9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

455


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1975/2006

tas-7 ta' Diċembru 2006

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar is-sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 51(4), 74(4) u 91 tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza turi li s-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll (minn hawn ’il quddiem imsejħa “IACS”), prevista fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (2), kienet mezz effikaċi u effiċjenti sabiex jiġu implimentati l-iskemi ta’ ħlas dirett. Għalhekk, safejn huma kkonċernati l-miżuri relatati maż-żona u ma’ l-annimali, taħt l-Assi 2 fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-amministrazzjoni u r-regoli tal-kontroll, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-tnaqqis u l-esklużjonijiet f’każijiet ta’ dikjarazzjonijiet foloz, relatati ma’ dawn il-miżuri, għandhom isegwu l-prinċipji stabbiliti fil-IACS, u b’mod partikolari fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (3).

(2)

Madankollu, għal ċerti skemi ta’ sostenn stipulati skond l-Assi 2, u s-sostenn ekwivalenti skond l-Assi 4 previsti fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ir-regoli ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll jeħtieġ jiġu adattati għall-karatteristiċi partikolari tagħhom. L-istess japplika fil-każ ta’ l-iskemi ta’ sostenn stipulati fl-Assi 1 u 3 fit-Taqsimiet 1 u 3 rispettivament ta’ dak ir-Regolament u s-sostenn ekwivalenti skond l-Assi 4. Għalhekk, għal dawk l-iskemi ta’ sostenn jeħtieġ jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet nazzjonali kollha jkunu f’pożizzjoni li jorganizzaw kontroll integrat effiċjenti fl-oqsma kollha li għalihom jintalab ħlas skond l-Assi 2, min-naħa waħda, u skond l-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona li huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 796/2004, min-naħa l-oħra, it-talbiet għall-ħlas għall-miżuri relatati maż-żona skond l-Assi 2 għandhom jiġu sottomessi sa l-istess data ta’ l-għeluq bħall-applikazzjoni unika pprovduta fil-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa, għandu jingħata perjodu tranżizzjonali.

(4)

Sabiex jiġi żgurat l-effett deterrenti tal-kontrolli, il-ħlasijiet m’għandhomx, bħala regola ġenerali, isiru qabel ma jkunu ġew finalizzati l-verifiki ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Madankollu, huwa xieraq li jkunu jistgħu jsiru ħlasijiet sa ċertu livell wara li jkunu tlestew il-verifiki amministrattivi. Meta jiġi ffissat dak il-livell, għandu jitqies ir-riskju ta’ ħlas żejjed.

(5)

Ir-regoli tal-kontroll previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċjali tal-miżuri ikkonċernati skond l-Assi 2. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli partikolari.

(6)

Skond l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-ħlasijiet taħt uħud mill-miżuri pprovduti f’dak ir-Regolament ġew soġġetti għall-ħarsien tal-kundizzjonalità kif previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Għalhekk, huwa xieraq li r-regoli relatati mal-kundizzjonalità jiġu allinjati ma’ dawk li jinsabu fir-Regolamenti (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 796/2004.

(7)

Għandhom isiru verifiki ex post dwar l-operazzjonijiet ta’ investiment sabiex jiġi verifikat il-ħarsien ta’ l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ikunu twettqu kif xieraq, u li l-istess investiment ma jkunx ġie ffinanzjat b’mod irregolari minn sorsi nazzjonali jew Komunitarji differenti. Il-bażi u l-kontenut ta’ dawn il-verifiki għandhom jiġu speċifikati.

(8)

Huma meħtieġa regoli speċjali sabiex jiġu stipulati r-responsabbiltajiet ta’ kontroll tal-gruppi ta’ azzjoni lokali msemmija fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u approvati mill-Istati Membri.

(9)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha ta’ amministazzjoni tal-miżuri, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ kontrolli li jkunu saru u dwar ir-riżultati ta’ dawn.

(10)

Il-kriterji ta’ l-eliġibbiltà kollha, stabbiliti mill-Komunità jew bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali, għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontrollati skond sett ta’ indikaturi verifikabbli.

(11)

L-Istati Membri jistgħu jużaw evidenza li huma stess ikunu rċevew minn servizzi jew organizzazzjonijiet oħra sabiex jivverifikaw il-ħarsien tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà. Madankollu, dawn għandhom ikollhom assigurazzjoni li s-servizz jew l-organizzazzjoni ikunu qed joperaw skond standard suffiċjenti sabiex tiġi kkontrollata l-konformità mal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti ċerti prinċipji ta’ kontroll ġenerali, li jkopru d-dritt tal-Kummissjoni sabiex twettaq il-verifiki.

(13)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aġenziji li jħallsu, imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4), ikollhom informazzjoni biżżejjed dwar il-kontrolli mwettqa minn servizzi jew korpi oħra sabiex jintlaħqu l-obbligi tagħhom taħt dak ir-Regolament.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

L-ambitu u d-dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

L-Ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità rigward il-miżuri ko-finanzjati ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali, stabbiliti skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Artikolu 2

L-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 796/2004

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 5, 22, 23, 69 u 73 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“Applikazzjoni għas-sostenn” tfisser l-applikazzjoni li għandha tiġi aċċettata għas-sostenn, jew sabiex din tidħol fi skema

(b)

“Talba għall-ħlas” tfisser applikazzjoni li tiġi ppreżentata minn benefiċjarju sabiex jitħallas mill-awtoritajiet nazzjonali

Artikolu 4

L-applikazzjonijiet għas-sostenn u t-talbiet għall-ħlas

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal proċeduri xierqa għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għas-sostenn.

