabbiltà, id-dħul fuq l-investimenti, l-investimenti, il-likwidità u l-impjiegi) isegwu xejra negattiva tul il-perjodu kkunsidrat.

(102)

Minkejja dan, xi indikaturi tal-ħsara juru żvilupp stabbli (il-bejgħ nett bħala valur u l-abbiltà ta’ ksib ta’ kapital), jew saħansitra juru xejra pożittiva (il-prezz tal-bejgħ medju, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-ħażniet f’għeluq is-sena). Madankollu, iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ u l-valur nett tal-bejgħ matul l-IP ma jistgħux jiġu attribwiti għal titjib fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, iżda kienu konsegwenza tal-prezzijiet ogħla għall-materja prima u anki ta’ l-ispostament ta’ l-industrija Komunitarja lejn il-produzzjoni ta’ tipi ta’ prodotti ta’ valur ogħla. F’dawk li huma ħażniet f’għeluq is-sena, kif imsemmi fil-premessa 82, fid-dawl tal-partikularità ta’ din l-industrija, il-ħażniet ta’ għeluq is-sena ma jistgħux jitqiesu rilevanti għad-determinazzjoni tal-ħsara.

(103)

Minħabba l-iżvilupp negattiv ħafna fl-indikaturi marbutin mal-qligħ, il-vijabbiltà ta’ l-industrija tista’ titqies li hija fil-periklu jekk din is-sitwazzjoni ma jinstabilhiex rimedju. Fil-fatt, minħabba li l-industrija Komunitarja tikkonsisti f’intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u topera f’negozju b’kapital għoli, huwa wisq improbabbli li l-industrija Komunitarja tista’ tkampa finanzjarjament għal perjodu itwal f’dan il-livell.

(104)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hi li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

E.   KAWŻALITÀ

1.   Introduzzjoni

(105)

Skond l-Artikolu 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjoni oġġett tad-dumping tal-prodott ikkonċernat li oriġina mill-PRC ikkaġunax ħsara lill-industrija Komunitarja sal-punt li jwassal biex tiġi kklassifikata bħala materjali. Fatturi magħrufa minbarra l-importazzjoni oġġett ta’ dumping li setgħu, fl-istess ħin, għamlu ħsara lill-industrija Komunitarja ġew eżaminati wkoll sabiex jiġi żgurat li ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma kinetx dovuta għall-importazzjoni oġġett ta’ dumping.

2.   L-effett ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping

(106)

L-importazzjoni mill-PRC żdiedet b’aktar minn erba’ darbiet matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri hija żdiedet b’343 % f’termini ta’ volum u b’19-il punt perċentwali f’termini ta’ sehem fis-suq. Fl-istess waqt, il-prezzijiet medji tal-produtturi esportaturi kollha fl-PRC niżlu taħt il-medja tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja b’70.1 % fl-IP. Iż-żieda sostanzjali fil-volum ta’ l-importazzjoni mill-PRC u ż-żieda tas-sehem fis-suq matul il-perjodu kkunsidrat, bi prezzijiet li kienu biss frazzjoni ta’ dawk ta’ l-industrija Komunitarja, ħabtu eżatt mad-deterjorazzjoni ċara tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ l-industrija Komunitarja għall-istess perjodu.

(107)

Filwaqt li l-prezzijiet kull biċċa ta’ l-importazzjoni mill-PRC naqsu fuq bażi regolari matul il-perjodu kkunsidrat b’21 %, minn EUR 1.4 fl-2002 għal EUR 1.1 fl-IP, il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu matul l-istess perjodu b’26 %, minn EUR 3.6 fl-2002 għal EUR 4.5 matul l-IP. Dan l-iżvilupp fil-prezzijiet f’direzzjonijiet opposti jista’ jitfisser biss b’mod parzjali permezz ta’ taħlita ta’ prodotti differenti ta’ mqagħad immanifatturati fil-Komunità u fil-PRC. Barra minn hekk, il-produtturi Komunitarji wrew li l-aċċess għall- u l-prezzijiet tal-parti l-kbira tal-materja prima huma simili fil-Komunità u fil-PRC. Huma wrew ukoll li l-ispejjeż tal-materja prima għall-imqagħad fil-Komunità kiber matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, xi produtturi esportaturi fil-PRC jbigħu l-prodotti tagħhom lill-Komunità taħt l-ispiża tal-materja prima u dan juri biċ-ċar li din mhix sitwazzjoni fejn il-prezzijiet huma baxxi minħabba xi vantaġġ komparattiv li jgawdu l-produtturi fil-PRC, iżda minħabba l-eżistenza ta’ dawn il-prattiċi ta’ dumping.

