22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

246


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1979/2006

tat-22 ta' Diċembru 2006

li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti proċessati tal-frott u l-ħxejjex, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu (1),

Billi:

(1)

Wara l-Ftehim dwar l-Agrikoltura (2) konkluż waqt ir-Rawnd tal-Urugwaj tan-negozjati kummmerċjali multilaterali, il-Komunità impenjat lilha nnifisha li tiftaħ mill-1 ta’ Lulju 1995, taħt ċerti kondizzjonijiet, il-kwoti tariffarji Komunitarji għal ċertu faqqiegħ ippreservat tal-ġenus Agricus spp.

(2)

Il-kondizzjonijiet għall-amministrazzjoni ta’ dawk il-kwoti kienu stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1864/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi (3). Minħabba ċ-ċarezza, dak ir-Regolament għandu jkun irrevokat u sostitwit minn regolament ġdid sa mill-1 ta’ Jannar 2007.

(3)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/398/KE (4), jipprevedi għal żieda b’5 200 tunnellata tal-kwota tariffarja ta’ faqqiegħ ippreżervat tal-ġenus Agaricus li jaqa’ fil-kodiċi NM 0711 51 00, 2003 10 20 u 2003 10 30 li joriġina miċ-Ċina.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji ta’ importazzjoni għal prodotti agrikoli mmexxijin minn sistemi ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (5) japplika għal liċenzji ta’ importazzjoni għal perjodi ta’ kwota tariffarja ta’ importazzjoni li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistabbilixxi b’mod partikolari dispożizzjonijiet detttaljati dwar applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ importazzjoni, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ ta’ liċenzji. Dak ir-Regolament jillimita l-perijodu ta’ validità ta’ liċenzji sa l-aħħar jum tal-perjodu ta’ kwota tariffarja ta’ importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw għal liċenzji ta’ importazzjonijiet maħruġin skont dan ir-Regolament, mingħajr ħsara għal kondizzjonijiet u derogi addizzjonali rigward l-applikanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(5)

Għandhom ikunu stabbiliti arranġamenti dettaljati biex jiżguraw li l-kwantitajiet f’eċċess tal-kwoti tariffarji jkunu soġġetti għal dazju sħiħ previst fit-Tariffa Doganali Komuni. Il-liċenzji għandhom għalhekk jinħarġu fl-aħħar ta’ perjodu li fih il-kwantitajiet huma kkontrollati u jsiru n-notifiki meħtieġa mill-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet huma jew supplimentari għal jew jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u ċertifikati ta’ stabbiliment minn qabel għal prodotti agrikoli (6).

(6)

Għandu jkompli jkun hemm forniment adegwat tal-prodotti kkonċernati fis-suq Komunitarju bi prezzijiet stabbli waqt li jkun evitat xkiel mhux meħtieġ tas-suq fil-forma ta’ flutwazzjonijiet severi fil-prezz u effetti negattivi fuq il-produtturi Komunitarji. Għal dan il-għan, il-kompetizzjoni fost l-importaturi għandha tkun mħeġġa aktar u l-piżijiet amministrattivi fuq l-importaturi għandhom jitnaqqsu.

(7)

Fl-interess tal-importaturi eżistenti, li normalment jimportaw kwantitajiet sostanzjali tal-prodotti kkonċernati, u wkoll fl-interess ta’ importaturi ġodda li jissieħbu fis-suq u li għandu jkollhom ukoll opportunità ġusta sabiex japplikaw għal liċenzji għal kwantità ta’ faqqiegħ ippreżervat taħt il-kwoti tariffarji, għandha ssir distinzjoni bejn importaturi tradizzjonali u importaturi ġodda. Għandha tingħata definizzjoni ċara ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ importaturi, u għandhom ikunu stabbiliti ċerti kriterji rigward l-istatus tal-applikanti u l-użu tal-liċenzji allokati.

(8)

Huwa adatt li tkun stabbilita allokazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ importaturi fuq il-bażi tal-kwantitajiet effettivament importati aktar milli fuq il-bażi tal-liċenzji maħruġa.

(9)

Fl-interess tal-importaturi eżistenti, dawk il-kwantitajiet ta’ faqqiegħ ippreżervat li jaqgħu fil-kwoti tariffarji ġestiti minn dan ir-Regolament u li ma jistgħux jiġu importati waqt perjodu ta’ kwota tariffarja ta’ importazzjoni minħabba force majeure għandhom ukoll ikunu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ referenza, sabiex ikun evitat it-tnaqqis sussegwenti tal-kwantità ta’ referenza tagħhom.

