1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

578


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1882/2006

tad-19 ta’ Diċembru 2006

li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta’ nitrati f’ċerti oġġetti ta’ l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli tal-benessri ta’ l-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-livelli massimi għal ċerti sustanzi li jikkontaminaw fl-oġġetti ta' l-ikel (2) jipprevedi l-livelli massimi ta’ nitrati fl-ispinaċi, il-ħass, il-ħass tat-tip “iceberg”, l-ikel tat-trabi u ikel għat-trabi u t-tfal żgħar ibbażat fuq iċ-ċereali pproċessati.

(2)

It-teħid ta’ kampjuni għandu rwol importanti fil-preċiżjoni tal-kalkolu tal-livelli ta’ nitrati, kif ukoll fil-proċeduri ta’ tħejjija tal-kampjuni.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ġenerali li magħhom għandu jikkonforma l-metodu ta' analiżi biex jiġi żgurat li l-laboratorji ta' verifika jużaw metodi ta' analiżi b'livelli kumparabbli ta' prestazzjoni.

(4)

Il-ħass frisk u l-ispinaċi huma prodotti li jmorru malajr u f’ħafna każi mhux possibbli li l-kunsinni jinżammu sakemm ikun disponibbli r-riżultat analitiku tal-verifka uffiċjali. Għalhekk f’dawn il-każjijiet l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkunsidraw li huwa xieraq u meħtieġ li jwettqu teħid uffiċjali ta’ kampjuni fl-għalqa ftit qabel il-ħsad.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-teħid tal-kampjuni, it-tħejjija tal-kampjuni u l-analiżijiet għall-verifika uffiċjali tal-livelli ta’ nitrati fl-oġġetti ta’ l-ikel elenkati fit-Taqsima 1 ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandhom jitwettqu skond il-metodi stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Corrigendum ippubblikat fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2006 (ĠU L 136, 24.5.2006, p. 3).

(2)  Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

METODI TA’ TEĦID TA’ KAMPJUNI, TĦEJJIJA U ANALIŻI TA’ KAMPJUNI GĦALL-VERIFIKA UFFIĊJALI TAL-LIVELLI TA’ NITRATI F’ĊERTI OĠĠETTI TA’ L-IKEL

A.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Il-verifiki uffiċjali għandhom jitwettqu bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonjiet fir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

A.1   L-Ambitu

Il-kampjuni maħsuba għall-verifika uffiċjali tal-livelli ta' kontenut ta' nitrat fl-oġġetti ta' l-ikel elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) 1881/2006 għandhom jittieħdu skond il-metodi stabbiliti f'dan l-Anness. Il-kampjuni kumplessivi hekk miġbura, jew direttament mill-għalqa nkella minn xi lott, għandhom jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-lottijiet.

Il-konformità għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-livelli kkalkulati fil-kampjuni tal-laboratorju.

A.2   Definizzjonijiet

Għall-għaniijiet ta' dan l-Anness għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

A.2.1

“lott” tfisser kwantità identifikabbli ta’ prodott ta’ l-ikel li tasal għal ħsad fl-istess żmien jew tiġi kkunsinjata f'daqqa u li l-uffiċjal ikun sab li għandha karatteristiċi komuni, bħall-oriġini, il-varjetà jew it-tip ta’ ħamrija ġewwa żona massima ta’ 2 ettari, it-tip ta’ ippakkjar, il-persuna li tippakkja, min jagħmel il-kunsinna jew xi marki.

A.2.1

“sublott” tfisser parti stabbilita ta' lott kbir sabiex fuqha jiġi applikat il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni fuq dik il-parti stabbilita; kull sublott għandu jkun fiżikament separat u identifikabbli.

A.2.3

“kampjun jew unità inkrementali” tfisser kwantità ta' materjal meħuda minn post wieħed fil-lott jew fis-sublott. F’dan il-każ tista’ tkun xitla waħda tal-ħass jew spinaċi, jew ponn weraq ġdid, jew borża weraq maqtugħ.

A.2.4

“kampjun kumplessiv” tfisser it-total kumplessiv tal-kampjuni inkrementali kollha meħudha mill-lott jew mis-sublott.

A.2.5

“kampjun tal-laboratorju” tfisser kampjun biex jintuża fil-laboratorju.

A.2.6

“għalqa” tfisser biċċa art speċifikata ta’ l-istess tip ta’ ħamrija u maħduma bl-istess mod li fiha varjetà waħda ta’ ħass jew spinaċi fl-istess fażi ta’ tkabbir. “Għalqa” tista’ wkoll tissejjaħ “lott” fil-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni.

