27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1920/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (tfassil mill-ġdid)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 152 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu nhar it-28 u d-29 ta’ Ġunju 1991, il-Kunsill Ewropew approva l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga. Tali korp, imsemmi ċ-Ċentru Ewropew għad-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi (“iċ-Ċentru”) ġie stabbilit permezz tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 302/93 tat-8 ta' Frar 1993 (3) li ġie emendat b'mod sostanzjali bosta drabi (4). Billi jridu jsiru aktar emendi, dan għandu jkun, fl-interess taċ-ċarezza, imfassal mill-ġdid.

(2)

Informazzjoni fattwali, oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u komparabbli rigward id-droga, id-dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħhom hija meħtieġa fil-livell tal-Komunità biex tgħin sabiex tingħata lill-Komunità u lill-Istati Membri viżjoni globali u b'hekk tagħtihom valur miżjud meta, fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jieħdu miżuri jew jiddeċiedu dwar azzjonijiet fil-ġlieda kontra d-droga.

(3)

Il-fenomenu tad-droga jinkludi diversi aspetti kumplessi u marbutin mill-qrib ma’ xulxin li ma jistgħux ikunu sseparati faċilment minn xulxin. Għalhekk, iċ-Ċentru għandu jkun fdat bid-dover li jforni informazzjoni ġenerali li għandha tgħin biex tipprovdi lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha b'viżjoni ġenerali tal-fenomenu tad-droga u tad-dipendenza fuq id-droga. Dan ix-xogħol m'għandux jippreġudika l-allokazzjoni ta' poteri bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha f'dak li għandu x'jaqsam ma' dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernaw il-provvista tad-droga u d-domanda għaliha.

(4)

Bid-Deċiżjoni Nru 2367/2002/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 (5), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stabbilixxew il-programm statistiku tal-Komunità għall-perjodu mill-2003 sa l-2007, li jinkludi l-azzjonijiet tal-Komunità dwar l-istatistika fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/JHA ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ l-informazzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-kontroll ta’ sustanzi psikoattivi ġodda (6) tistabbilixxi r-rwol taċ-Ċentru u tal-Kumitat Xjentifiku tiegħu fis-sistema ta’ informazzjoni rapida u fl-evalwazzjoni tar-risjki ta’ sustanzi ġodda.

(6)

Għandhom jitqiesu l-metodi ġodda ta’ l-użu, partikolarment l-użu ta’ droga differenti flimkien, fejn droga illeċita tittieħed flimkien ma’ droga leċita jew mediċinali.

(7)

Għandu jkun wieħed mid-doveri taċ-Ċentru li jipprovdi informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u linji gwida fl-Istati Membri u li jiffaċilita l-iskambju ta' dawn il-prattiki fosthom.

(8)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-10 ta’ Diċembru 2001 dwar l-implimentazzjoni tal-ħames indikaturi epidemoloġiċi ewlenin dwar id-droga tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw, permezz tal-punti fokali nazzjonali, li tkun disponibbli informazzjoni komparabbli dwar dawk l-indikaturi. L-implimentazzjoni ta' dawn l-indikaturi mill-Istati Membri hija prekondizzjoni sabiex iċ-Ċentru iwettaq ix-xogħol tiegħu kif stipulat f'dan ir-Regolament.

(9)

Ikun tajjeb li l-Kummissjoni tkun tista’ tafda liċ-Ċentru direttament bl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna strutturali tal-Komunità dwar sistemi ta’ informazzjoni dwar id-droga f’pajjiżi mhux tal-Komunità bħall-pajjiżi kandidati jew il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ġew awtorizzati mill-Kunsill Ewropew sabiex jipparteċipaw fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità.

(10)

Il-mod ta' kif iċ-Ċentru hu organizzat u l-metodi tiegħu ta' ħidma għandhom ikunu konsistenti man-natura oġġettiva tar-riżultati mixtieqa, jiġifieri l-komparabilità u l-kompatibilità ta' sorsi u ta' metodi li għandhom x'jaqsmu ma' l-informazzjoni dwar id-droga.

(11)

L-informazzjoni miġbura miċ-Ċentru għandha tkun tikkonċerna oqsma ta' prijorità li l-kontenut, il-firxa u l-arranġamenti ta' implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu definiti.

(12)

Hemm organizzazzjonijiet u entitajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li diġà jfornu din it-tip ta' informazzjoni, u huwa meħtieġ li ċ-Ċentru jkun jista' jwettaq id-doveri tiegħu b'kooperazzjoni mill-qrib magħhom.

(13)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' din id-data (7) għandu japplika għall-ipproċessar ta' data personali miċ-Ċentru.

(14)

Iċ-Ċentru għandu wkoll japplika l-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, kif stipulat fl-Artikolu 255 tat-Trattat u definiti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (8).

(15)

Iċ-Ċentru għandu jkollu personalità ġuridika.

(16)

Minħabba d-daqs tiegħu, il-Bord ta' Ġestjoni taċ-Ċentru għandu jkun megħjun minn Kumitat Eżekuttiv.

