1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

654


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1998/2006

tal-15 ta’ Diċembru 2006

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna Statali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi, permezz ta' regolament, livell li taħtu l-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jkunux jilħqu l-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għalhekk ma jkunux jaqgħu taħt il-proċedura ta’ notifika stipulata fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(2)

Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat u kkjarifikat, b’mod partikolari, f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet, il-kunċett ta’ għajnuna, fi ħdan it-tifsir ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni stqarret il-politika tagħha dwar limitu massimu de minimis, li taħtu l-Artikolu 87(1) jista’ jitqies li ma japplikax, għall-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna Statali (3), u sussegwentement fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna de minimis (4). Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u sabiex jittieħed kont ta’ l-evoluzzjoni ta’ l-inflazzjoni u tal-prodott gross domestiku fil-Komunità sa u li jinkludi l-2006 u ta' l-iżviluppi mistennija matul il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, jidher li jkun xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 69/2001 u biex dak ir-Regolament jiġi mibdul.

(3)

Minħabba r-regoli speċjali li japplikaw fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, is-sajd u l-akwakultura u r-riskju li ammonti iżgħar ta’ għajnuna minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat f’dawk is-setturi, huwa xieraq li dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dawk is-setturi. Meta wieħed jikkunsidra l-evoluzzjoni fil-qasam tat-trasport, b'mod partikolari r-ristrutturar ta' ħafna mill-attivitajiet tat-trasport wara l-liberalizzazzjoni tagħhom, m'għadux xieraq li jiġi eskluż il-qasam tat-trasport mill-iskop tar-Regolament de minimis. Għalhekk l-għan ta' dan ir-Regolament għandu jiġi estiż għas settur tat-trasport kollu. Iżda l-limitu massimu ġenerali de minimis għandu jiġi adottat sabiex jitqiesu l-intrapriżi ta’ daqs żgħir attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u passiġieri. Għall-istess raġunijiet, kif ukoll minħabba l-produzzjoni żejda tas-settur u ta' l-għanijiet tal-politika tat-trasport fir-rigward tal-konġestjoni tat-toroq u t-trasport tal-merkanzija, għandha tiġi eskluża għajnuna għax-xiri tal-vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn intrapriżi li jeżegwixxu trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u ħlas. Dan madankollu, ma jġibx fid-dubju l-approċċ favorevoli tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna Statali għal vetturi li ma jħammġux u li jħarsu l-ambjent fl-istrumenti tal-Komunità għajr minn dan ir-Regolament. Fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna Statali lill-industrija tal-faħam (5), dan ir-regolament ma ghandux japplika għas-settur tal-faħam.

(4)

Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli, fuq naħa, u dawk ta’ prodotti mhux agrikoli, fuq in-naħa l-oħra, dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli, sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. La attivitajiet fl-irziezet meħtieġa għat-tħejjija ta' prodott għall-ewwel bejgħ, bħal ħsad, il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali, l-ippakkjar tal-bajd eċċ., u lanqas l-ewwel bejgħ lil dawk li jbigħu mill-ġdid jew lill-proċessuri ma għandux hawnhekk ikun ikkunsidrat bħala pproċessar jew marketing. Mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuna mogħtija lill-intrapriżi attivi fl-ipproċessar jew il-marketing ta’ prodotti agrikoli ma għandhiex tibqa' tkun suġġetta għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1860/2004 tas-6 ta' Ottubru 2004 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE lill-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura u tas-sajd (6). Ir-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq.

(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliet li, darba l-Komunità tkun illeġiżlat għat-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari ta’ l-agrikoltura, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jieħdu l-ebda miżura li tista’ timminah jew li toħloq eċċezzjonijiet għalih. Għal din ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffisat fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità tal-prodotti mixtrija jew mqegħda fis-suq. Lanqas ma għandu japplika għall-appoġġ de minimis marbut ma' obbligu li jinqasam mal-produtturi primarji.