(108)

L-effett ta’ din l-imġieba inġusta fl-ipprezzar ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC kien li l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja ġew imblukkati u ma setgħux imqar ikopru ż-żieda fl-ispiża tal-materja prima. Dan kompla ġie kkonfermat mit-tnaqqis kbir fil-qliegħ ta’ l-industrija Komunitarja.

(109)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni ta’ hawn fuq, jidher illi l-importazzjoni bi prezzijiet baxxi mill-PRC li traħħsu taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kellha rwol determinanti fid-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, li hija riflessa b’mod partikolari fit-tnaqqis tal-produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ, tas-sehem fis-suq, u fit-tnaqqis drastiku tal-qligħ.

3.   L-effett ta’ fatturi oħra

(a)   Importazzjoni mhux oġġett ta’ dumping li toriġina mill-PRC

(110)

Għal wieħed mill-produtturi esportaturi, il-marġini tad-dumping stabbilita kien taħt il-livell de minimis. Għalhekk, l-importazzjoni ta’ din il-kumpanija ma tqisitx fl-analiżi tal-ħsara ta’ hawn fuq. Mill-importazzjoni kollha mir-RPĊ, l-importazzjoni mingħand dan il-produttur esportatur kienet tlaħħaq bejn it-28 % u t-33 % fis-snin 2002 u 2003, bejn it-18 % u t-23 % fl-2004 u laħqet bejn it-12 % u s-17 % fl-IP. Il-prezzijiet medji ta’ din il-kumpanija xorta għelbu b’mod sinifikanti l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, il-marġini medji tal-prezzijiet baxxi ta’ din il-kumpanija kienu ferm inqas minn dawk tal-kumpaniji li nstabu li qed iwettqu d-dumping. Fid-dawl tal-fatt li l-importazzjoni minn din il-kumpanija ma kinetx kbira ħafna, u anki aktar importanti, naqset drastikament matul il-perjodu kkunsidrat, ġie konkluż li l-importazzjoni mhux oġġett ta’ dumping mingħand dan il-produttur esportatur ma kisritx ir-rabta kawżali, jiġifieri li importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC ikkawżat ħsara materjali lill-industrija Komunitarja.

(b)   Importazzjoni li toriġina minn pajjiżi terzi minbarra l-pajjiż ikkonċernati

(111)

Skond l-Eurostat u l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, it-tliet pajjiżi terzi ewlenin li minnhom issir l-importazzjoni ta’ l-imqagħad huma t-Tajwan, l-Indja u l-Vjetnam.

(112)

L-importazzjoni mit-Tajwan ammontat għal 1 145 000 biċċa fl-2002 u żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat b’25 % għal 1 429 200 biċċa fl-IP. Is-sehem fis-suq ta’ l-imqagħad impurtati mit-Tajwan kien jammonta għal 6 % fl-2002, jiġifieri l-istess livell li kien hemm fl-IP. L-importazzjoni mit-Tajwan saret bi prezzijiet f’livelli simili għal dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Billi s-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mit-Tajwan ma żdiedx, iżda baqa’ stabbli bħala 6 % matul il-perjodu kkunsidrat, u l-prezzijiet kienu fl-istess livell tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, l-importazzjoni mit-Tajwan mhix meqjusa li kellha effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

(113)

L-importazzjoni mill-Indja kienet tammonta għal 204 200 biċċa fl-2002 u telgħet bi 30 % għal 264 600 fl-IP. Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjoni mill-Indja matul il-perjodu kollu kkunsidrat baqgħu sew taħt il-livell ta’ l-importazzjoni mill-PRC. Huma kienu jammontaw għal EUR 0.63 fl-2002, imbagħad żdiedu għal EUR 0.91 fl-2003 u wara dan naqsu drastikament għal EUR 0.47 u niżlu għal EUR 0.6 fl-IP. Madankollu, din l-importazzjoni tirrappreżenta biss sehem fis-suq ta’ 1 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Għalhekk, ġie konkluż li minkejja l-livell baxx tal-prezz ta’ l-importazzjoni mill-Indja, din l-importazzjoni ma kellhiex effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