A.2.7

“żona mgħottija” tfisser biċċa art speċifikata mgħottija taħt serra jew politubu (tubu tal-plastik jew polyethylene jew serra) li jkun fihom varjetà waħda ta’ ħass jew spinaċi fl-istess fażi ta’ tkabbir u li se jinqatgħu fl-istess żmien. “żona mgħottija” tista’ tissejjaħ ukoll “lott” fil-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni.

A.3   Dispożizzjonijiet ġenerali

A.3.1   Il-Persunal

Il-teħid ta' kampjuni għandu jsir minn persuna awtorizzata kif indikat mill-Istat Membru.

A.3.2   Il-Materjal li minnu għandu jittieħed kampjun

Kull lott li għandu jiġi eżaminat irid jittieħed kampjun minnu separatament. Il-lottijiet il-kbar (jiġifieri lottiijiet ta’ iżjed minn 30 tunnellata jew ikbar minn 3 ettari) għandhom jinqasmu f’sublottijiet biex jittieħed kampjun minnhom separatament.

A.3.3   Prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu

Matul it-teħid ta’ kampjuni u t-tħejjija tal-kampjuni, għandhom jittieħdu prekawżjonijiet biex ma jsirx tibdil li jista’ jaffettwa:

il-kontenut ta’ nitrat, li jaffettwa ħażin il-kalkolu analitiku jew minħabba f’hekk il-kampjuni kumplessivi ma jibqgħux rappreżentattivi, eż. il-preżenza ta' ħamrija fuq il-ħass jew l-ispinaċi waqt it-tħejjija tal-kampjun;

is-sikurezza ta’ l-ikel jew l-integrità tal-lottijiet li minnhom jittieħed kampjun.

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex titħares is-sigurtà ta’ min jieħu l-kampjuni.

A.3.4   Kampjuni inkrementali

Safejn hu possibbli l-kampjuni inkrementali għandhom jittieħdu f'postijiet differenti mifruxa madwar il-lott jew is-sublott kollu. It-tbegħid minn din il-proċedura għandu jiġi reġistrat kif previst fil-parti A.3.8. ta’ dan l-Anness.

A.3.5   It-tħejjija tal-kampjun kumplessiv

Il-kampjun kumplessiv għandu jsir bit-taħlita tal-kampjuni inkrementali.

A.3.6   Kampjuni replikati

Il-kampjuni replikati għall-finijiet ta' infurzar, difiża u arbitraġġ għandhom jittieħdu mill-kampjun kumplessiv omoġenizzat, sakemm din il-proċedura ma tkunx kontra r-regoli ta' l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-kummerċjant fil-qasam alimentari.

A.3.7   Ippakkjar u kunsinja ta' kampjuni

Kull kampjun għandu jitqiegħed f’borża tal-plastik nadifa, inerti, opaka ssiġillata biex twaqqaf it-telf ta’ umdità u toffri ħarsien xieraq kontra kull ħsara jew tinġis.

Il-kampjun irid jiġi trasferit lejn il-laboratorju fi żmien 24 siegħa minn meta jittieħed u għandu jinżamm frisk waqt it-trasport. Jekk dan ma jkunx possibbli l-kampjun għandu jiġi ffriżat fi żmien 24 siegħa u jinżamm iffriżat (sa massimu ta’ 6 ġimgħat).

Il-prekawzjonijiet addizzjonali kollha meħtieġa għandhom jittieħdu biex tiġi evitata kull bidla fil-kompożizzjoni tal-kampjun, li tista' tinqala’ waqt it-trasport jew il-ħażna.

A.3.8   L-issiġillar u twaħħil tat-tikketti tal-kampjuni

Kull kampjun meħud għall-użu uffiċjali għandu jkun issiġillat fil-post minn fejn jinġabar u għandu jkun identifikat skond ir-regoli ta’ l-Istat Membru.

Għandu jinżamm rekord ta' kull kampjun, li jippermetti li kull lott jiġi identifikat mingħajr ambigwità u l-uffiċjal li jieħu l-kampjuni għandu jniżżel il-varjetà, il-persuna li tkabbar, il-metodu tat-tkabbir, id-data, il-post ta’ fejn ittieħed il-kampjun, il-kummerċjant fil-qasam alimentari responsabbli mill-kunsinna, u kull tagħrif ieħor rilevanti li jista’ jkun ta’ għajnuna għall-analista.