(10)

L-applikazzjonijiet għal liċenzji għal faqqiegħ ippreżervat importat minn pajjiżi terzi ppreżentati minn kull kategorija ta’ importaturi għandhom ikunu soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet. Dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa biex jiżguraw mhux biss li l-kompetizzjoni bejn l-importaturi tinżamm, iżda wkoll biex kull importatur b’attività kummerċjali ġenwina fis-suq tal-frott u l-ħxejjex jingħata l-opportunità li jiddefendi l-pożizzjonijiet kummerċjali leġittimi tiegħu fir-rigward ta' importaturi oħra u li l-ebda importatur ma jkun jista’ jikkontrolla s-suq waħdu.

(11)

Sabiex tittejjeb u tkun issemplifikata l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreżervat, għandhom isiru dispożizzjonijiet ċari rigward id-dati u l-proċeduri għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal liċenzja u l-ħruġ tal-liċenzji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(12)

Huma meħtieġa wkoll miżuri biex jinżammu għal minimu applikazzjonijiet spekulattivi għal liċenzji li jistgħu jirriżultaw fi kwoti tariffarji li ma jkunux utilizzati għal kollox. Minħabba n-natura u l-valur tal-prodott ikkonċernat, għandha tkun stabbilita garanzija rigward kull tunnellata (piż nett imnixxef) tal-prodott ikkonċernat li għalih issir applikazzjoni għal liċenzja għal importazzjoni. Il-garanzija għandha tkun f’livell suffiċjentement għoli biex tiskoraġġixxi applikazzjonijiet spekulattivi, iżda mhux għolja biżżejjed biex tiskoraġixxi lil dawk involuti f’attività kummerċjali ġenwina f’relazzjoni ma’ prodotti ta’ frott u ħxejjex ipproċessati. Il-kriterji oġġettivi l-aktar adatti biex ikun stabbilit il-livell ta’ garanzija huwa limitu ta’ 2 % tad-dazju addizjonali medju applikabbli għal importazzjonijiet fil-Komunità ta’ faqqiegħ ippreżervat tal-ġenus Agaricus spp. li bħalissa jaqa’ taħt fil-kodiċi NM 0711 51 00, 2003 10 20 u 2003 10 30.

(13)

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom se jissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannnar 2007. Konsegwentement, il-kwota tal-GATT allokata bħalissa għalihom għandha tkun allokata mill-ġdid lil fornituri oħrajn.

(14)

Għandhom ikunu stabbiliti miżuri tranżitorji sabiex jippermettu lill-importaturi mill-Bulgarija u mir-Rumanija sabiex jibbenefikaw minn dan ir-Regolament.

(15)

Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti għas-snin 2007 u 2008 biex jiżguraw li ssir distinzjoni bejn, min-naħa waħda, importaturi tradizzjonali u importaturi ġodda fil-Komunità kif ikkostitwit fil-31 ta’ Diċembru 2006 u, min-naħa l-oħra, importaturi tradizzjonali u importaturi ġodda mill-Bulgarija u r-Rumanija.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Prodotti Proċessati mill-Frott u l-Ħxejjex.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ftuħ ta’ kwoti tariffarji u dazji applikabbli

1.   B’dan il-kwoti tariffarji qed jinfetħu b’relazzjoni għal importazzjonijiet fil-Komunità ta’ faqqiegħ ippreżervat tal-ġenus Agaricus klassifikabbli fil-kodiċi NM 0711 51 00, 2003 10 20 u 2003 10 30 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala “faqqiegħ ippreżervat”), soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-volum ta’ kull waħda mill-kwoti tariffarji, in-numru tal-ordni tagħhom u l-perjodu li japplikaw għalih, huma speċifikati fl-Anness I.

2.   Ir-rata ta’ dazju applikabbli għandha tkun ta’ 12 % ad valorem fil-każ ta’ prodotti li jaqgħu fil-kodiċi NM 0711 51 00 u 23 % fil-każ ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2003 10 20 u 2003 10 30.

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1301/2006

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw, ħlief jekk previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. “awtoritajiet kompetenti” għandha tfisser korp jew korpi maħtura mill-Istat Membru għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “kwantità ta’ referenza” għandha tfisser il-kwantità massima (piż nettt imnixxef) ta’ faqqiegħ ippreżervat importat kull sena kalendarja minn importatur tradizzjonali waqt waħda mill-aħħar tliet snin kalendarji.

L-importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreżervat li joriġina fl-Istati Membri tal-Komunità kif ikkostitwiti fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew fil-Bulgarija u r-Rumanija m’għandhomx ikunu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kwantità ta’ referenza.