(6)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna de minimis ta’ l-esportazzjoni jew għajnuna de minimis li tiffavorixxi prodotti domestiċi fuq dawk importati. B’mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi oħra. Għajnuna għal spejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(7)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal intrapriżi li jkunu f'diffikultà fi ħdan it-tifsira tal-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna Statali sabiex jiġu salvati u rristrutturati intrapriżi li jkunu f'diffikultà (7) fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta għad-deċiżjoni ta' l-għotja grossa ekwivalenti ta' l-għajnuna mogħtija għal dan it-tip ta' intrapriżi.

(8)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-Kummissjoni, wieħed jista’ jistabbilixxi li għajnuna li ma tkunx taqbeż limitu ta’ EUR 200 000 fuq kull perjodu ta’ tlett snin ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma ttellifx jew ma theddidx il-kompetizzjoni u għaldaqstant ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Fir-rigward intrapriżi attivi fis-settur tat-trasport bit-triq, dan il-limitu għandu jiġi stabbilit għal EUR 100 000.

(9)

Is-snin li wieħed għandu jikkonsidra għal dan il-għan huma s-snin fiskali kif użati għal skopijiet fiskali mill-intrapriżi fl-Istat Membru kkonċernat. Il-perjodu rilevanti ta’ tlett snin għandu jkun evalwat fuq bażi rotanti sabiex, għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, ikun jista’ jiġi determinat l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta’ qabel. Għajnuna mogħtija minn Stat Membru għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni għal dan l-iskop anki meta tkun iffinanzjata għal kollox jew parzjalment minn riżorsi li jkunu joriġinaw fil-Komunità. L-għajnuna li taqbeż il-limitu de minimis ma tistax tinqasam f’numru ta’ partijiet iżgħar biex dawn il-partijiet ikun japplika għalihom dan ir-Regolament.

(10)

Skond il-prinċipji li jiggvernaw l-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali biex tingħata din l-għajnuna jkun dikjarat lill-intrapriża taħt ir-reġim nazzjonali legali li jkun applikabbli.

(11)

Sabiex tiġi evitata l-evażjoni ta’ l-intensitajiet ta’ l-għajnuna massima pprovduti fi strumenti differenti tal-Komunità għajnuna de minimis ma tistax tiġi akkumulata ma’ l-għajnuna Statali fir-rigward ta' l-istess spejjeż eleġibbli jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dak iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ f'regolament għall-eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

(12)

L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm it-trasparenza, it-trattament indaqs u l-applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex dan il-kalkolu jitħaffef u skond il-prattika preżenti ta’ applikazzjoni tar-regola de minimis, l-ammonti ta’ l-għajnuna li ma jkunux taħt forma ta’ għotja ta’ flus ikunu konvertiti fl-ekwivalenti tagħhom bħala għotja grossa. Il-kalkolu ta’ l-għotja ekwivalenti għal tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew għajnuna li jkunu mħallsa bin-nifs, jeħtieġ l-użu ta’ rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat għajnuna bħal dik. Bil-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli ta' l-għajnuna Statali, ir-rati tas-suq għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala r-rata ta' referenza perjodikament iffissati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fuq l-Internet. Iżda, jistà jkun neċessarju li jiġu miżjuda punti bażiċi addizzjonali b'żieda tar-rata minima minħabba is-sigurtajiet ipprovduti jew ir-riskju assoċjat mal-benefiċċjarju.

(13)

Bil-għan li jkun hemm trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li hija trasparenti. L-għajnuna trasparenti hija għajnuna li tagħha huwa possibbli tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir analiżi tar-riskju. Kalkolu preċiż bħal dan jista’, per eżempju, jsir dwar għotjiet, sussidji ta’ rati ta’ interess u eżenzjonijiet limitati tat-taxxa. L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-fondi pubbliċi tkun inqas mil-limitu de minimis. L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ riskju ta’ kapital imsemmija fil-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna Statali biex ikunu promossi l-investimenti ta’ riskju ta’ kapital f'intrapriżi żgħar (8) u ta’ daqs medju, m’għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-iskema ta’ riskju ta’ kapital ikkonċernata tipprovdi kapital biss sal-limitu de minimis għal kull intrapriża prevista. L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti l-għotja grossa ekwivalenti tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' rati ta' interess tas-suq li jintużaw fil-mument li tkun ingħatat għajnuna.