(17)

Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew ikun infurmat tajjeb dwar l-istat tal-fenomenu tad-droga fl-Unjoni Ewropea, huwa għandu jkollu dritt jagħmel mistoqsijiet lid-Direttur taċ-Ċentru.

(18)

Ix-xogħol taċ-Ċentru għandu jitmexxa b'mod trasparenti u l-ġestjoni tiegħu għandha tkun suġġetta għar-regoli kollha eżistenti ta' tmexxija tajba u ta' kontra l-frodi, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (9) u l-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (10) li miegħu ċ-Ċentru aderixxa u li tiegħu adotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni meħtieġa

(19)

Għandha ssir evalwazzjoni esterna tal-ħidma taċ-Ċentru fuq bażi regolari, u, dan ir-Regolament għandu jkun adattat jekk ikun meħtieġ.

(20)

Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn il-għanijiet.

(21)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

1.   Dan ir-Regolament jipprovdi għaċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (“iċ-Ċentru”).

2.   L-għan taċ-Ċentru huwa li jipprovdi, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3, lill-Komunità u l-Istati Membri tagħha b'informazzjoni fattwali, oġġettiva, ta' min joqgħod fuqha u kumparabbli fil-livell Ewropew rigward id-droga u d-dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħhom.

3.   L-informazzjoni statistika, dokumentarja u teknika proċessata jew prodotta hija maħsuba biex tgħin sabiex tipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b'viżjoni ġenerali dwar is-sitwazzjoni tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga meta, fl-oqsma ta' kompetenza rispettiva tagħhom, jieħdu miżuri jew jiddeċiedu dwar azzjoni. L-element statistiku ta’ din l-informazzjoni għandu jkun żviluppat, f’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet statistiċi rilevanti, bl-użu meta jkun meħtieġ tal-Programm Statistiku tal-Komunità sabiex tkun promossa s-sinerġija u evitata d-duplikazzjoni. Għandha tittieħed kunsiderazzjoni ta' aktar data ta' l-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa u tan-Nazzjonijiet Uniti (“in-NU”) disponibbli madwar id-dinja.

4.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(d)(v), iċ-Ċentru ma jista’ jieħu l-ebda miżura li tmur lil hinn mill-ambitu ta' l-informazzjoni u l-ipproċessar tagħha.

5.   Iċ-Ċentru m'għandux jiġbor dettalji li jagħmluha possibli li jkunu identifikati individwi jew gruppi żgħar ta' individwi. Għandu jibqa' lura milli jittrażmetti informazzjoni li għandha x'taqsam ma' każi speċifiċi msemmija b'isimhom.

Artikolu 2

Dmirijiet

Sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 1, iċ-Ċentru għandu jwettaq dawn id-dmirijiet fil-qasam ta' l-attività tiegħu:

a)

Ġbir u analiżi ta' data eżistenti

i)

il-ġbir, ir-reġistrazzjoni u l-analiżi ta' informazzjoni, inkluża data li tirriżulta minn riċerka, ikkomunikata minn Stati Membri kif ukoll data li toħroġ mill-Komunità, minn sorsi nazzjonali mhux governattivi u minn organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali, inkużi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol); il-provvista ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki fl-Istati Membri u l-faċilitazzjoni ta' l-iskambju ta' dawn il-prattiki bejniethom; dan ix-xogħol ta’ ġbir, ta' reġistrazzjoni, ta' analiżi u ta' informazzjoni għandu jkopri wkoll data dwar xejriet li jkunu qed jiżviluppaw fl-użu ta' drogi flimkien, inkluż l-użu flimkien ta' sustanzi psikoattivi leċiti u illeċiti;

ii)

twettiq ta’ stħarriġ, studji preparatorji u studji ta’ fattibilità, flimkien ma' xi proġetti pilota meħtieġa ħalli jitwettqu d-dmirijiet tiegħu; l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta' esperti u, kull meta jkun meħtieġ, l-istabbiliment ta’ gruppi ta' ħidma ad hoc għal dan il-għan; l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi miftuħa ta' dokumentazzjoni xjentifika u l-għoti ta’ għajnuna fil-promozzjoni ta' attivitajiet ta' informazzjoni;

iii)

il-forniment ta’ sistema organizzattiva u teknika li tkun tista' tforni informazzjoni dwar programmi jew azzjonijiet simili jew kumplimentari meħuda mill-Istati Membri;

iv)

l-istabbiliment u l-koordinazzjoni, b'konsultazzjoni u kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti u organizzazzjonijiet fl-Istati Membri, tan-netwerk imsemmi fl-Artikolu 5;

v)

l-iffaċilitar ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, riċerkaturi, speċjalisti u dawk involuti fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' droga fl-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi;

b)