Il-kwantitajiet ta’ faqqiegħ ippreżervat li jaqgħu taħt il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1(1) u li ma jistgħux jiġu importati waqt il-perjodu ta’ kwota tariffarja ta’ importazzjoni minħabba force majeure għandhom ikunu kkunsidrati fil-kalkolu tal-kwantità ta’ referenza.

Artikolu 4

Kategoriji ta’ importaturi

1.   Bħala deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, “importaturi tradizzjonali” għandha tfisser importaturi li jistgħu jipprovaw li:

(a)

huma importaw fil-Komunità faqqiegħ ippreżervat f’tal-inqas tnejn mit-tliet snin kalendarji preċedenti;

(b)

huma importaw fil-Komunità minn tal-inqas 100 tunnellata ta’ prodotti ta’ frott u ħxejjex ipproċessati, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, waqt is-sena preċedenti għall-applikazzjoni tagħhom.

2.   B’deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, “importaturi ġodda” għandha tfisser importaturi barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li importaw fil-Komunità tal-inqas 50 tunnellata ta’ prodotti ta’ frott u ħxejjex ipproċessati, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2201/96, f’kull waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti.

3.   L-importaturi tradizzjonali u ġodda għandhom jippreżentaw il-prova li l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 jew 2 intlaħqu, waqt l-ewwel applikazzjoni tagħhom għal perjodu ta’ kwota tariffarja ta’ importazzjoni partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li huma stabbiliti fih u li huma reġistrati fih għal finijiet tal-VAT.

Il-prova ta’ kummerċ ma’ pajjiżi terzi għandha tingħata esklussivament permezz ta’ dokumenti doganali ta’ rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, approvati debitament mill-awtoritajiet doganali u li jinkludu referenza għall-applikant ikkonċernat bħala li huwa d-destinatarju.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet għal liċenzja u liċenzji

1.   Il-liċenzji ta’ importazzjoni (minn hawn 'il quddiem “liċenzji”) għandhom ikunu validi mid-data effettiva tal-ħruġ tagħhom fit-tifsira tal-Artikolu 2392) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000.

2.   L-ammont tal-garanzija għandu jkun ta’ EUR 40 kull tunnellata (piż nett imnixxef).

3.   Il-pajjiż tal-oriġini għandu jiddaħħal fil-kaxxa 8 tal-applikazzjoni ta’ liċenzja u tal-liċenzja, u l-kelma “iva” għandha tkun immarkata b’salib. Il-liċenzja għandha tkun valida biss għal importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiż indikat.

4.   B’deroga mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, id-drittijiet li joriġinaw mil-liċenzji ta’ importazzjoni m’għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 6

Allokazzjoni ta’ kwantitajiet totali fost l-importaturi tradizzjonali u ġodda

1.   Il-kwantità totali allokata liċ-Ċina u li pajjiżi terzi oħra, skont l-Anness I, għandha tinqasam kif ġej:

(a)

95 % lill-importaturi tradizzjonali;

(b)

5 % lill-importaturi ġodda.

2.   Jekk il-kwantità allokata liċ-Ċina u lil pajjiżi terzi oħra mhijiex użata għal kollox minn kategorija waħda ta’ importaturi, il-bqija għandha tkun allokata lill-kategorija l-oħra.

3.   Il-kaxxa 20 tal-applikazzjonijiet għal liċenzja għandha tindika “importatur tradizzjonali” jew “importatur ġdid”, kif jixraq.

Artikolu 7

Restrizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet

1.   L-ammont totali (piż nett imnixxef) tal-aplikazzjonijiet għal liċenzja tal-importazzjoni fil-Komunità ta’ faqqiegħ ippreżervat ippreżentat minn importatur tradizzjonali ma jistax ikun relatati ma’ kwantità li taqbeż il-150 % tal-kwantità ta’ referenza.

2.   L-ammont totali (piż nett imnixxef) tal-applikazzjonijiet għal liċenzja għal importazzjoni fil-Komunità ta’ faqqiegħ ippreżervat ippreżentat minn importatur ġdid għal ċerta oriġini ma jistax jaqbeż il-1 % tal-kwantità totali msemmija fl-Anness I għal dik l-oriġini.

Artikolu 8

Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal liċenzja minn importaturi

1.   L-importaturi jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal liċenzji waqt l-ewwel ħamest ijiem ta’ xogħol ta’ Jannar.