(114)

F’dik li hija importazzjoni mill-Vjetnam, l-istatistika ta’ l-Eurostat turi livell baxx ħafna ta’ 4 400 maqgħad impurtati fl-2002 li telgħu għal 136 600 biċċa fl-IP. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni mill-Vjetnam baqgħu fl-istess medda tal-prezzijiet mill-PRC. Madankollu, bħal fil-każ ta’ l-Indja, is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mill-Vjetnam kien taħt 1 % fl-2002 u l-2003 u appena laħaq 1 % fl-2004 u fl-IP. Għalhekk, ġie konkluż li din l-importazzjoni ma kellhiex impatt sinifikanti fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja.

(115)

Għalhekk jista’ jiġi proviżjonalment konkluż li l-importazzjoni, għajr dik ġejja mill-PRC, ma kellhiex sehem fil-ħsara materjali li sofriet l-industrija Komunitarja.

(c)   Ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali

(116)

Kif imsemmi aktar qabel fil-premessa 83, madwar 8 % — 10 % tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja jmur għall-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D). Dan l-investiment jinkludi studji dwar il-pożizzjoni tas-sinsla, testijiet u disinn ta’ mudelli ġodda ta’ mqagħad. Xi produtturi Komunitarji allegaw li ċerti produtturi esportaturi mill-PRC sempliċiment jikkupjaw il-prodotti Ewropej privattivati u għaldaqstant kapaċi jagħtu vantaġġ fl-ispejjeż meta mqabbla mal-produtturi fil-Komunità, li huwa rifless fil-prezz baxx ta’ mqagħad impurtati mill-PRC. Mill-banda l-oħra, importatur mhux relatat stqarr li l-kontrafazzjoni ma kinetx qed toriġina biss mill-PRC, iżda kienet ukoll il-kawża ta’ disputi bejn il-produtturi Komunitarji. Huwa rikonoxxut li l-kontrafazzjoni hija kwistjoni importanti f’din l-industrija u setgħet fil-fatt aggravat is-sitwazzjoni għall-industrija Komunitarja. Fi kwalunkwe każ, it-telf sofrut minħabba ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali kkawżat mill-industrija Komunitarja nnifisha mhuwiex tali li jħoll ir-rabta qawwija ta’ kawżalità bejn il-qabża kbira fl-importazzjoni oġġett ta’ dumping u l-ħsara materjali sofruta mill-industrija Komunitarja. Għandu jiġi nnutat ukoll li safejn l-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC ibbenefikat mill-ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali, dan ma setax jitqies bħala fattur ieħor minħabba li dan il-ksur xorta jibqa’ marbut ma’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping.

4.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(117)

Il-koinċidenza fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, iż-żieda fl-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC, iż-żieda ta’ l-ishma fis-suq u t-traħħis tal-prezzijiet misjub, u fuq in-naħa l-oħra, id-deterjorazzjoni ċara fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, twassal għall-konklużjoni li l-importazzjoni oġġett ta’ dumping ikkawżat il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. Ġew analizzati fatturi oħra iżda ma nstabx li kienu raġuni determinanti għall-ħsara mġarrba.

(118)

Fuq il-bażi ta’ l-analiżi t’hawn fuq, li iddistingwiet u sseparat sew l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja mill-effett ta’ ħsara ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping, ġie proviżjonalment konkluż li l-importazzjoni ta’ mqagħad mill-PRC ikkawżat ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità skond it-tifsira fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

F.   L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(119)

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk minkejja l-konklużjoni fuq id-dumping dannuż, kienux jeżistu raġunijiet ċari li jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Komunità li tadotta miżuri f’dan il-każ partikolari. L-impatt probabbli ta’ miżuri possibbli fuq il-partijiet kollha nvoluti fil-proċediment kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma jittiħdux miżuri jridu jitqiesu f’dan is-sens.

1.   L-industrija Komunitarja

(120)

Is-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja irriżultat mid-diffikultà tagħha li tikkompeti ma’ importazzjoni bi prezz baxx, oġġett ta’ dumping.