2.   Għal miżuri b’rabtiet multiannwali, il-benefiċjarju għandu jissottometti talba annwali għall-ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-talbiet tal-ħlas annwali jekk dawn jintroduċu proċeduri effettivi alternattivi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-verifiki amministrattivi previsti fl-Artikolu 11 jew 26 kif xieraq.

3.   L-applikazzjonijiet għas-sostemm u għat-talbiet tal-ħlas jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe żmien wara s-sottomissjoni tagħhom f’każijiet ta’ żbalji ovvji li jiġu identifikati mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 5

Il-prinċipji ġenerali tal-kontroll

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji ta’ l-eliġibbiltà kollha stabbiliti mill-Komunità jew bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew permezz ta’ programmi għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu kontrollati skond sett ta’ indikaturi verifikabbli li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   Fejn ikun possibbli, fl-istess waqt għandhom isiru l-verifiki fuq il-post previsti fl-Artikoli 12, 20 u 27 kif ukoll verifiki oħra previsti fir-regolamenti tal-Komunità dwar is-sussidji agrikoli.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi, m’għandu jsir l-ebda ħlas lil benefiċjarji li dwarhom ikun ġie stabbilit li dawn ħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa b’mod artifiċjali sabiex jakkwistaw dawn il-ħlasijiet bil-ħsieb li jkollhom vantaġġ fuq l-għanijiet ta’ l-iskema ta’ sostenn.

PARTI II

Ir-regoli ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll

TITOLU I

Is-sostenn ta’ l-iżvilupp rurali għal ċerti miżuri taħt l-Assi 2 u l-Assi 4

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 6

L-Ambitu u definizzjonijiet

1.   Għajr kif previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, dan it-Titolu għandu japplika għal:

(a)

is-sostenn mogħti skond l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005;

(b)

is-sostenn mogħti skond l-Artikolu 63(a) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jikkorrispondu għall-miżuri definiti taħt l-Assi 2.

Madankollu, dan it-Titolu m’għandux japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 36(a)(vi) u (b)(vi) u (vii) u fl-Artikolu 39(5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 kif ukoll għall-miżuri taħt l-Artikolu 36(b)i) u (iii) ta’ dak ir-Regolament safejn hi kkonċernata l-ispiża ta’ l-istabbiliment.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“miżura relatata mas-superfiċje” tfisser miżuri jew sotto-miżuri li għalihom is-sostenn jiġi bbażat fuq id-daqs tas-superfiċje ddikjarata;

(b)

“miżura relatata ma’ l-annimali” tfisser miżuri jew sotto-miżuri li għalihom is-sostenn jiġi bbażat fuq in-numru ta’ annimali ddikjarati.

Artikolu 7

L-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 796/2004

L-Artikolu 2 (10), (22) u (23) u l-Artikoli 9, 18, 21 u 25 (1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-għan ta’ dan it-Titolu.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu wkoll japplika mutatis mutandis. Madankollu, għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 36(b)(iii), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art li hija soġġetta għas-sostenn.

Artikolu 8

It-talbiet għall-ħlas

1.   Għall-kuntratti kollha li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2007, it-talbiet għall-ħlas taħt il-miżuri relatati maż-żona għandhom jiġu sottomessi skond id-data ta’ l-għeluq stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-dispożizzjoni biss mis-sena tat-talba 2008. Barra mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) ta’ dak ir-Regolament, it-talba għall-ħlas għandha jkun fiha wkoll l-informazzjoni stipulata f’dik id-dispożizzjoni dwar art mhix agrikola li għaliha jkun qed jintalab is-sostenn.

2.   Jekk Stat Membru japplika d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(2), it-tieni sotto-paragrafu, it-talba għall-ħlas għandha titqies tressqet skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

3.   L-Artikoli 11(3), 12 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għall-ħlas skond dan it-Titolu.

Artikolu 9

Il-ħlasijiet

1.   M’għandu jsir l-ebda ħlas għal kwalunkwe miżura jew sett ta’ operazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan it-Titolu qabel ma jkunu ġew finalizzati l-verifiki ta’ din il-miżura jew sett ta’ operazzjonijiet fir-rigward tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà, kif imsemmi fit-Taqsima I tal-Kapitolu II.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, filwaqt li jikkunsidraw ir-riskju ta’ ħlas żejjed, li jħallsu sa 70 % ta’ l-għajnuna wara li jkunu ġew finalizzati l-verifiki amministrattivi previsti fl-Artikolu 11. Il-perċentwal tal-ħlas għandu jkun l-istess għall-benefiċjarji kollha tal-miżura jew tas-sett ta’ operazzjonijiet.

2.   Fejn jikkonċerna l-verifiki ta’ kundizzjonalità previsti fit-Taqsima II tal-Kapitolu II, fejn dawn il-verifiki ma jkunux jistgħu jiġu finalizzati qabel il-ħlas, kwalunkwe ħlas mhux dovut għandu jiġi rkuprat skond l-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

KAPITOLU II

Il-Kontrolli, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet

Artikolu 10

Prinċipji ġenerali

1.   L-applikazzjonijiet għas-sostenn u t-talbiet għall-ħlas sussegwenti għandhom jiġu verifikati b’mod li tiġi żgurata l-verifika effettiva tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sostenn.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu metodi u mezzi adattati sabiex jivverifikaw l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sostenn għal kull miżura ta’ sostenn.

3.   L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll prevista fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (minn issa ’l quddiem imsejħa “IACS”).