Titjib fil-metodi ta' komparabbilità tad-data

i)

titjib fil-komparabbilità, l-oġġettività u l-affidabilità tad-data fil-livell Ewropew billi jiġu stabbiliti indikaturi u kriterji komuni ta' natura li ma torbotx, li l-konformità magħhom tista' tkun rakkomandata miċ-Ċentru, bil-għan li tkun żgurata uniformità akbar fil-metodi ta' kejl użati mill-Istati Membri u l-Komunità; b’mod partikolari, iċ-Ċentru għandu jiżviluppa l-għodda u l-istrumenti sabiex jgħin lill-Istati Membri fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiċi nazzjonali tagħhom u lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-linji politiċi ta’ l-Unjoni;

ii)

l-iffaċilitar u l-istrutturazzjoni ta’ l-iskambju ta' informazzjoni, f'termini kemm ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità (databases);

ċ)

Disseminazzjoni ta' data

i)

it-tqegħid ta’ l-informazzjoni miġbura minnu għad-dispożizzjoni tal-Komunità, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet kompetenti;

ii)

id-disseminazzjoni wiesgħa tax-xogħol magħmul minn kull Stat Membru u mill-Komunità nnifisha, u, fejn xieraq, minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

iii)

l-assigurazzjoni tad-disseminazzjoni wiesgħa ta' dettalji mhux kunfidenzjali li jkunu ta' min joqgħod fuqhom, il-pubblikazzjoni ta' kull sena, fuq il-bażi ta' dettalji miġbura miċ-Ċentru, ta' rapport dwar l-istat tal-problema tad-droga, inkluża data dwar xejriet li jkunu qed jiżviluppaw;

d)

Kooperazzjoni ma' korpi u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali u ma' pajjiżi terzi

i)

kontribut għal titjib fil-koordinazzjoni bejn azzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità fl-oqsma ta' l-attività tiegħu;

ii)

bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mat-trażmissjoni ta' informazzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-droga, il-promozzjoni ta’ l-inkorporazzjoni ta' dettalji dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga miġbura fi Stati Membri jew li joriġinaw mill-Komunità fi programmi internazzjonali ta' monitoraġġ u kontroll tad-droga, partikolarment dawk stabbiliti min-NU u l-aġenziji speċjalizzati tagħha;

iii)

kooperazzjoni b'mod attiv ma' l-Europol sabiex ikun hemm effiċjenza massima fil-monitoraġġ tal-problema tad-drogi;

iv)

kooperazzjoni mill-qrib ma' l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 20;

v)

it-trasferiment, fuq talba tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-Bord ta' Ġestjoni msemmi fl-Artikolu 9, ta' l-għarfien tiegħu lill-ċerti pajjiżi terzi bħal pajjiżi kandidati jew il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-għoti ta’ għajnuna fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' rabtiet strutturali man-netwerk imsemmi fl-Artikolu 5 u t-twaqqif u l-konsolidazzjoni tal-punti fokali nazzjonali msemmija f'dak l-Artikolu;

e)

Obbligazzjonijiet għall-għoti ta' informazzjoni

Bħala prinċipju, iċ-Ċentru għandu, jekk jagħraf żviluppi ġodda u tendenzi li qed jinbidlu, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar dan.

Artikolu 3

Oqsma ta' attività ta' prijorità

L-għan u d-dmirijiet taċ-Ċentru, kif stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2, għandhom ikunu implimentati skond l-ordni ta' prijoritajiet indikata fl-Anness I.

Artikolu 4

Metodu ta’ ħidma

1.   Iċ-Ċentru għandu progressivament iwettaq id-dmirijiet tiegħu fid-dawl ta’ l-għanijiet adottati fil-programmi ta’ ħidma ta’ kull tliet snin u dawk annwali msemmija fl-Artikolu 9(4) u (5) u b’kunsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi disponibbli.

2.   Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu, iċ-Ċentru għandu, sabiex jevita duplikazzjoni, jqis dawk l-attivitajiet diġà mwettqa minn istituzzjonijiet u aġenziji oħra eżistenti jew futuri, b'mod partikolari l-Europol, u għandu jassigura li hu jżid mal-valur tagħhom.

Artikolu 5

Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (Reitox)

1.   Iċ-Ċentru għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (Reitox). In-netwerk għandu jikkonsisti f’punt fokali għal kull Stat Membru u kull pajjiż li kkonkluda ftehim skond l-Artikolu 21 u punt fokali għall-Kummissjoni. L-identifikazzjoni ta’ punti fokali nazzjonali hija r-responsabbilità esklussiva tal-pajjiżi kkonċernati.