(14)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura, adottata minn Stat Membru, tistà ma tiġix ikkunsidrata bħala għajnuna Statali fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat fuq il-bażi ta' raġunijiet oħra barra minn dawk imsemmija f'dan ir-Regolament, bħal per eżempju, fil-każ ta' injezzjonijiet ta' kapital, minħabba li miżura bħal din ġiet deċiża f'konformità mal-prinċipju ta' investitur fis-suq.

(15)

Huwa neċessarju li tiġi pprovduta ċertezza legali għal skemi ta' garanzija li ma għandhomx il-potenzjal li jaffettwaw il-kummerċ u jfixklu l-kompetizzjoni u li dwarhom hemm biżżejjed data biex jiġu evalwati sew kwalunkwe effetti potenzjali. Dan ir-Regolament għalhekk għandu jittrasponi l-limitu ġenerali de minimis ta’ EUR 200 000 f’limitu speċifiku garantit ibbażat fuq l-ammont totali grantit tas-self individwali li fuqhom hija bbażata garanzija bħal din. Huwa xieraq li jiġi kkalkulat dan il-limitu speċifiku billi tintuża metodoloġija li tanalizza l-ammont ta’ għajnuna Statali inkluż fl-iskemi ta’ garanzija li jkopru s-self favur intrapriżi vijabbli. Il-metodoloġija u d-data użati biex jikkalkulaw il-limitu speċifiku ta’ garanzija għandhom jeskludu intrapriżi f’diffikultà kif imsemmi fil-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna Statali biex jiġu salvati u ristrutturati intrapriżi f’diffikultà. Dan il-limitu speċifiku m’għandux għalhekk japplika għall-għajnuna individwali ad hoc garantita barra l-iskop ta’ l-iskema ta’ garanzija, għall-għajnuna garantita lill-intrapriżi f’diffikultà, jew għal garanziji dwar it-tranżazzjonijiet bażi li ma jikkostitwixxux self, bħal per eżempju garanziji fuq tranżazzjonijiet ta' ekwità. Il-limitu speċifiku għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-fatt li meta wieħed jieħu kunsiderazzjoni ta' rata massima (rata netta ta' telf) ta' 13 %, li tirrappreżenta l-agħar xenarju possibbli għal skemi ta' garanzija fil-Komunità, garanzija ekwivalenti għal EUR 1 500 000 tista' titqies li għandha ekwivalenza ta' l-għotja grossa identika għal-limitu ġenerali de minimis. Dan l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR 750 000 fir-rigward ta' intrapriżi attivi fis-settur tat-trasport bit-triq. Ikunu biss garanziji li jkopru sa 80 % tas-self sottostanti li għandhom ikunu koperti b'dawn il-limiti speċifiċi. Metodoloġija aċċettata mill-Kummissjoni wara notifika ta' din il-metodoloġija fuq il-bażi ta' Regolament tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-għajnuna Statali, bħar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 ta' l-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna ta' investiment reġjonali nazzjonali (9), jistgħu wkoll jiġu użati mill-Istati Membri għall-għan tal-valutazzjoni ta' l-ekwivalenza grossa ta' l-għajnuna f'garanzija, jekk il-metodoloġija approvata tindirizza espliċitament it-tip ta' garanziji u t-tip ta' tranżazzjonijiet bażi trattati fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-Regolament preżenti.