4.   Il-verifika tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà għandha tikkonsisti f’verifiki amministrattivi u fuq il-post.

5.   Il-ħarsien tal-konformità għandu jiġi verifikat permezz ta’ verifiki fuq il-post u, fejn ikun xieraq, permezz ta’ verifiki amministrattivi.

6.   Matul il-perjodu kopert b’impenn, il-pakketti li għalihom ikun qed jingħata s-sostenn ma jkunux jistgħu jinbidlu, għajr f’każijiet li jkunu speċifikament previsti fil-programm għall-iżvilupp rurali.

TAQSIMA I

Il-Ħarsien tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà

SOTTO-TAQSIMA I

Il-kontrolli

Artikolu 11

Verifiki amministrattivi

1.   Għandhom isiru verifiki amministrattivi dwar l-applikazzjonijiet kollha għas-sostemm u għat-talbiet tal-ħlas, u dawn għandhom ikopru l-elementi kollha possibli u xierqa li jiġu kontrollati b’mezzi amministrattivi. Il-proċeduri għandhom jiżguraw ir-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll imwettaq, tar-riżultati tal-verifika, kif ukoll tal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ diskrepanzi.

2.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jinkludu kontro-verifiki kulfejn ikun possibbli u xieraq, inter alia b’data mill-IACS. Dawn il-kontro-verifiki għandhom ikunu mill-inqas ikkonċernati mal-pakketti u ma’ l-annimali koperti b’miżura ta’ sostenn sabiex jiġu evitati ħlasijiet ta’ sostenn mhux dovuti.

3.   Il-konformità ma’ rabtiet ta’ perjodu twil għandha tiġi verifikata.

4.   L-indikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet li jirriżultaw minn dawn il-kontro-verifiki għandhom jiġu segwiti permezz ta’ kwalunkwe proċedura amministrattiva xierqa oħra, u, fejn ikun meħtieġ, permezz ta’ verifika fuq il-post.

5.   Fejn japplika, il-verifiki amministrattivi dwar l-eliġibbiltà għandhom jikkunsidraw ir-riżultati tal-verifiki mwettqa minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħra li jkunu involuti fil-kontrolli tas-sussidji agrikoli.

Artikolu 12

Il-verifiki fuq il-post

1.   In-numru totali ta’ verifiki fuq il-post li jsiru kull sena għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li huma soġġetti għal impenn taħt waħda jew aktar mill-miżuri li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ dan it-Titolu.

Madankollu, l-applikanti li jinstabu li mhumiex eliġibbli wara l-verifiki amministrattivi, m’għandhomx jibqgħu jiffurmaw parti min-numru ġenerali ta’ benefiċjarji msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu.

2.   L-Artikolu 26(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu japplika għall-verifiki fuq il-post previsti f’dan l-Artikolu.

3.   Il-kampjun ta’ kontroll isemmi fl-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi magħżul skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

4.   Għal kwalunkwe miżura multiannwali li tinvolvi ħlasijiet ta’ iktar minn ħames snin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu bin-nofs ir-rata ta’ kontroll prevista fil-paragrafu 1 wara l-ħames sena ta’ ħlas lil benefiċjarju.

Il-benefiċjarji li dwarhom l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita fl-ewwel sotto-paragrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx jiffurmaw parti min-numru ġenerali ta’ benefiċjarji msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1.

Artikolu 13

Ir-rapport tal-kontroll

Il-verifiki fuq il-post taħt din is-Sotto-Taqsima għandhom ikunu s-suġġett ta’ rapport tal-kontroll li għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Artikolu 14

Il-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-verifiki fuq il-post

1.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikunu mifruxa matul is-sena fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji li tiġi ppreżentata mir-rabtiet differenti taħt kull miżura ta’ żvilupp rurali.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru r-rabtiet u l-obbligi kollha ta’ benefiċjarju li jkun jista’ jiġi verifikat fil-waqt taż-żjara.

Artikolu 15

Elementi tal-verifiki fuq il-post u d-determinazzjoni tas-superfiċje

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kriterji u l-metodi ta’ kontroll li jippermettu l-kontrolli tar-rabtiet u l-obbligi differenti tal-benefiċjarju sabiex jilħaq ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (5).

2.   Rigward il-kontrolli li jikkonċernaw miżuri relatati mas-superfiċje, il-verifiki fuq il-post għandhom isiru skond l-Artikoli 29, 30 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Madankollu, għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 36(b)(iii), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu tolleranzi xierqa, li fl-ebda każ m’għandhom ikunu iktar mid-doppju tat-tolleranzi stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

3.   Rigward il-kontrolli li jikkonċernaw miżuri relatati ma’ l-annimali, il-verifiki fuq il-post għandhom isiru skond l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

SOTTO-TAQSIMA II

It-Tnaqqis u l-Esklużjonijiet

Artikolu 16

Miżuri relatati mas-superfiċje

1.   Il-bażi sabiex tiġi kkalkulata l-għajnuna fir-rigward ta’ miżuri relatati mas-superfiċje għandha tiġi stabbilita skond l-Artikolu 50(1), (3) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004. Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, is-superfiċji ddikjarati minn benefiċjarju li jirċievi l-istess rata ta’ għajnuna għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp wieħed ta’ ħxejjex.

2.   Jekk is-superfiċje ddikjarata għall-ħlas taħt miżura relatata mas-superfiċje tkun iktar mis-superfiċje determinata skond l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tas-superfiċje determinata mnaqqsa b’nofs id-differenza li tkun instabet, jekk dik id-differenza tkun iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % tas-superfiċje determinata.