2.   Il-punti fokali nazzjonali għandhom jiffurmaw punt ta’ kuntatt bejn il-pajjiżi li jkunu qed jipparteċipaw u ċ-Ċentru. Huma għandhom jikkontribwixxu għat-twaqqif ta’ indikaturi u data prinċipali, inklużi linji gwida għall-implimentazzjoni tagħhom bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni affidabbli u komparabbli fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jiġbru u janalizzaw b'mod oġġettiv fuq livell nazzjonali, filwaqt li jlaqqgħu l-esperjenzi minn setturi differenti - tas-saħħa, tal-ġustizzja, ta' l-infurzar tal-liġi - b'koperazzjoni ma' esperti u organizzazzjonijiet nazzjonali attivi fil-qasam tal-politika tad-droga, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga, kif ukoll dwar politika u soluzzjonijiet applikati. B’mod partikolari, huma għandhom jipprovdu data għall-ħames indikaturi epidemoloġiċi speċifikati miċ-Ċentru.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-rappreżentant tiegħu fin-Netwerk tar-Reitox jipprovdi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2005/387/JHA.

Il-punti fokali nazzjonali jistgħu wkoll jipprovdu liċ-Ċentru b’informazzjoni dwar xejriet ġodda fl-użu ta’ sustanzi psikoattivi eżistenti u/jew taħlitiet ġodda ta’ sustanzi psikoattivi li jippreżentaw riskju potenzjali għas-saħħa pubblika u wkoll informazzjoni dwar miżuri possibbli relatati mas-saħħa pubblika.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw l-operat tal-punt fokali tagħhom għall-ġbir u l-analiżi tad-data fuq livell nazzjonali fuq il-bażi tal-linji gwida adottati maċ-Ċentru.

4.   Id-dmirijiet speċifiċi allokati lill-punti fokali nazzjonali għandhom jidhru fil-programm tax-xogħol ta’ tliet snin taċ-Ċentru kif imsemmi fl-Artikolu 9(4).

5.   Filwaqt li jirrispetta l-pożizzjoni ewlenija tal-punti fokali nazzjonali, u f’kooperazzjoni mill-qrib magħhom, iċ-Ċentru jista’ jagħmel użu minn servizzi oħra ta' esperti u sorsi oħra ta' informazzjoni fil-qasam tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga.

Artikolu 6

Protezzjoni u kunfidenzjalità tad-data

1.   Data dwar drogi u dipendenza fuq id-droga pprovduta liċ-Ċentru jew minnu tista' tiġi ppubblikata sakemm tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali dwar id-disseminazzjoni u l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni. Data personali ma tistax tiġi ppubblikata jew tkun disponibbli għall-pubbliku.

L-Istati Membri u l-punti fokali nazzjonali m'għandhomx ikunu obbligati li jipprovdu informazzjoni klassifikata bħala kunfidenzjali skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għaċ-Ċentru.

Artikolu 7

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma miċ-Ċentru.

2.   Il-Bord ta' Ġestjoni msemmi fl-Artikolu 9 għandu jadotta l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Id-Deċiżjonijiet meħudin miċ-Ċentru skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jagħtu lok għall-preżentazzjoni ta' kwerela lill-Ombudsman jew jiffurmaw il-bażi għal kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 8

Kapaċità ġuridika u post

1.   Iċ-Ċentru għandu jkollu personalità ġuridika. F'kull wieħed mill-Istati Membri, iċ-Ċentru għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. Huwa jista', b’mod partikolari, jixtri u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċeduri ġuridiċi.

2.   L-uffiċċju ewlieni taċ-Ċentru għandu jkun f'Liżbona.

Artikolu 9

Bord ta' Ġestjoni

1.   Iċ-Ċentru għandu jkollu Bord ta' Ġestjoni li jkun jikkonsisti f'rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, żewġ esperti indipendenti li jkunu partikolarment infurmati fil-qasam tad-droga, nominati mill-Parlament Ewropew, kif ukoll rappreżentant wieħed minn kull pajjiż li jkun ikkonkluda ftehim skond l-Artikolu 21.

Kull membru tal-Bord ta' Ġestjoni għandu jkollu vot wieħed, minbarra r-rappreżentanti tal-pajjiżi li jkunu kkonkludew ftehim skond l-Artikolu 21, li m’għandhomx ikollhom id-dritt li jivvutaw.

Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri bid-dritt tal-vot, ħlief fil-każijiet stipulati fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 20.

Kull membru tal-Bord ta' Ġestjoni jista' jkun assistit jew rappreżentat minn sostitut. Fin-nuqqas ta' membru sħiħ, li jkollu d-dritt tal-vot, is-sostitut tiegħu jista' jeżerċita dak id-dritt.

Il-Bord ta' Ġestjoni jista' jistieden bħala osservaturi li ma jivvutawx lil rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li ċ-Ċentru jikkopera magħhom skond l-Artikolu 20.

2.   Il-President u l-Viċi-President tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom ikunu eletti mill-membri tal-bord u minn fosthom għal perjodu ta' tliet snin. Il-mandati tagħhom jistgħu jkunu mġedda darba.

Il-President u l-Viċi-President għandhom ikollhom id-dritt li jieħdu parti fil-votazzjoni.

Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

3.   Il-laqgħat tal-Bord ta' Ġestjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Huwa għandu jkollu laqgħa ordinarja mill-anqas darba kull sena. Id-Direttur taċ-Ċentru, imsemmi fl-Artikolu 11, għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-ġestjoni, mingħajr id-dritt tal-vot, u għandu, taħt l-Artikolu 11(3), jipprovdi għas-Segretarjat tal-Bord.