A.4   Tipi differenti ta' lottijiet

Il-prodotti ta’ l-ikel jistgħu jiġu kummerċjalizzati bil-massa jew f’kontejners, fosthom xkejjer, boroż u qratal, jew f’pakketti individwali għal bejgħ bl-imnut. Il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni jista’ jiġi applikat għall-forom kollha differenti li fihom il-prodotti jitqiegħdu fis-suq.

B.   IL-METODU TA’ KIF JITTIEĦED IL-KAMPJUN

Safejn hu possibbli, il-kampjuni inkrementali għandhom jittieħdu f'postijiet differenti mal-lott jew is-sublott kollu.

B.1   Teħid ta’ kampjuni fl-għalqa

F’każ li l-awtorità kompetenti tqis li hu meħtieġ tieħu kampjuni tal-ħass jew l-ispinaċi fl-għalqa, it-teħid għandu jsir kif ġej:

Il-kampjuni inkrementali m’għandhomx jinġabru minn żoni li jidhru li ma jirrappreżentawx dak li hemm fl-għalqa jew fiż-żona mgħottija. Żoni b’tipi differenti ta’ ħamrija, li nħadmu b'modi differenti jew li fihom varjetajiet differenti ta' ħass jew spinaċi, jew li jaslu għal ħsad fi żmien differenti, għandhom jitqiesu bħala lottijiet jew għelieqi separati. Jekk l-għalqa hija akbar minn 3 ettari, għandha tinqasam f'sublottijiet ta’ 2 ettari u kull sublott titieħidlu kampjun għalih.

Il-kampjuni inkrementali għandhom jinġabru minn punti differenti fl-għalqa skond il-forma ta’ “W” jew “X”. Uċuħ maħsuda minn mixtliet dojoq jew żoni mgħottija għandhom jinqalgħu skond il-forma ta’ “W” jew “X” minn bosta mixtliet u jitqiegħdu flimkien biex jiffurmaw il-kampjun kumplessiv.

Ix-xtieli jridu jinqatgħu minn fejn imissu ma’ l-art.

Il-kampjun irid ikun fih mill-anqas għaxart ixtieli, u l-kampjun kumplessiv ta' għaxart ixtieli jrid ta' l-anqas jiżen 1 kg. Għandhom jittieħdu kampjuni minn unitajiet ta' daqs kummerċjabbli biss (1). Il-ħamrija, weraq imħassar jew li ma jittikilx għandhom jitneħħew minn kull unità.

B.2   It-teħid ta’ kampjuni ta’ lottijiet ta’ spinaċi, ħass, ikel għat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal iż-żgħar fis-suq

Il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni huwa applikabbli għal-lottijiet iżgħar minn 25 tunnellata jew ta' dan id-daqs.

Fil-każ ta’ lottijiet kbar (lottijiet > 30 tunnellata), il-lott għandu jinqasam f’sublottijiet ta’ 25 tunnellata, fil-prinċipju, bil-kundizzjoni li s-sublott jista’ jinfired fiżikament. Minħabba li l-piż tal-lott mhux dejjem ikun multiplu eżatt ta’ 25 tunnellata, il-piż tas-sublott jista' jaqbeż il-piż imsemmi b'mhux aktar minn 20 %. Dan ifisser li s-sublott jista’ jkollu piż li jvarja bejn il-15 u t-30 tunnellata. F’każ li l-lott mhux mifrud jew ma jistax jinfired fiżikament f’sublottijiet, il-kampjun jittieħed mil-lott.

Il-kampjun kumplessiv għandu jkun jiżen ta’ l-inqas 1 kg, għajr meta ma jkunx possibbli eż. meta jittieħed kampjun ta’ ras jew pakkett wieħed.

L-għadd minimu ta' kampjuni inkrementali li għandhom jittieħdu mil-lott għandu jkun kif jidher fit-Tabella 1.

Tabella 1

Għadd minimuu ta' kampjuni inkrementali li għandhom jittieħdu mil-lott

Il-piż tal-lott (f’kg)

Għadd minimu ta' kampjuni inkrementali li jridu jittieħdu

Piż minimu ta’ kampjun kumplessiv (kg)

< 50

3

1

50 sa 500

5

1

> 500

10

1

Jekk il-lott jikkonsisti f'pakketti individwali, allura l-għadd ta' pakketti li għandhom jittieħdu biex jiffurmaw il-kampjun kumplessiv jidher fit-Tabella 2.