Jekk id-differenza tkun iżjed minn 20 % tas-superfiċje determinata, m’għandha tingħata l-ebda għajnuna għall-miżura relatata mas-superfiċje kkonċernata.

3.   Jekk is-superfiċje ddikjarata tkun iktar mis-superfiċje determinata skond l-Artikolu 50 (3) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 b’iktar minn 30 %, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż milli jirċievi l-għajnuna li kien ikun intitolat għaliha skond dak l-Artikolu għas-sena kalendarja kkonċernata għall-miżuri kkonċernati.

Jekk id-differenza tkun iktar minn 50 %, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż iżjed milli jirċievi l-għajnuna sa ammont ugwali għal dak li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-superfiċje dikjarata u s-superfiċje determinata skond l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u l-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 3, għall-benefiċjarji fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skond is-superfiċje kif previst fl-Artikolu 143b tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet li għandhom ikunu applikati għandhom jiġu kkalkulati skond l-ewwel u t-tieni sotto-paragrafi ta’ l-Artikolu 138(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1973/2004 (6).

5.   Fejn id-differenzi bejn is-superfiċje ddikjarata u s-superfiċje determinata skond l-Artikolu 50 (3) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 jirriżultaw minn irregolaritajiet magħmula b’mod intenzjonali, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-għajnuna li kien ikun intitolat għaliha skond dak l-Artikolu għas-sena tal-FAEŻR ikkonċernata għall-miżura relatata mas-superfiċje kkonċernata.

6.   L-ammont li jirriżulta mill-esklużjonijiet previsti fit-tieni sotto-paragrafu tal-paragrafu 3 u fil-paragrafu 5 għandu jinqata’ kontra l-ħlasijiet għall-għajnuna taħt kwalunkwe miżura ta’ sostenn taħt ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jew ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003, li għalihom il-benefiċjarju kkonċernat huwa intitolat fil-kuntest ta’ l-applikazzjonjiet sottomessi minnu waqt it-tliet snin kalendarji wara s-sena kalendarja tas-sejba. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jinqata’ b’mod sħiħ kontra dawk il-ħlasijiet, il-bilanċ li jifdal għandu jiġi kkanċellat.

Artikolu 17

Miżuri relatati ma’ l-annimali

1.   Il-bażi għall-kalkulazzjoni ta’ l-għajnuna rigward il-miżuri relatati ma’ l-annimali għandha tiġi stabbilita skond l-Artikolu 57(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

2.   Kwalunkwe tnaqqis jew esklużjonijiet li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ annimali bovini jew ta’ annimali ovini jew kaprini rispettivament għandu jiġi kkalkulat skond l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Il-miżuri ta’ sostenn rigward annimali bovini u dawk li jirrigwardaw annimali ovini jew kaprini għandhom jiġu trattati b’mod separat.

3.   B’deroga mit-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 59(2) u t-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 59(4) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, l-ammont li jirriżulta mill-esklużjoni għandu jinqata’ kontra l-ħlasijiet ta’ l-għajnuna taħt kwalunkwe miżura ta’ sostenn taħt ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għalihom il-benefiċjarju kkonċernat huwa intitolat fil-kuntest ta’ l-applikazzjonijiet sottomessi minnu waqt it-tliet snin kalendarji wara s-sena kalendarja tas-sejba. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jinqata’ b’mod sħiħ kontra dawk il-ħlasijiet, il-bilanċ li jifdal għandu jiġi kkanċellat.

4.   Rigward id-dikjarazzjonijiet żejda li jikkonċernaw annimali għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jiffissa sistema xierqa ta’ tnaqqis u esklużjonijiet.

Artikolu 18

Tnaqqis u esklużjonijiet f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ l-eliġibbiltà

1.   F’każ li kwalunkwe impenn relatat ma’ l-għoti ta’ għajnuna, għajr dawk relatati mad-daqs tas-superfiċje jew man-numru ta’ annimali ddikjarati, ma jiġix rispettat, l-għajnuna mitluba għandha tiġi mnaqqsa jew rifjutata.

2.   L-Istat Membru għandu jiddetermina l-ammont tat-tnaqqis ta’ l-għajnuna, b’mod partikolari, fuq il-bażi tas-severità, tal-grad u tal-permanenza tan-nuqqas ta’ ħarsien li jkun instab.

Is-severità tan-nuqqas ta’ ħarsien tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħarsien, waqt li jitqiesu l-għanijiet segwiti bil-kriterji li ma ġewx rispettati.

Il-grad tan-nuqqas ta’ ħarsien jiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tan-nuqqas ta’ ħarsien fuq l-operazzjoni bħala ħaġa waħda.

Jekk nuqqas ta’ konformità ikunx ta’ permanenza jew le jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal sabiex jiġu terminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.

3.   F’każ li n-nuqqas ta’ ħarsien jirriżulta minn irregolaritajiet imwettqa b’mod intenzjonali, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-miżura kkonċernata għas-sena tal-FAEŻR ikkonċernata kif ukoll għas-sena tal-FAEŻR ta’ wara.

4.   It-tnaqqis u l-esklużjonijiet previsti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penali addizzjonali previsti taħt ir-regoli nazzjonali.