4.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta programm ta' ħidma għal tliet snin fuq il-bażi ta' abbozz preżentat mid-Direttur, wara li jikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku msemmi fl-Artikolu 13 u jikseb l-opinjoni tal-Kummissjoni, u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

5.   Taħt il-programm ta’ ħidma ta' tliet snin, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta kull sena l-programm annwali ta' ħidma taċ-Ċentru fuq il-bażi ta' abbozz ippreżentat mid-Direttur, wara li jikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u jikseb l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm ta’ ħidma għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Huwa jista' jkun aġġustat matul is-sena b'konformità ma' l-istess proċedura.

6.   Fejn il-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-programm ta’ ħidma ta’ tliet snin jew ma' dak annwali, dawk il-programmi għandhom ikunu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni b'maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri bid-dritt tal-vot.

7.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru u jibagħtu sal-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri u lill-Istati Membri.

8.   Iċ-Ċentru għandu jibgħat kull sena lill-awtorità tal-baġit kwalunkwe informazzjoni relevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.

Artikolu 10

Kumitat Eżekuttiv

1.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jkun megħjun minn Kumitat Eżekuttiv. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jikkonsisti mill-President u l-Viċi-President tal-Bord ta' Ġestjoni, żewġ membri oħra mill-Bord ta' Ġestjoni li jirrappreżentaw l-Istati Membri u li jkunu maħtura mill-Bord ta' Ġestjoni u żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni. Id-Direttur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv.

2.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jiltaqa' mill-anqas darbtejn fis-sena u kull meta jkun meħtieġ li jkunu ppreparati deċiżjonijiet tal-Bord ta' Ġestjoni u li tingħata għajnuna jew pariri lid-Direttur. Għandu jiddeċiedi f'isem il-Bord ta' Ġestjoni dwar dawk il-kwistjonijiet previsti fir-regoli finanzjarji adottati skond l-Artikolu 15(10) li mhumiex riżervati għall-Bord ta' Ġestjoni permezz ta' dan ir-Regolament. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati b'kunsens.

Artikolu 11

Direttur

1.   Iċ-Ċentru għandu jkun immexxi minn Direttur maħtur mill-Bord ta' Ġestjoni fuq proposta tal-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin u li jista' jiġġedded.

2.   Qabel l-ewwel mandat minn massimu ta' tnejn, il-kandidat magħżul mill-Bord ta' Ġestjoni għall-kariga ta' Direttur għandu jkun mistieden bla dewmien biex jagħmel stqarrija quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jitpoġġew minn membri ta' dik l-istituzzjoni.

3.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal:

a)

il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u programmi adottati mill-Bord ta' Ġestjoni,

b)

l-amministrazzjoni ta' kuljum,

ċ)

it-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma taċ-Ċentru,

d)

il-preparazzjoni ta' l-istima temporanja tad-dħul u l-infiq taċ-Ċentru u l-implimentazzjoni tal-baġit,

e)

it-tħejjija u l-pubblikazzjoni tar-rapporti li hemm dispożizzjoni dwarhom f'dan ir-Regolament,

f)

il-ġestjoni ta’ l-affarijiet li jirrigwardaw l-istaff, u b’mod partikolari l-eżerċizzju tal-poteri li huma mogħtija lill-awtorità li tappunta,

g)

id-definizzjoni ta’ l-istruttura organizzattiva taċ-Ċentru u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni għall-approvazzjoni,

h)

it-twettiq tad-dmirijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2,

i)

l-evalwazzjoni regolari tal-ħidma taċ-Ċentru.

4.   Id-Direttur għandu jwieġeb għall-attivitajiet tiegħu lill-Bord ta' Ġestjoni.

5.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-Ċentru.

Artikolu 12

Smigħ tad-Direttur u tal-President tal-Bord ta' Ġestjoni quddiem il-Parlament Ewropew

Kull sena, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew ir-rapport ġenerali dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru. Il-Parlament Ewropew jista’ wkoll jitlob smigħ mad-Direttur u mal-President tal-Bord ta' Ġestjoni dwar kull suġġett relatat ma' l-attivitajiet taċ-Ċentru.

Artikolu 13

Kumitat Xjentifiku

1.   Il-Bord ta' Ġestjoni u d-Direttur għandhom ikunu megħjuna minn Kumitat Xjentifiku li għandu jagħti opinjoni meta hemm dispożizzjoni dwar dan fir-Regolament u dwar kull materja xjentifika li tirrigwarda l-attività taċ-Ċentru li l-Bord ta' Ġestjoni jew id-Direttur Eżekuttiv jistgħu jissottomettu lilu.

L-opinjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu pubblikati.