(16)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura ta’ għajnuna li ma tikkonsistix f’għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital jew mizuri ta’ riskju ta’ kapital twassalx ghall-għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tkun koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna Statali jkunu rispettati u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skond ir-regoli de minimis tkun skond il-kundizzjonijiet tagħhom. Skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta’ dan billi jistabbilixxu l-mekkaniżmu meħtieġ biex jiżguraw li l-ammont totali ta' l-għajnuna de minimis, mogħti lill-istess intrapriża skond ir-regola de minimis, ma jkunx jaqbeż il-limitu ta’ EUR 200 000 fuq perjodu ta' tlett snin fiskali. Għal dak il-għan, meta l-Istati Membri jagħtu għajnuna de minimis, għandhom jinfurmaw lill-intrapriża kkonċernata bl-ammont ta’ l-għajnuna u l-karattru de minimis tagħha, billi jirreferu għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din l-Istat Membru għandu jirċievi dikjarazzjoni mill-intrapriża dwar għajnuna oħra de minimis li ngħatat matul is-sena fiskali kkonċernata u s-sentejn fiskali ta’ qabel u jigi ċċekkjat sew li l-limitu de minimis ma jinqabiżx mill-għajnuna de minimis ġdida. Inkella, għandu jkun possibbli li jiġi żgurat li l-limitu massimu ikun rispettat permezz ta' reġistru ċentrali, jew, fil-każ ta' skemi ta' garanzija mwaqqfa mill-Fond Ewropew għall-Investiment, dan ta' l-aħħar jistà jfassal hu stess lista ta' benefiċjarji u jobbliga lill-Istati Membri li jinfurmaw lill-benefiċjarji bl-għajnuna de minimis irċevuta.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006. Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2007. Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (KE) Nru 69/2001 ma kienx japplika għas-settur tat-trasport, li sa issa ma kienx soġġett għad-de minimis; peress li l-ammont de minimis limitat ħafna applikabbli fis-settur ta' l-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli, u sakemm jintlaqgħu ċerti kundizzjonijiet, dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija qabel ma jkun daħal fis-seħħ għal intrapriżi li jkunu attivi fis-settur tat-trasport, u fis-settur ta' l-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli. Barra minn hekk, kull għotja individwali mogħtija skond ir-Regolament (KE) Nru 69/2001 matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tibqa' mhux affettwata minn dan ir-Regolament.

(19)

Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika ta' l-għajnuna Statali, ikun xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. F’każ li dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Firxa ta' l-Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-intrapriżi fis-setturi kollha, ħlief għal:

(a)

għajnuna mogħtija lill-intrapriżi għall-attivitajiet fis-setturi tas-sajd u ta' l-akwakultura, koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (10);

(b)

għajnuna mogħtija lill-intrapriżi għall-attivitajiet fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli kif imniżżla fl-Anness I tat-Trattat;

(c)

għajnuna mogħtija lill-intrapriżi għall-attivitajiet fl-ipproċessar u l-marketing tal-prodotti agrikoli kif imniżżla fl-Anness I tat-Trattat, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

meta l-ammont ta’ l-għajnuna huwa ffissat fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta' prodotti bħal dawn mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-intrapriżi kkonċernati,

(ii)

meta l-għajnuna tingħata bil-kundizzjoni li tingħata parzjalment jew kollha lill-produtturi primarji;

(d)

għajnuna lill-attivitajiet relatati ma' l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma' kwantitajiet esportati, it-twaqqif u l-operazzjoni ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew nefqa oħra kurrenti marbuta ma' l-attività ta' l-esportazzjoni;

(e)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati;

(f)

għajnuna mogħtija lill-intrapriżi attivi fis-settur tal-faħam, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002;

(g)

għajnuna għall-akkwist ta' vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq mogħtija lill-intrapriżi li jeżegwixxu trasport tal-merkanzija bit-triq għal kiri u ħlas;

(h)

għajnuna garantita lill-intrapriżi f’diffikultà.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“prodotti agrikoli” tfisser prodotti mniżżla fl-Anness I tat-Trattat tal-KE, ħlief għal prodotti tas-sajd;

(b)

“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” ifisser kull operazzjoni fuq prodott agrikolu li jwassal biex prodott li jkun ukoll prodott agrikolu, ħlief għall-attivitajiet tar-razzett meħtieġa biex jitħejja prodott minn annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ;

(c)

marketing ta’ prodotti agrikoli” tfisser li tagħmel jew tesponi għall-bejgħ, toffri għall-bejgħ, distribuzzjoni jew xi mod ieħor kif jitqiegħed fis-suq, ħlief l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min ibiegħ mill-ġdid jew proċessuri u kull attività ta’ preparazzjoni ta’ prodott għal dan l-ewwel bejgħ; bejgħ mill-produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jitqies bħala marketing jekk dan iseħħ f'post separat riżervat għal dak il-għan;