TAQSIMA II

Il-Ħarsien tal-Kundizzjonalità

SOTTO-TAQSIMA I

Il-Kontrolli

Artikolu 19

Prinċipji ġenerali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, “il-kundizzjonalità” għandha tfisser ir-rekwiżiti obbligatorji msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 51(1) ta’ dak ir-Regolament u r-rekwiżiti minimi għall-użu tal-prodotti fertilizzanti u ta’ protezzjoni għall-pjanti msemmi fit-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 51(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-Artikoli 3(2) u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Artikolu 2(2), (2a) u (31) sa (36) kif ukoll l-Artikoli 9, 41, 42, 43, 46, 47 u 48 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw fejn jikkonċerna l-kontrolli dwar il-ħarsien tal-kundizzjonalità.

Artikolu 20

Il-verifiki fuq il-post

1.   L-awtorità tal-kontroll kompetenti għandha, fir-rigward tar-rekwiżiti jew ta' l-istandards li għalihom din hija responsabbli, twettaq verifiki fuq il-post fuq mill-inqas 1 % tal-benefiċjarji kollha li jissottomettu t-talbiet għall-ħlas skond l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

2.   It-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu japplika.

Artikolu 21

L-għażla tal-kampjun tal-kontroll

1.   L-Artikolu 45(1) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu japplika fir-rigward ta’ l-għażla tal-kampjun tal-kontroll imsemmi fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità tal-kontroll kompetenti għandha, fejn jikkonċerna r-rekwiżiti jew l-istandards li għalihom din hija responsabbli, tagħżel il-benefiċjarji li għandhom jiġu verifikati skond l-Artikolu 20, billi tagħżel il-kampjun mill-kampjun tal-benefiċjarji li kienu diġà magħżula skond l-Artikolu 12, u li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti jew l-istandards rilevanti.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtorità tal-kontroll kompetenti tista’, rigward ir-rekwiżiti jew l-istandards li għalihom din hija responsabbli, tagħżel kampjun tal-kontroll ta’ 1 % tal-benefiċjarji kollha li jissottomettu t-talbiet għall-ħlas skond l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u li jkunu taħt l-obbligu li jirrispettaw mill-inqas wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jew standards.

SOTTO-TAQSIMA II

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet

Artikolu 22

Ġenerali

1.   L-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Artikolu 2 (2), (2a) u (31) sa (36), l-Artikolu 41 u l-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom japplikaw fejn jikkonċerna t-tnaqqis jew l-esklużjonijiet li għandhom jiġu applikati wara li jkun ġie determinat in-nuqqas ta’ konformità.

2.   Meta jkun hemm aktar minn aġenzija tal-ħlas waħda li tkun responsabbli fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ miżuri differenti ta’ sostenn taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ta’ din is-Sotto-taqsima, b’mod partikolari li għandha tiġi applikata rata waħda ta’ tnaqqis għal dawk il-pagamenti kollha li l-benefiċjarju jkun applika għalihom.

Artikolu 23

Il-kalkulazzjoni tat-tnaqqis u ta’ l-esklużjonijiet

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, fejn jiġi determinat nuqqas ta’ konformità, għandu jiġi applikat tnaqqis fuq l-ammont ġenerali ta’ l-għajnuna taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(iv) u (v) ta’ dak ir-Regolament li tkun, jew li tkun se, tingħata lill-benefiċjarju kkonċernat wara t-talbiet għall-ħlas li dan ikun issottometta jew ikun se jissottometti matul is-sena kalendarja tas-sejba.

Fejn in-nuqqas ta’ konformità tkun minħabba traskuraġmi min-naħa tal-benefiċjarju, it-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, it-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat skond l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Artikolu 24

L-akkumulazzjoni tat-tnaqqis

Fejn ikun hemm kumulu ta’ tnaqqis, it-tnaqqis għandu jiġi applikat l-ewwel għal sottomissjonijiet li jsiru tard skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, imbagħad skond l-Artikoli 16 jew 17 ta’ dan ir-Regolament, imbagħad skond l-Artikolu 18 u fl-aħħarnett skond l-Artikoli 22 u 23.

TITOLU II

Is-sostenn għall-iżvilupp rurali taħt l-Assi 1 u l-Assi 3 u ċerti miżuri taħt l-Assi 2 u l-Assi 4

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 25

L-Ambitu

Dan it-Titolu japplika għal:

(a)

il-miżuri ta’ sostenn stabbiliti fl-Artikoli 20 u 52 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005,

(b)

il-miżuri ta’ sostenn stabbiliti fl-Artikoli 36(a)(vi), (b)(vi), (b)(vii) u 39(5) ta’ dak ir-Regolament u fl-Artikoli 36(b) (i) u (iii) ta’ dak ir-Regolament safejn huma kkonċernati l-ispejjeż ta’ l-istabbiliment,

(c)

is-sostenn li jingħata skond l-Artikolu 63(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament fejn jikkonċerna operazzjonijiet li jikkorrispondu għall-miżuri previsti fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu.

TAQSIMA I

Il-Kontrolli

Artikolu 26

Verifiki amministrattivi

1.   Għandhom isiru verifiki amministrattivi fir-rigward ta’ l-applikazzjonijiet kollha għat-talbiet ta’ sostenn jew ta’ ħlas, u dawn għandhom ikopru l-elementi kollha possibbli u xierqa sabiex jitwettqu l-kontrolli b’mezzi amministrattivi. Il-proċeduri jeħtieġu r-reġistrazzjoni tax-xogħol ta’ kontroll li jkun sar, tar-riżultati tal-verifika u tal-miżuri meħuda fir-rigward ta’ diskrepanzi.