(121)

L-impożizzjoni ta’ miżuri għandha tippermetti lill-industrija Komunitarja li żżid il-volum tal-bejgħ tagħha u terġa’ tikseb is-sehem fis-suq biex tiġġenera ekonomija ta’ skala aħjar, u b’hekk tikseb il-livell ta’ qligħ meħtieġ biex tiġġustifika t-tkomplija ta’ l-investiment fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u fir-riċerka kontinwa biex tibqa’ kompetittiva.

(122)

Wieħed mill-importaturi kkontenda li wieħed mill-produtturi fil-Komunità kellu pożizzjoni dominanti fis-suq, madankollu, mingħajr ma ssostanzja din l-allegazzjoni. Minħabba l-fatt li matul il-perjodu kkunsidrat l-imqagħad ġew prodotti għand minn talanqas għaxar produtturi differenti f’kompetizzjoni bejniethom fil-Komunità, u li ma nstab xejn matul l-investigazzjoni li jsostni din l-allegazzjoni, din il-kontenzjoni ġiet miċħuda.

(123)

Jekk ma jiġux imposti miżuri, id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tkompli. Hija ma tkunx f’pożizzjoni li tinvesti f’teknoloġiji ġodda u li tikkompeti b’mod effettiv ma’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi. Barra minn dan, jekk ma jiġux imposti miżuri, l-industrija Komunitarja tkompli tiġi mċaħħda mill-volumi l-kbar tas-suq ta’ l-mqagħad ta’ prezz medju, u għalhekk ma tkunx tista’ tifrex l-ispejjeż fissi tagħha. Fil-fatt, xi kumpaniji jkollhom iwaqqfu l-produzzjoni tal-prodott simili u jagħtu s-sensja lill-ħaddiema tagħhom, kif diġà ġara fil-każ ta’ produttur Komunitarju fl-2005. Ġie għalhekk konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping hija fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja.

2.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(124)

Sa fejn jikkonċerna l-importaturi, żewġ importaturi mhux relatati biss wieġbu l-kwestjonarju u wara saret żjara ta’ verifika għand wieħed minnhom. Il-volumi tal-prodott ikkonċernat, impurtat minn dawn iż-żewġ importaturi kien jirrappreżenta 21 % tat-total ta’ l-importazzjoni lejn il-Komunità miċ-Ċina u 7 % tal-konsum fil-Komunità.

(125)

Fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira ta’ l-importazzjoni ta’ mqagħad lejn il-Komunità tgħaddi minn importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi, l-importazzjoni ta’ dawn l-importaturi mhux relatati tqieset bħala rappreżentattiva għall-importaturi mhux relatati l-oħra kollha.

(126)

Għaż-żewġ importaturi, l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-PRC kienet tirrappreżenta 100 % ta’ l-importazzjoni totali tagħhom ta’ mqagħad. Fil-każ ta’ importatur wieħed, il-valur tal-bejgħ rispettiv ta’ mqagħad kien jirrappreżenta 8 % tal-bejgħ totali ta’ l-importatur matul l-IP. Il-bejgħ ta’ mqagħad impurtati miċ-Ċina kien profitabbli matul l-IP. Madankollu, il-qligħ mill-bejgħ ta’ l-imqagħad kien ta’ 0,7 punti perċentwali taħt il-qligħ globali ta’ din il-kumpanija, li kien f’medda ta’ bejn wieħed u ieħor 2 % sa 6 % fl-IP. Fil-każ ta’ l-importatur l-ieħor, il-valur tal-bejgħ ta’ l-imqagħad impurtati fl-IP irrappreżenta biss 1,2 % tad-dħul totali tal-kumpanija u l-qligħ mill-bejgħ ta’ l-imqagħad kienet stmata fl-istess livell tal-qligħ ġenerali ta’ din il-kumpanija. Wieħed jista’ jassumi, mill-informazzjoni mogħtija minn importaturi oħra, li s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji msemmija hija rappreżentattiva għall-parti l-kbira ta’ l-importaturi ta’ l-imqagħad mill-PRC.

(127)

Billi ż-żewġ kumpaniji impurtaw l-imqagħad mill-PRC biss, jista’ jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri tista’ tassew ikollha effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-kumpaniji. Madankollu, meta jitqies li l-bejgħ ta’ l-imqagħad jammonta biss għal sehem żgħir mill-bejgħ u l-qligħ totali tal-kumpanija, mhux mistenni li miżuri jkollhom impatt finanzjarju sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ġenerali ta’ dawn iż-żewġ importaturi. Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji jistgħu jimpurtaw ukoll imqagħad kemm mill-grupp ta’ kumpaniji li ma nstabilhomx dumping, jew minn pajjiżi terzi oħra, per eżempju t-Tajwan.