2.   Meta importtauri ġodda jkunu akkwistaw liċenzji skont ir-Regolament (KE) Nru 1864/2004 jew dan ir-Regolament fis-sena kalendarja preċedenti, huma għandhom jipproduċu wkoll prova li tal-anqas 50 % tal-kwantità allokata lilhom fil-fatt kienet rilaxxata fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

Artikolu 9

Notifiki ta’ applikazzjonijiet għal liċenzja

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-għaxar jum ta’ xogħol ta’ Jannar, bil-kwantitajiet f’kilogrammi li għalihom kienu ppreżentati applikazzjonijiet għal liċenzja.

In-notifiki għandhom ikunu diviżi skont il-kodiċi NM u l-oriġini, u għandhom jingħataw ukoll ċifri separati għall-kwantitajiet ta’ kull prodott applikati minn importaturi tradizzjonali u ġodda, rispetttivament.

Artikolu 10

Ħruġ ta’ liċenzji

Il-liċenzji għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fis-seba’ jum ta’ xogħol wara l-iskadenza għal notifika prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9.

Artikolu 11

Impenji internazzjonali applikabbli għal importazzjonijiet miċ-Ċina

1.   Id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità ta’ faqqiegħ ippreżervat li joriġina miċ-Ċina għandu jkun soġġett għall-Artikoli 55 sa 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 (7).

2.   L-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċ-ċertifikat ta’ oriġini għall-faqqiegħ ippreżervat li joriġina miċ-Ċina huma elenkati fl-Anness II.

Artikolu 12

Kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw kooperazzjoni amministrattiva reċiproka bil-ħsieb li jiżguraw li r-Regolament ikun adottat kif adatt.

Artikolu 13

Miżuri tranżizzjonali għas-snin 2007 u 2008

B’deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), għas-snin 2007 u 2008, u biss fil-Bulgarija u r-Rumanija, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“importaturi tradizzjonali” għandha tfisser importaturi li jistgħu jipprovaw li:

(a)

huma importaw faqqiegħ ippreżervat f’tal-inqas tnejn mit-tliet snin kalendarji preċedenti;

(b)

huma importaw waqt is-sena kalendarji preċedenti tal-inqas 100 tunnellata ta’ prodotti ta’ frott u ħxejjex ipproċessati, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96;

(c)

l-importazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) saru fil-Bulgarija jew fir-Rumanija, fejn l-importatur ikkonċernat għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(2)

“importaturi ġodda” għandha tfisser importaturi barra minn dawk imsemmija fil-punt 1, li importaw fil-Bulgarija jew fir-Rumanija tal-inqas 50 tunnelllata ta’ prodotti ta’ frott jew ħxejjex ipproċessati, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/96, f’kull waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti.

Artikolu 14

Revoka

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1864/2004 huwa revokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

L-Artikolu 13 għandu japplika soġġett għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 297, 21.11.1996, p. 29. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 386/2004 (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 25).

(2)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

(3)  ĠU L 325, 28.10.2004, p. 30. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1995/2005 (ĠU L 320, 8.12.2005, p. 34).

(4)  ĠU L 154, 8.6.2006, p. 22.

(5)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.

(6)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 410/2006 (ĠU L 71, 10.3.2006, p. 7).

(7)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS I

Volum, numri tal-ordni u perjodu ta’ applikazzjoni tal-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1(1) f’tunnelllati (piż nett imnixxef)

Pajjiż ta’ oriġini

Numri ta’ ordni

1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena

Ċina

Importaturi tradizzjonali: 09,4157

Importaturi ġodda: 09,4193

28 950

Pajjiżi terzi oħra

Importaturi tradizzjonali: 09,4158

Importaturi ġodda: 09,4194

5 030


ANNESS II

Lista ta’ awtoritajiet Ċiniżi kompetenti għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini msemmija fl-Artikolu 10(2):

Amministrazzjoni Ġenerali tas-Superviżjoni tal-Kwalità

Spezzjoni għad-Dħul u l-Ħruġ u l-Uffiċċju għall-Kwarantina tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fi:

Bejġing

Jiangxi

Shenzhen

Shanxi

Zhuhai

Ningxia

Mongolja ta’ Ġewwa

Sichuan

Tianjin

Hebei

Chongqing

Shanghai

Liaoning

Yunnan

Ningbo

Jilin

Guizhou

Jiangsu

Shandong

Shaanxi

Guangxi

Zhejiang

Gansu

Heilongjiang

Anhui

Qinghai

Hainan

Hubei

Tibet

Henan

Guangdong

Fujian

Xinjiang

Xiamen

 

Hunan