2.   Il-verifiki amministrattivi dwar l-applikazzjonijiet għas-sostenn jinkludu b’mod partikolari verifika ta’:

(a)

l-eliġibbiltà ta’ l-operazzjoni li għaliha ikun qed jintalab is-sostenn;

(b)

ir-rispett tal-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali;

(c)

il-konformità ta’ l-operazzjoni li għaliha jkun qed jintalab is-sostenn mar-regoli nazzjonali u Komunitarji applikabbli, b’mod partikolari, u fejn huwa rilevanti, għall-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-istandards obbligatorji xierqa l-oħra stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fil-programm ta’ żvilupp rurali;

(d)

ir-raġonevolezza ta’ l-ispejjeż proposti, li għandhom jiġu evalwati bl-użu ta’ sistema ta’ valutazzjoni adattata, bħalma huma l-ispejjeż ta’ referenza, il-paragun ta’ offerti differenti jew il-kumitat tal-valutazzjoni;

(e)

il-kredibbiltà ta’ l-applikant, b’referenza lejn kwalunkwe operazzjoni ta’ ko-finanzjament preċedenti li tkun saret mill-2000 ’il hawn.

3.   Il-verifiki amministrattivi dwar it-talbiet tal-ħlas għandhom jinkludu b’mod partikolari, u safejn dan ikun xieraq għat-talba kkonċernata, verifika dwar:

(a)

il-kunsinna tal-prodotti u tas-servizzi ko-finanzjati;

(b)

ir-realtà tan-nefqa mitluba;

(c)

l-operazzjoni kompluta paragunata ma’ l-operazzjoni li għaliha l-applikazzjoni għas-sostenn tkun ġiet sottomessa u mogħtija.

4.   Il-verifiki amministrattivi li jirrigwardaw l-operazzjonijiet ta’ investiment għandhom jinkludu mill-inqas żjara waħda lill-operazzjoni appoġġjata jew fuq is-sit ta’ l-investiment sabiex jiġi verifikat it-twettiq ta’ l-investiment.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħmlux dawn iż-żjajjar għal investimenti iżgħar, jew fejn dawn jikkunsidraw li r-riskju li l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jirċievi l-għajnuna ma kinux milħuqa, jew li r-realtà ta’ l-investiment ma tkunx ġiet rispettata, huwa baxx. Dik id-deċiżjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha għandhom jiġu reġistrati.

5.   Il-ħlasijiet mill-benefiċjarji għandhom ikunu appoġġjati b’fatturi u b’dokumenti li jipprovaw il-ħlas. Fejn dan ma jkunx jista’ jsir, il-ħlasijiet għandhom ikunu appoġġjati b’dokumenti ta’ valur probativ ekwivalenti.

6.   Il-verifiki amministrattivi għandhom jinkludu proċeduri sabiex jiġi evitat finanzjament doppju irregolari ma’ skemi Komunitarji jew nazzjonali oħra u ma’ perjodi ta’ programmar oħra. Fejn ikun jeżisti il-finanzjament minn sorsi oħra, dawn il-verifiki għandhom jiżguraw li l-għajnuna totali riċevuta ma tkunx tikser il-limiti massimi ta’ għajnuna awtorizzati.

7.   Għall-appoġġ relatat ma’ skemi tal-kwalità ta’ l-ikel li huma rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-aġenziji li jħallsu jistgħu, fejn ikun xieraq, jagħmlu użu mill-evidenza li dawn jirċievu minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħra sabiex jivverifikaw il-ħarsien tal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà. Madanlollu, dawn irid ikollhom assigurazzjoni li s-servizz, l-entità jew l-organizzazzjoni tkun qed topera skond standard suffiċjenti sabiex tiġi rregolata l-konformità mal-kriterji ta’ l-eliġibbiltà.

Artikolu 27

Il-verifiki fuq il-post

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw verifiki fuq il-post dwar operazzjonijiet approvati fuq bażi ta’ kampjun xieraq. Dawn għandhom, safejn ikun possibbli, isiru qabel ma jsir il-ħlas finali għall-proġett.

2.   In-nefqa kkontrollata għandha tirrappreżenta mill-inqas 4 % tan-nefqa pubblika li tkun ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni kull sena, u mill-inqas 5 % tan-nefqa pubblika ddikjarata lill-Kummissjoni matul il-perjodu sħiħ ta’ programmar.

3.   Il-kampjun ta’ l-operazzjonijiet approvati li jridu jiġu verifikati skond il-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari:

(a)

il-ħtieġa li tiġi verifikata taħlita xierqa ta’ tipi u daqsijiet ta’ operazzjonijiet;

(b)

kwalunkwe fattur ta’ riskju li jkun ġie identifikat wara l-verifiki nazzjonali jew Komunitarji;

(c)

il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn l-assi u l-miżuri.

4.   Ir-riżultati tal-verifiki fuq il-post għandhom jiġu valutati sabiex jiġi stabbilit jekk il-problemi li jkunu nqalgħu jkunux ta’ natura sistematika, li tinvolvi riskju għal operazzjonijiet simili oħra, benefiċjarji jew korpi oħra. Il-valutazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, kwalunkwe eżami ieħor li jista’ jkun meħtieġ, u l-azzjoni korrettiva u preventiva meħtieġa.

5.   Jista’ jingħata avviż minn qabel dwar il-verifiki fuq il-post, sakemm ma jiġix ipperikolat l-għan tal-kontroll. Jekk l-avviż minn qabel ikun jaqbeż it-48 siegħa, dan għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ, skond in-natura tal-miżura u l-operazzjoni ko-finanzjata.