2.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jikkonsisti minn mhux iżjed minn ħmistax-il xjentist magħrufa sew maħtura in vista ta' l-eċċellenza xjentifika tagħhom u l-indipendenza tagħhom mill-Bord ta' Ġestjoni, wara pubblikazzjoni għal sejħa ta' espressjoni ta' interess fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-proċedura ta' l-għażla għandha tiżgura li l-oqsma ta' speċjalizzazzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku jkopru l-oqsma xjentifiċi l-aktar relevanti marbuta mal-problemi tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga.

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu appuntati fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom indipendentement mill-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità.

Il-Kumitat Xjentifiku għandu jikkonsidra l-pożizzjonijiet varji espressi fl-opinjonijiet ta' esperti nazzjonali, jekk disponibbli, qabel ma jagħti kwalunkwe opinjoni.

Sabiex tiġi implimentata d-Deċiżjoni 2005/387/JHA il-Kumitat Xjentifku jista' jiġi estiż skond il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

3.   Il-Membri għandhom iservu fuq il-Kumitat Xjentifiku għal perjodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded.

4.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jeleġġi lill-president tiegħu għal perjodu ta' tliet snin. Huwa għandu jitlaqqa' mill-President tiegħu mill-anqas darba fis-sena.

Artikolu 14

Tfassil tal-baġit

1.   Stimi tad-dħul u l-infiq kollu taċ-Ċentru għandhom ikunu ppreparati għal kull sena finanzjarja, li jikkorrispondu mas-sena kalendarja, u għandhom jiġu murija fil-baġit taċ-Ċentru.

2.   Id-dħul u l-infiq muri fil-baġit għandu jkun f'bilanċ.

3.   Id-dħul taċ-Ċentru għandu, bla ħsara għal riżorsi oħra, jikkonsisti f’sussidju mill-Komunità mdaħħal fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (it-Taqsima tal-Kummissjoni), pagamenti għal servizzi mogħtija u kwalunkwe kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-organizazzjonijiet u korpi u pajjiżi terzi msemmijin fl-Artikoli 20 u 21 rispettivament.

4.   L-infiq taċ-Ċentru għandu jinkludi:

a)

ir-rimunerazzjoni ta' l-istaff, spejjeż amministrattivi u ta' l-infrastruttura, u spejjeż ta’ l-operazzjoni;

b)

l-infiq bħala appoġġ għall-punti fokali tar-Reitox.

5.   Kull sena l-Bord tal-Ġestjoni, fuq il-bażi ta' abbozz magħmul mid-Direttur, għandu jipproduċi stima tad-dħul u l-infiq għaċ-Ċentru għas-sena finanzjarja li tkun ġejja. Din l-istima, li għandha tinkludi pjan temporanju ta' stabbiliment, għandha tintbagħat mill-Bord ta' Ġestjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu, flimkien mal-programm ta' ħidma taċ-Ċentru. L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-awtorità tal-baġit”) flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   Fuq il-bażi ta' l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tikkunsidra meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jiġi ddebitat lill-baġit ġenerali, li għandha tippreżenta lill-awtorità tal-baġit skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

7.   L-awtorità tal-baġit għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju liċ-Ċentru u għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għaċ-Ċentru.

8.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord tal-Ġestjoni. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, għandu jiġi aġġustat skond dan.

9.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, malajr kemm hu possibbli, jinnotifika l-awtorità tal-baġit bil-ħsieb tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar għall-baġit, partikolarment kwalunkwe proġett li għandu x'jaqsam mal-proprjetà bħall-kiri jew l-akkwist ta' bini. Għandu jinforma l-Kummissjoni b’dan.

Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-baġit tkun innotifikat il-ħsieb tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Ġestjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta' notifika tal-proġett.

Artikolu 15

Implementazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit taċ-Ċentru.

2.   Sa l-1 ta' Marzu, wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabilità taċ-Ċentru għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport fuq l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jagħmel konsolidazzjoni tal-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u korpi ddeċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju Ġenerali”).

3.   Sal-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji taċ-Ċentru lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport fuq l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport fuq l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għas-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Meta jkunu rċevuti l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri fuq il-kontijiet proviżorji taċ-Ċentru, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur għandu jagħmel il-kontijiet finali taċ-Ċentru taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u jagħtihom lill-Bord ta' Ġestjoni għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Ġestjoni għandu jagħti opinjoni fuq il-kontijiet finali taċ-Ċentru.

6.   Id-Direttur għandu, sa l-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord tal-Ġestjoni.

Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

7.   Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta' Settembru. Għandu ukoll jibgħat din it-tweġiba lill-Bord tal-Ġestjoni.

8.   Id-Direttur għandu jagħti lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

9.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

10.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għaċ-Ċentru għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Ma jistgħux ma jżommux mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (12) fuq ir-Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpijiet imsejħa fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 kemm-il darba dan ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-operazzjoni taċ-Ċentru u ma jkunx hemm il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw mingħajr restrizzjonijiet għaċ-Ċentru.