Artikolu 2

Għajnuna de minimis

1.   Miżuri ta' għajnuna għandhom jitqiesu li ma jilħqux il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandhom għalhekk ikunu eżenti mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jekk dawn ikunu jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil xi intrapriża waħda m’għandhiex taqbeż EUR 200 000 fuq kwalunkwe perijodu ta' tlett snin fiskali. L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kwalunkwe intrapriża attiva fil-qasam tat-trasport mit-toroq m’għandhiex taqbeż EUR 100 000 fuq kwalunkwe perijodu ta' tlett snin fiskali. Dawn il-limiti għandhom japplikaw irrespettivament tal-forma ta' l-għajnuna de minimis jew l-għan meħud u rrilevanti jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tkunx iffinanzjata b'mod sħiħ jew parti mir-riżorsi ta' oriġini Komunitarja. Il-perjodu għandu jkun deċiż b’referenza għas-snin fiskali użati mill-intrapriża fl-Istat Membru kkonċernat.

Meta ammont totali ta’ għajnuna jaqbeż dan il-limitu, dak l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anki għal frazzjoni li ma taqbiżx dak il-limitu. F’każ bħal dan, il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintalab għal din il- miżura ta' għajnuna la fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, u lanqas f’xi żmien ieħor suċċessiv.

3.   Il-limitu stipulat fil-paragrafu 2 għandu jkun espress bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi dritt ieħor. Fejn għajnuna tingħata f'forma oħra barra minn għotja, l-ammont ta' għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti ta' l-għajnuna bħala għotja grossa.

Għajnuna li titħallas f'diversi ħlasijiet bin-nifs għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument ta' l-għotja. Ir-rata ta' l-imgħax li għandha tintuża għall-skopijiet ta' skont u biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti bħala għotja grossa għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument ta’ l-għotja.

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jsir kalkolu preċiż tal-għotja grossa ekwivalenti ta’ l-għajnuna ex ante mingħajr il-bżonn ta’ analiżi ta’ riskju (“għajnuna trasparenti”). B’mod partikolari:

(a)

L-għajnuna inkluża f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti meta l-għotja grossa ekwivalenti tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' rati ta' interess tas-suq li jintużaw fil-mument li tkun ingħatat l-għajnuna.

(b)

L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis.

(c)

L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ kapital ta’ riskju m’għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-iskema ta’ kapital ta’ riskju kkonċernata tipprovdi kapital pubbliku biss sal-limitu de minimis għal kull intrapriża fil-mira.

(d)

Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà għandha titqies għajnuna de minimis trasparenti meta parti mis-self tal-garanzija pprovdut fi skema bħal din ma taqbiżx EUR 1 500 000 għal kull intrapriża. Għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ garanzija lill-intrapriżi li mhumiex intrapriżi f’diffikultà għandha titqies għajnuna de minimis trasparenti meta parti mis-self tal-garanzija pprovdut fi skema bħal din ma taqbiżx EUR 750 000 għal kull intrapriża. Jekk il-parti garantita tas-self tal-garanzija tapplika biss għal parti mogħtija ta' dan il-limitu, l-ammont ta' l-għajnuna bħala għotja grossa ta' dik il-granzija għandu jkun l-ekwivalenti għal l-istess proporzjon tal-limitu applikabbli stipulat f'Artikolu 2(2). Il-garanzija ma għandiex tkun aktar minn 80 % tas-self. L-iskemi ta' Garanzija għandhom jitqiesu wkoll bħala trasparenti jekk (i) qabel l-implimentazzjoni ta' l-iskema, ġiet aċċettata l-metodoloġija sabiex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti bħala għotja grossa tal-garanziji wara n-notifika ta' din il-metodoloġija lill-Kummissjoni taħt Regolament ieħor adottat mill-Kummissjoni fil-qasam ta' l-għajnuna ta' l-Istati u t-tip tat-tranżazzjonijiet bażi involuti fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

5.   L-għajnuna de minimis ma għandiex tiġi akkumulata ma' l-għajnuna ta' l-Istat fir-rigward ta' l-istess spejjes eleġibbli jekk din l-akkumulazzjoni tirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż dak fissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ f'regolament għall-eżenzjoni ġenerali jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-Monitoraġġ