3.   L-interess ta’ l-utenti

(128)

Erba’ utenti u distributuri tal-prodott ikkonċernat wieġbu l-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni. Dawn huma kumpaniji li jużaw imqagħad prodotti fil-Komunità u anki mqagħad impurtati fl-assemblaġġ tar-roti. Dawn l-erba’ kumpaniji użaw ammont totali ta’ 1 255 655 maqgħad matul l-IP, li minnhom aktar min-nofs (55 %) kienu mqagħad li oriġinaw mill-PRC. L-għadd ta’ mqagħad impurtati mill-PRC u użati mill-erba’ kumpaniji kien jirrappreżenta 5,7 % tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja u 2,9 % tal-konsum totali ta’ mqagħad fil-Komunità matul l-IP. Safejn jolqot l-assemblaturi tar-roti, instab li l-imqagħad jirrappreżentaw parti minuri mill-ispiża totali ta’ rota kompluta. Bħala medja, l-imqagħad jikkostitwixxu minn 1 % sa 4 % ta’ l-ispejjeż totali ta’ rota, skond il-mudell.

(129)

Tnejn mill-erba’ utenti iddikjaraw li l-impożizzjoni ta’ dazju kontra d-dumping x’aktarx ma jkollux effett kbir fuq in-negozju tagħhom għaliex żieda fil-prezz ta’ l-imqagħad probabbli tingħadda fuq il-konsumatur aħħari tagħhom. Barra minn hekk, huma argumentaw li d-differenza fil-prezz bejn imqagħad prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja u l-importazzjoni miċ-Ċina kienet tali, li anki wara l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping, l-imqagħad li joriġinaw mill-PRC xorta waħda jibqgħu kompetittivi.

(130)

Iż-żewġ utenti l-oħra ma tawx verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħhom. Għalhekk, skond l-Artikolu 19(3), din l-informazzjoni ġiet proviżjonalment injorata.

(131)

Wieħed mill-produtturi esportaturi ikkontenda li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjoni ta’ mqagħad ma kinetx fl-interess tal-Komunità għaliex kienet tqiegħed l-eżistenza ta’ industrija vijabbli tal-manifattura tar-roti fl-Ewropa f’riskju akbar. Il-kumpanija sostniet li l-manifatturi fil-Komunità kienu jwaqqfu n-negozju ta’ assemblaġġ tagħhom u minflok jibdew jimpurtaw roti lesti mill-PRC, minkejja l-eżistenza ta’ dazju kontra d-dumping fuq ir-roti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-esportaturi m’għandhom l-ebda kompetenza fejn tidħol id-determinazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità. Minkejja dan, is-sustanza ta’ l-argument ġiet investigata. Billi tnejn mill-erba’ utenti ta' l-imqagħad tar-roti ddikjaraw li l-impożizzjoni ta’ miżuri ma jkollha l-ebda impatt sostanzjali fuq in-negozji tagħhom minħabba l-ispiża baxxa ta’ maqgħad fl-ispiża globali tal-produzzjoni ta’ rota, l-argument xorta waħda m’għandux jiġi aċċettat.

(132)

Fid-dawl tal-fatt li l-erba’ kumpaniji xtraw ammont importanti ta’ mqagħad (45 % matul l-IP) fil-Komunità, u minħabba l-importanza relattivament baxxa ta’ l-imaqgħad fl-ispiża totali ta’ rota assemblata kompletament, ġie konkluż li l-impatt fuq l-ispejjeż li jirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping fuq l-imqagħad ma tirriżultax f’impatt sinifikanti fl-ispejjeż globali ta’ l-utenti. Fi kwalunkwe każ, jekk ikun hemm dan l-impatt, hemm probabbiltà kbira li l-utenti ta’ l-imqagħad impurtati jkunu f’qagħda li jgħaddu l-ispiża addizzjonali.