2.   Id-deċiżjonijet dwar l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-istrumenti li joħorġu minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF għandhom iwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fis-sedi ta' dawk li jirċievu fondi miċ-Ċentru.

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ikunu applikabbli wkoll għaċ-Ċentru.

Artikolu 18

Regolamenti ta' l-Istaff

Ir-Regolamenti ta' l-Istaff ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti ta' l-Istaff u l-Kundizzjonjiet ta’ l-Impjieg għandhom japplikaw għall-istaff taċ-Ċentru.

Fejn iħaddem staff minn pajjiżi terzi wara l-konklużjoni tal-ftehim li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 21, iċ-Ċentru għandu, fi kwalunkwe każ, ikun konformi mar-Regolamenti ta' l-Istaff u l-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Iċ-Ċentru għandu jeżerċita f'dak li jirrigwarda l-istaff tiegħu l-poteri li jingħataw lill-awtorità li tinnomina.

Il-Bord ta' Ġestjoni għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta r-regoli xierqa ta’ implimentazzjoni skond ir-Regolamenti tal-Istaff, l-Artikolu 110, u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg imsemmija fil-paragrafu 1.

Il-Bord ta' Ġestjoni jista’ wkoll jadotta dispożizzjonijiet sabiex jippermetti li esperti nazzjonali minn Stati Membri oħra jiġu impjegati b’self fiċ-Ċentru.

Artikolu 19

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali taċ-Ċentru għandha tkun regolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni permezz ta' klawsola ta' arbitraġġ li tkun inkluża f'kuntratt konkluż miċ-Ċentru.

2.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, iċ-Ċentru għandu, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara mwettqa miċ-Ċentru jew mill-istaff tiegħu fit-twettiq ta' dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li ghandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal dawn id-danni.

3.   Ir-responsabbiltà personali ta' l-istaff lejn iċ-Ċentru għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-istaff taċ-Ċentru.

Artikolu 20

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u korpi oħra

Bla ħsara għal relazzjonijiet li l-Kummissjoni jista’ jkollha bis-saħħa ta' l-Artikolu 302 tat-Trattat, iċ-Ċentru għandu attivament ifittex kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' korpi kompetenti oħrajn governattivi u mhux governattivi, partikolarment dawk Ewropej, fis-settur tad-droga.

Din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq arranġamenti ta' ħidma konklużi ma' l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmija fl-ewwel paragrafu. Dawk l-arranġamenti għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Ġestjoni fuq il-bażi ta’ l-abbozz preżentat mid-Direttur u wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni tagħha. Fejn il-Kummissjoni tesprimi nuqqas ta’ qbil ma’ dawn l-arranġamenti, il-Bord ta' Ġestjoni għandu jadottahom b’maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri bid-dritt tal-vot.

Artikolu 21

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Iċ-Ċentru għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe pajjiż terz li jkollu l-istess interessi tal-Komunità u dawk ta' l-Istati Membri tagħha fl-għanijiet u x-xogħol taċ-Ċentru, fuq il-bażi ta' ftehim li jkun sar bejn tali pajjiżi terzi u l-Komunità fuq il-bażi ta' l-Artikolu 300 tat-Trattat.

Artikolu 22

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'każijiet miftuħa kontra ċ-Ċentru taħt l-Artikolu 230 tat-Trattat.

Artikolu 23

Rapport ta’ Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru kull sitt snin b'mod li din issir mat-tlestija ta' tnejn mill-programmi ta’ ħidma ta' tliet snin taċ-Ċentru. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll is-sistema tar-Reitox. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta' Ġestjoni.

F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta għar-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fid-dawl ta’ l-iżviluppi dwar l-aġenziji regolatorji, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

Artikolu 24

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 302/93 huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, tat-12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 69, 21.3.2006, p. 22.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Ġunju 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1651/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 30).

(4)  Ara Anness II.

(5)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).

(6)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


ANNESS I

A.

Ix-xogħol taċ-Ċentru għandu jitwettaq billi jingħata kas tal-poteri rispettivi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha fil-qasam tad-droga, kif dawk il-poteri huma definiti bit-Trattat. Huwa għandu jkopri l-aspetti differenti tal-fenomenu tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga, u s-soluzzjonijiet applikati. F’dan, iċ-Ċentru għandu jkun iggwidat mill-Istrateġiji tad-Droga u l-Pjani ta’ Azzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea.

Iċ-Ċentru għandu jiffoka fuq dawn l-oqsma ta' prijorità:

1)

il-monitoraġġ ta’ l-istat tal-problema tad-droga, b’mod partikolari bl-użu ta’ indikaturi epidemoloġiċi u oħrajn, u l-monitoraġġ ta’ xejriet li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-użu ta’ drogi differenti flimkien;

2)

il-monitoraġġ tas-soluzzjonijiet applikati għall-problemi relatati mad-droga; il-provvista ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki fl-Istati Membri u jiffaċilita l-iskambju ta' dawn il-prattiki fosthom;

3)

l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi psikoattivi ġodda u tħaddim ta’ sistema ta’ informazzjoni rapida fir-rigward ta’ l-użu tagħhom, kif ukoll dwar il-metodi l-ġodda ta’ kif jintużaw is-sustanzi psikoattivi eżistenti;

4)

l-iżvilupp ta’ għodda u strumenti biex tkun iffaċilitata l-ħidma ta’ l-Istati Membri fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-linji politiċi nazzjonali tagħhom u l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.