Artikolu 28

Il-kontenut tal-verifiki fuq il-post

1.   Permezz tal-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri għandhom jirsistu sabiex jivverifikaw dan li ġej:

(a)

li l-ħlasijiet li jkunu saru lill-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġu appoġġjati bid-dokumenti ta’ kontabbiltà jew b’dokumenti oħra li jinżammu mill-korpi ta’ ditti li jwettqu l-operazzjonijiet appoġġjati;

(b)

għal numru adekwat ta’ spejjeż kapitali, li n-natura u ż-żmien tan-nefqa rilevanti jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Komunità u li dawn ikunu jikkorrispondu ma’ l-ispeċifikazzjonijiet approvati ta’ l-operazzjoni u x-xogħlijiet li jkunu twettqu fil-fatt jew is-servizzi li jkunu saru;

(c)

li l-użu jew l-użu maħsub ta’ l-operazzjoni jkun konsistenti ma’ l-użu deskritt fl-applikazzjoni għas-sostenn tal-Komunità;

(d)

li l-operazzjonijiet iffinanzjati pubblikament ikunu ġew implimentati skond ir-regoli u l-politiki tal-Komunità, speċjalment ir-regoli dwar is-sejħat għall-offerti pubbliċi u l-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali.

2.   Il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru r-rabtiet u l-obbligi kollha ta’ benefiċjarju li jista’ jiġi verifikat fiż-żmien taż-żjara.

3.   Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li jiġu reġistrati u spjegati kif xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali, il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu żjara lejn l-operazzjoni jew, jekk l-operazzjoni tkun waħda intanġibbli, għand il-promotur ta’ l-operazzjoni.

4.   Verifiki biss li jilħqu r-rekwiżiti kollha ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tinkiseb ir-rata tal-kontroll stabbilita fl-Artikolu 27(2).

Artikolu 29

Il-kontroll ta’ miżuri ta’ rtirar kmieni u ta’ biedja semi-suffiċjenti

1.   Għall-applikazzjonijiet għas-sostenn taħt l-Artikoli 23 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-verifiki amministrattivi għandhom jinkludu addizzjonalment dawk imsemmija fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-miżura prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-verifiki fuq il-post wara l-ewwel ħlas tas-sostenn, sakemm il-verifiki amministrattivi, inklużi inter alia il-kontrolli bir-reqqa, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli fid-database elettroniku msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ifornu l-assigurazzjoni meħtieġa tal-legalità u tar-regolarità tal-ħlasijiet.

Artikolu 30

Il-verifiki ex post

1.   Għandhom isiru verifiki ex post fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ investiment li jkunu għadhom soġġetti għar-rabtiet skond l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jew dettaljati fil-programm ta’ żvilupp rurali.

2.   L-għan tal-verifiki ex post huwa sabiex:

(a)

jiġi verifikat il-ħarsien ta’ l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005;

(b)

jiġu verifikati r-realtà u l-finalità tal-ħlasijiet li jkunu saru mill-benefiċjarju, għajr fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet in natura jew spejjeż standard;

(c)

jiġi żgurat li l-istess investiment ma jkunx ġie ffinanzjat b’mod irregolari minn sorsi nazzjonali jew Komunitarji differenti.

3.   Il-verifiki ex post għandhom ikopru kull sena mill-inqas 1 % tan-nefqa eliġibbli għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li għal dawn ikun sar il-ħlas finali. Dawn għandhom isiru fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena tal-FAEŻR rilevanti.

4.   Il-verifiki ex post għandhom jiġu bbażati fuq analiżi tar-riskji u ta’ l-impatt finanzjarju ta’ l-operazzjonijiet, tal-gruppi ta’ operazzjonijiet jew ta’ miżuri differenti.

Il-kontrolluri tal-verifiki ex post m’għandhomx ikunu involuti fil-verifiki ta’ qabel il-ħlas fl-istess operazzjoni ta’ investiment.

TAQSIMA II

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet

Artikolu 31

It-tnaqqis u l-esklużjonijiet

1.   Il-ħlasijiet għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ x’jinstab li huwa eliġibbli.

L-Istat Membru għandu jeżamina t-talba għall-ħlas li jkun irċieva mill-benefiċjarju, u jistabbilixxi l-ammonti eliġibbli għas-sostenn. Dan għandu jistabbilixxi:

(a)

l-ammont li jrid jitħallas lill-benefiċjarju bbażat biss fuq it-talba tal-ħlas;

(b)

l-ammont li jrid jitħallas lill-benefiċjarju wara li tkun ġiet eżaminata l-eliġibbiltà tat-talba għall-ħlas.

Jekk l-ammont stabbilit skond il-punt (a) ikun iżjed mill-ammont stabbilit skond il-punt b) b’iktar minn 3 %, għandu jiġi applikat tnaqqis għall-ammont stabbilit skond il-punt (b). L-ammont tat-tnaqqis għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti.

Madankollu, m’għandu jiġi applikat l-ebda tnaqqis jekk il-benefiċjarju juri li hu/hi mhux/mhix ħati/ħatja li nkluda/inkludiet ammont mhux eliġibbli. It-tnaqqis għandu jiġi applikat mutatis mutandis għan-nefqa mhux eliġibbli li tiġi identifikata matul il-verifiki taħt l-Artikolu 28 u 30.

2.   Jekk il-benefiċjarju jinstab li għamel dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali, l-operazzjoni kkonċernata għandha tiġi eskluża mis-sostenn tal-FAEŻR, u kwalunkwe ammont imħallas diġà għal dik l-operazzjoni jrid jiġi rkuprat. Barra minn hekk, il-benefiċjarju jista’ jiġi eskluż milli jirċievi appoġġ taħt l-istess miżura għas-sena tal-FAEŻR ikkonċernata kif ukoll għas-sena tal-FAEŻR ta’ wara.