4.   L-interess tal-fornituri tal-materja prima u tal-konsumaturi

(133)

Fornitur wieħed ta’ materja prima wieġeb il-kwestjonarju. Din il-kumpanija qed tbigħ il-partijiet tal-metall ta’ l-imqagħad lill-produtturi Komunitarji, speċifikament qofsa u molol magħmula mill-ħadid, azzar, titanju, vanadju, manganiż jew azzar tal-karbonju. Il-kumpanija hija favur l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping minħabba li tipprevedi li l-volumi tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja jiżdiedu u konsegwentement ikollha domanda ogħla għall-materja prima tagħha.

(134)

Fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ xi element jew reazzjoni oħra mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, ġie konkluż li l-impatt tal-miżuri proposti fuq il-konsumaturi mhux mistenni li jkun sinifikanti.

5.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(135)

Sussegwenti għal dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li m’hemmx raġunijiet ċari fir-rigward ta’ l-interess tal-Komunità, li għalihom id-dazji proviżorji kontra d-dumping m’għandhomx jiġu imposti.

G.   MIŻURI PROVIŻORJI KONTRA D-DUMPING

1.   Il-livell ta’ tneħħija tal-ħsara

(136)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara li ssir, il-kawżalità u l-interess tal-Komunità, għandhom jiġu imposti miżuri proviżorji bil-għan li jipprevjenu li ssir aktar ħsara lill-industrija Komunitarja mill-importazzjoni oġġett ta’ dumping.

(137)

Il-miżuri għandhom jiġu imposti f’livell li jkun biżżejjed biex tiġi eliminata l-ħsara kkawżata minn din l-importazzjoni, mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping determinat. Fil-kalkolu ta’ l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex jitneħħew l-effetti tad-dumping dannuż, ġie kkunsidrat li kull miżura għandha tippermetti lill-industrija Komunitarja tkopri l-ispejjeż tagħha tal-produzzjoni u li tagħmel qligħ totali qabel it-taxxa li jkun jista’ raġonevolment jintlaħaq minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur, taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fil-Komunità. Il-marġini ta’ profitt qabel it-taxxa użat għal dan il-kalkolu kien ta’ 5 % tal-bejgħ, ibbażat fuq il-qligħ stabbilit f’investigazzjonijiet preċedenti ta’ produtturi ta’ partijiet tar-roti li jinkludu l-produtturi Komunitarji kif definit fil-premessa 67.

(138)

Iż-żieda meħtieġa fil-prezz kienet imbagħad determinata fuq il-bażi tat-tqabbil tal-prezz medju ppeżat ta’ l-importazzjoni, kif stabbilit għall-kalkolu tal-bejgħ bi prezz imraħħas (ara l-premessa (75) hawn fuq), mal-prezz mingħajr ħsara ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità. Il-prezz mingħajr ħsara nkiseb bl-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja bit-telf/qligħ attwali magħmul tul l-IP u billi ngħaddet il-marġini tal-qligħ imsemmija aktar il fuq. Kull differenza li ħarġet minn dan il-paragun ġiet imbagħad espressa f’perċentwali tal-valur CIF ta’ l-importazzjoni totali.

(139)

Bil-għan li jiġi kkalkulat il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara għall-pajjiż kollu għall-esportaturi l-oħra kollha fil-PRC, għandu jiġi mfakkar li l-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx. Għalhekk, il-marġini ta’ ħsara kien ikkalkulat bħala medja ppeżata tal-marġini kkalkulat għall-esportaturi li kkooperaw u l-ogħla marġini stabbiliti għal tipi rappreżentattivi esportati mill-istess esportatur.

(140)

Il-marġini ta’ ħsara kienu ferm ogħla mill-marġini ta’ dumping misjuba.

2.   Miżuri proviżorji

(141)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie meqjus li dazju proviżorju kontra d-dumping għandu jiġi impost fil-livell tal-marġini tad-dumping misjub, iżda m’għandux, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, ikun ogħla mill-marġini ta’ ħsara kkalkulat hawn fuq.

(142)

“Ir-rati ta’ dazji kontra d-dumping għall-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni attwali. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (f'kuntrast mad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklużivament applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti impurtati prodotti minn kull kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija b’isimha u l-indirizz fil-parti operattiva ta’ dan id-dokument, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha.