B.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli liċ-Ċentru, għad-disseminazzjoni, l-informazzjoni u d-dettalji statistiċi li hija jkollha bis-saħħa tal-poteri tagħha.


ANNESS II

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR U L-EMENDI SUĊĊESSIVI

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93

ĠU L 36, tas-12.2.1993, p. 1.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3294/94

ĠU L 341, tas-30.12.1994, p. 7.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2220/2000

ĠU L 253, tas-7.10.2000, p. 1.

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1651/2003

ĠU L 245, tas-29.9.2003, p. 30.


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 1(3), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 2(A), sub-intestatura

Artikolu 2(a), sub-intestatura

Artikolu 2(A)(1)

Artikolu 2(a)(i), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(a)(i), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 2(A)(2) sa (5)

Artikolu 2(a)(ii) sa (v)

Artikolu 2(B), sub-intestatura

Artikolu 2(b), sub-intestatura

Artikolu 2(B)(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(b)(i), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(b)(i), it-tieni sentenza

Artikolu 2(B)(7)

Artikolu 2(b)(ii)

Artikolu 2(Ċ), sub-intestatura

Artikolu 2(ċ), sub-intestatura

Artikolu 2(Ċ)(8) sa (10)

Artikolu 2(ċ)(i) sa (iii)

Artikolu 2(D), sub-intestatura

Artikolu 2(d), sub-intestatura

Artikolu 2(D)(11) sa (13)

Artikolu 2(d)(i), (ii) u (iv)

Artikolu 2(d)(iii) u (v)

Artikolu 2(e)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2), (3) u (4)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5 (5)

Artikolu 6(2) u (3)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6a

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8, intestatura

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(1)

Artikolu 9(1), l-ewwel, ir-raba' u l-ħames subparagrafu

Artikolu 8(2)

Artikolu 9 (1), it-tieni u t-tielet subparagrafi

Artikolu 9(2);

Artikolu 9(3), it-tieni sentenza

Artikolu 9(3), l-ewwel u t-tielet sentenza

Artikolu 8(3)

Artikolu 9(4)

Artikolu 8(4)

Artikolu 9(5), l-ewwel u t-tielet sentenza

Artikolu 9(5), it-tieni sentenza

Artikolu 9(6)

Artikolu 8(5) u (6)

Artikolu 9(7) u (8)

Artikolu 10

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(3)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, mill-ewwel sas-sitt inċiż

Artikolu 11(3)(a) sa (f), l-ewwel sentenza

Artikolu 11(3)(f), it-tieni sentenza

Artikolu 11(3)(g)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, is-seba’ inċiż

Artikolu 11(3)(h)

Artikolu 11(3)(i)

Artikolu 9(2) u (3)

Artikolu 11(4) u (5)

Artikolu 12

Artikolu 10(1)

Artikolu 13(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 13(2) l-ewwel u r-raba subparagrafu

Artikolu 13(2), it-tieni u t-tielet subparagrafu

Artikolu 10(3), (4) u (5)

Artikolu 13(3) u (4)

Artikolu 11(1) sa (6)

Artikolu 14(1) sa (5)

Artikolu 11(7) sa (10)

Artikolu 14(6) sa (9)

Artikolu 11a(1)sa (5)

Artikolu 15(1) sa (5)

Artikolu 11a(6) u (7)

Artikolu 15(6)

Artikolu 11a(8) sa (11)

Artikolu 15(7) sa (10)

Artikolu 16

Artikolu 12

Artikolu 20

Artikolu 20, it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1)

Artikolu 21

Artikolu 13(2)

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 18, l-ewwel, it-tielet u r-raba' subparagrafu

Artikolu 18, it-tieni u l-ħames subparagrafu

Artikolu 16

Artikolu 19

Artikolu 17

Artikolu 22

Artikolu 18

Artikolu 23, l-ewwel subparagrafu, l-ewwel u t-tielet sentenza

Artikolu 23, l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 23, it-tieni subparagrafu

Artikolu 24

Artikolu 19

Artikolu 25

Anness, paragrafu A, l-ewwel subparagrafu

Anness I, paragrafu A, l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Anness I, paragrafu A, l-ewwel subparagrafu, it-tieni u t-tielet sentenza

Anness I, paragrafu A, it-tieni subparagrafu, il-punti (1) sa (4)

Anness, paragrafu A, it-tieni subparagrafu, il-punti (1) sa (5)

Anness, paragrafu B

Anness I, paragrafu B

Anness, paragrafu Ċ

Anness II

Anness III