3.   Il-penali previsti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-penali addizzjonali previsti taħt ir-regoli nazzjonali.

KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Assi 4 (Il-Leader)

Artikolu 32

Il-kontrolli

Fil-każ ta’ nefqa li tkun saret taħt l-Artikolu 63(c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istat Membru għandu jorganizza kontrolli b’mod konformi ma’ dan it-Titolu. Dawk il-kontrolli għandhom isiru minn persuni indipendenti mill-grupp ta’ azzjoni lokali kkonċernat.

Artikolu 33

Ir-responsabbiltajiet għall-kontroll

1.   Fil-każ ta’ nefqa li tkun saret taħt l-Artikolu 63(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jsiru minn gruppi ta’ azzjoni lokali taħt delega formali. Madankollu, l-Istat Membru jibqa’ responsabbli sabiex jivverifika li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jkollhom il-kapaċità amministrattiva u ta’ kontroll sabiex iwettqu dan ix-xogħol.

2.   L-Istat Membu għandu jimplimenta sistema xierqa ta’ superviżjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali. Dan għandu jinkludi kontrolli regolari għall-operazzjonijiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, inkluż il-verifiki tal-kontabbiltà u t-twettiq mill-ġdid tal-kampjun għall-verifiki amministrattivi.

PARTI III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 34

Notifikazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju ta’ kull sena, u għall-ewwel darba sal-15 ta’ Lulju 2008, rapport li jkopri s-sena finanzjarja tal-FAEŻR preċedenti li jittratta, b’mod partikolari, il-punti li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ talbiet għall-ħlas għal kull miżura ta’ żvilupp rurali, l-ammont totali verifikat kif ukoll, fejn xieraq, l-erja totali u l-għadd totali ta’ annimali koperti bil-verifiki fuq il-post skond l-Artikoli 12, 20 u 27;

(b)

għas-sostenn relatat maż-żona, l-erja totali maqsuma skond l-iskema ta’ għajnuna individwali;

(c)

għall-miżuri relatati ma’ l-annimali, l-għadd totali ta’ annimali maqsum skond l-iskema ta’ għajnuna individwali;

(d)

ir-riżultat tal-verifiki li jkunu twettqu, li jindika t-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikati skond l-Artikoli 16, 17, 18, 22 u 23;

(e)

in-numru ta’ verifiki ex post imwettqa skond l-Artikolu 30, l-ammont tan-nefqa verifikat u r-riżultati tal-verifiki, li jindikaw it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikati skond l-Artikolu 31.

Artikolu 35

Il-kontroll mill-Kummissjoni

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu japplika għall-għajnuna mħallsa skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Artikolu 36

Ir-Rappurtar tal-kontrolli lill-aġenzija li tħallas

1.   Fejn il-kontrolli ma jitwettqux mill-aġenzija li tħallas, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-aġenzija li tħallas tirċievi biżżejjed informazzjoni dwar il-kontrolli li jkunu twettqu. Hija r-responsabbiltà ta’ l-aġenzija li tħallas sabiex tiddefinixxi l-ħtiġijiet tagħha għall-informazzjoni.

Għandha tinżamm sekwenza ta' awditjar li tkun suffiċjenti. Deskrizzjoni indikattiva tar-rekwiżiti tas-sekwenza ta’ awditjar sodisfaċenti qed tidher fl-Anness.

2.   L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu tal-paragrafu 1 tista’ tkun rapport dwar kull kontroll li jkun sar jew, fejn xieraq, tkun fil-forma ta’ rapport fil-qosor.

3.   L-aġenzija li tħallas għandu jkollha d-dritt li tivverifika l-kwalità tal-kontrolli mwettqa minn korpi oħra, u li tirċievi l-informazzjoni l-oħra kollha li din tkun teħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika għas-sostenn tal-Komunità li jikkonċerna l-perjodu ta’ programmar li jibda fl-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1)

(3)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 659/2006 (ĠU L 116, 29.4.2006, p. 20).

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).

(5)  See page 15 of this Official Journal.

(6)  ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1


ANNESS

DESKRIZZJONI INDIKATTIVA DWAR IR-REKWIŻITI TA’ L-INFORMAZZJONI GĦAS-SEKWENZA TA’ VERIFIKA SUFFIĊJENTI

Sekwenza ta’ verifika suffiċjenti, kif imsemmi fl-Artikolu 36 (1), tkun preżenti meta, għall-għajnuna mogħtija:

(a)

din tippermetti r-rikonċiljazzjoni bejn l-ammonti globali ddikjarati lill-Kummissjoni u l-fatturi, id-dokumenti ta’ kontabbiltà u oħrajn ta’ sostenn li jkunu qed jinżammu mill-aġenzija li tħallas jew minn xi servizz ieħor għall-operazzjonijiet kollha appoġġjati mill-FAEŻR;

(b)

din tippermetti l-verifika tal-ħlas tan-nefqa pubblika lill-benefiċjarju;

(c)

din tippermetti l-verifika ta’ l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-għażla għall-operazzjonijiet iffinanzjati bil-FAEŻR;

(d)

din ikollha, safejn ikun xieraq, il-pjan finanzjarju, ir-rapporti ta’ l-attivitajiet, id-dokumenti dwar l-għoti tas-sostenn, id-dokumenti li jikkonċernaw l-proċeduri ta’ sejħat għall-offerti pubbliċi, kif ukoll ir-rapporti li jikkonċernaw kwalunkwe kontroll li jkun sar.