1.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil intrapriża, għandu jinforma lil dik l-intrapriża bil-miktub dwar l-ammont ta' l-għajnuna (espressa bħala ekwivalenti ta’ għotja gross) u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta l-għajnuna de minimis tingħata lil intrapriżi differenti fuq il-bażi ta' l-iskema u ammont differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk il-intrapriżi fl-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel lil jonora dan l-obbligu billi jinforma lill-intrapriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi ma’ l-ammont massimu ta’ għajnuna li ser tingħata f’din l-iskema. F’każ bħal dan, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi determinat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2) jintlaħaqx. L-Istat Membru għandu wkoll jikseb, qabel l-għoti ta’ l-għajnuna, mill-intrapriża kkonċernata dikjarazzjoni bil-miktub jew f’forma elettronika dwar xi għajnuna oħra de minimis li tkun irċeviet matul is-sentejn fiskali preċedenti u s-sena fiskali kurrenti.

L-Istat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis il-ġdida biss wara li jkun ivverifika li din ma tkunx se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis miksuba mill-intrapriża matul il-perjodu li jkopri s-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll is-sentejn fiskali preċedenti f’dak l-Istat Membru għal livell 'il fuq mill-limitu stipulat fl-Artikolu 2(2).

2.   Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, l-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 ma japplikax aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tlett snin.

Meta Stat Membru jgħati għajnuna fuq bażi ta' skema ta' garanzija li tipprovdi garanzija li hi ffinanzjata mill-baġit ta' l-UE taħt il-mandat permezz tal-Fond Ewropew għall-Investiment, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu jistà jieqaf milli japplika.

F'każijiet bħal dawn, għandha tiġi applikata s-sistema ta' sorveljanza li jmiss.

(a)

Il-Fond Ewropew għall-Investiment għandu jitabbilixxi, fuq bażi annwali, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li jissuplixxu l-intermedjarji finanzjarji lill-EIF, lista tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna u l-għajnuna bħala għotja grossa ekwivalenti rċevuta minn kull wieħed minnhom. Il-Fond Ewropew għall-Investiment għandu jibgħat din l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni; u

(b)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jxerred dik l-informazzjoni lill-benefiċarji finali fi żmien tlett xhur wara li jirċievu din l-informazzjoni mill-Fond Ewropew għall-Investiment; u

(c)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb dikjarazzjoni minn kull benefiċjarju li l-għajnuna de minimis totali li jkun rċieva ma teċċedix il-limitu stipulat f'Artikolu 2(2). F'każ li l-limitu jinqabeż fir-rigward ta' wieħed jew aktar benefiċjarji, l-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li l-miżura ta' l-għajnuna li twassal sabiex jinqabeż il-limitu tkun innotifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mill-benefiċjarju.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru kull informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan it-tagħrif għandu jkollu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. L-informazzjoni dwar għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat. Għandhom jinżammu d-dokumentazzjoni fir-rigward ta' skema ta' għajnuna għal perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha kienet ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt dik l-iskema. Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta’ xogħol, jew dak il-perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tistma jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam l-ammont totali ta' għajnuna de minimis miksuba minn xi intrapriża.

Artikolu 4

Emenda

L-Artikolu 2 ta' Regolament (KE) Nru 1860/2004 huwa emendat kif ġej:

(a)

f'punt 1, il-kliem “ipproċessar u marketing” huma mħassra

(b)

punt 3 huwa mħassar.

Artikolu 5

Miżuri tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat għal għajnuna mogħtija qabel ma ġiet implimentata għall-intrapriżi attivi fil-qasam tat-trasport u intrapriżi attivi fl-ipproċessar u l-marketing ta’ prodotti agrikoli jekk l-għajnuna tikkonformax mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikoli 1 u 2. Kull għajnuna li ma tikkonformax ma' dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi evalwata mill-Kummissjoni skond il-qafas, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

2.   Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn it-2 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2007, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 69/2001, għandha titqies li ma tilħaqx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

3.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kull għajnuna de minimis li tilħaq il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi implimentata b’mod validu għal perjodu ta’ sitt xhur.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 137, 10.6.2006, p. 4.

(3)  ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9.

(4)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30.

(5)  ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 4.

(7)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(8)  ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2.

(9)  ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

(10)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.