(143)

Kull talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju kontra d-dumping għall-kumpaniji individwali (per eżempju wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew bejgħ), għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni (3) mingħajr telf ta’ żmien, bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbut mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjat ma’, per eżempju, dak it-tibdil fl-isem jew dak it-tibdil fl-entitajiet tal-produzzjoni u bejgħ. Il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, temenda r-Regolament skond il-ħtieġa billi taġġorna l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati ta’ dazju individwali. Bil-għan li jiġi żgurat infurzar tajjeb tad-dazju kontra d-dumping, il-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu għandu japplika wkoll għal dawk il-produtturi li ma għamlu l-ebda esportazzjoni lejn il-Komunità matul l-IP.

(144)

Fuq il-bażi ta’ dak ta’ hawn fuq, ir-rati ta’ dazju proviżorju huma:

Cionlli Bicycle (Taicang) Co. Ltd., Shunde Hongli Bicycle Parts Co. Ltd. u Safe Strong Bicycle Parts Shenzhen Co. Ltd.

7,5  %

Giching Bicycle parts (Shenzhen) Co. Ltd. u Velo Cycle Kunshan Co. Ltd.

0  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

30,9  %

3.   Monitoraġġ speċjali

(145)

Bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ ċirkumvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati ta’ dazju, huwa meqjus li miżuri speċjali huma meħtieġa f’dan il-każ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tad-dazji kontra d-dumping. Hija biss l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, immanifatturat mill-produttur li jesporta rispettiv li tista’ tibbenefika mill-marġini tad-dumping speċifiku kkalkulat għall-produttur ikkonċernat. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej:

(146)

Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li għandha tkun tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn din il-fattura għandhom ikunu suġġetti għad-dazju residwu kontra d-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

(147)

Ta’ min ifakkar li jekk l-esportazzjoni mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jżidu ħafna fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kontra d-dumping, tali żieda fil-volum tista’ tiġi kkunsidrata fiha nnifisha bħala bidla fil-mudell tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni tal-miżuri skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, u sakemm il-kundizzjonijiet jiġu rrispettati, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija tar-rati ta’ dazju individwali bil-konsegwenza li jiġi impost dazju għall-pajjiż kollu.

H.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(148)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi ffissat perjodu li fih il-partijiet interessati li għamlu lilhom infushom magħrufa sal-limitu ta’ żmien speċifikat fin-notifika tal-bidu jistgħu jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ. Barra minn hekk, għandu jiġi ddikjarat li s-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji kontra d-dumping, magħmula għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament huma proviżorju u jistgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid għall-għan ta’ xi dazju definittiv.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju proviżorju kontra d-dumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjoni ta’ mqagħad u partijiet essenzjali tagħhom jiġifieri bażijiet, kuxxinetti u għata, ta’ roti (biċikletti) u ċikletti oħra (inklużi triċikletti għall-kunsinni), mingħajr mutur, ta’ ċikletti ffittjati b’mutur awżiljarju, bis-sidecar jew mingħajrha, apparat tal-fitness u ta’ apparat domestiku għall-attività fiżika, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10 (kodiċi TARIC 8714999081 u 9506911010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju proviżorju kontra d-dumping applikabbli għall-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti mmanifatturati mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun:

Kumpanija

Dazju ta’ kontra d-dumping

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Cionlli Bicycle (Taicang) Co. Ltd., Shunde Hongli Bicycle Parts Co. Ltd. u Safe Strong Bicycle Parts Shenzhen Co. Ltd.

7,5  %

A787

Giching Bicycle parts (Shenzhen) Co. Ltd. u Velo Cycle Kunshan Co. Ltd.

0  %

A788

Il-kumpaniji l-oħra kollha

30,9  %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun suġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tkunx ippreżentata din il-fattura, għandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-għoti ta’ garanzija, ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.

5.   Kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Bla ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, partijiet interessati jistgħu jitolbu l-kxif tal-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom dan ir-Regolament ġie adottat, jesponu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u japplikaw għas-smigħ orali mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU C 84, 7.4.2006, p. 4.

(3)  (Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ. Direzzjoni B, 1049 Brussell, Belgju).


ANNESS

Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-kumpanija, fil-format li ġej:

(1)

L-isem u l-kariga ta’ l-uffiċjal tal-kumpanija li ħarġet il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li [volum] mqagħad mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea koperti b’din il-fattura ġew immanifatturat minn [isem u indirizz tal-kumpanija] [kodiċi addizzjonali TARIC] fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija kompluta u korretta.”