Tabella 2

Għadd ta’ pakketti (kampjuni inkrementali) li se jittieħdu biex jgħaqqdu l-kampjun kumplessiv jekk il-lott ikun magħmul minn pakketti individwali

Għadd ta’ pakketti jew unitajiet fil-lott

Għadd ta’ pakketti jew unitajiet li jridu jittieħdu

Piż minimu ta’ kampjun kumplessiv (kg)

1 sa 25

Pakkett wieħed jew unità waħda

1

26 sa 100

madwar 5 %, ta’ l-inqas 2 pakketti jew unitajiet

1

> 100

madwar 5 %, b’massimu 10 pakketti jew unitajiet

1

Kull lott jew sublott li jrid jiġi spezzjonat għal konformità jrid jitteħidlu kampjun b' mod separat. Iżda, f’każijiet fejn metodi ta’ teħid ta’ kampjuni jwasslu għal konsegwenzi kummerċjali mhux aċċettabbli li ġejjin minn danni fil-lott (minħabba formati ta’ ippakkjar, mezzi ta’ trasport, eċċ) jista’ jiġi applikat metodu alternattiv ta’ teħid ta’ kampjuni, sakemm ikun żgurat li l-kampjun kumplessiv huwa biżżejjed rappreżentattiv tal-lott li tiegħu ttieħed kampjun u huwa deskritt u dokumentat fis-sħiħ. Il-pożizzjoni li minnha jittieħed il-kampjun fil-lott għandha preferibilment tingħażel b’mod każwali, iżda fejn dan ma jkunx jista’ jsir fiżikament, għandu jittieħed minn pożizzjoni każwali mill-partijiet aċċessibbli tal-lott.

B.3   Teħid ta' kampjuni fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut

It-teħid tal-kampjuni tal-prodotti ta’ l-ikel fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għandu jsir fejn possibbli skond id-dispożizzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f’B2.

Fejn dan mhux possibbli, jista’ jintuża metodu ta’ teħid ta’ kampjuni alternattiv fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut sakemm ikun żgurat li l-kampjun komplessiv huwa biżżejjed rappreżentattiv tal-lott tal-kampjun u li huwa deskritt u dokumentat fis-sħiħ (2).

B.4   Valutazzjoni ta’ konformità ta’ lott jew sublott

aċċettazzjoni jekk il-kampjun tal-laboratorju jkun konformi mal-limitu massimu, filwaqt li titqies l-inċertezza tal-kejl u l-korrezzjoni skond l-irkupru,

tiċħid jekk il-kampjun tal-laboratorju jaqbeż il-limitu massimu lilhinn minn kull dubju raġonevoli, meta titqies l-inċertezza tal-kejl u l-korrezzjoni skond l-irkupru (jiġifieri jintuża r-riżultat analitiku bil-korrezzjoni skond l-irkupru u naqqas l-inċertezza tal-kejl minħabba l-espansjoni biex tiġi vverifikata l-konformità).

C.   PREPARAZZJONI TAL-KAMPJUN

(1)

Fil-każ tat-teħid ta’ kampjuni ta’ prodotti friski, il-preparazzjoni tal-kampjuni għandha ssir fl-24 siegħa qabel it-teħid, jekk ikun possibbli. Jekk le, il-kampjun għandu jinżamm iffriżat (sa massimu ta’ 6 ġimgħat).

(2)

Ħamrija, weraq maħmuġ ħafna u weraq ieħor imqatta’ u ta’ barra li ma jittikilx għandhom jitneħħew minn kull waħda mill-unitajiet individwali. Ma jistax isir ħasil tal-kampjuni peress li l-kontenut ta’ nitrati jista’ jonqos bil-ħasil tal-kampjuni.

(3)

Il-kampjun komplut irid jiġi omoġenizzat (iż-żieda ta’ kwantità magħrufa ta’ ilma mhijiex obbligatorja). Skond id-daqs tal-blender/maċeratur/lexxuna użata, jistgħu jiġu kkumbinati unità jew unitajiet individwali għal skopijiet ta’ omoġenizzazzjoni. L-ibblendjar jista’ jsir aħjar bl-iffriżar u t-tqattigħ ta’ l-unitajiet qabel ma ssir l-omoġenizzazzjoni. Irid jiġi ppruvat li l-proċess ta’ omoġenizzazzjoni użat jikseb omoġenizzazzjoni sħiħa. L-omoġenizzazzjoni sħiħa hija essenzjali għal estrazzjoni massima u r-rikupru tan-nitrat. Il-kampjuni għandhom jiġu ttrattati b’mod identiku sew jekk ġejjin mill-għalqa kif ukoll jekk inkisbu mill-istadju ta’ bejgħ bl-imnut.

(4)

Kampjun analitiku wieħed jew aktar jittieħed għall-analiżi mill-fdal ikkombinat.

D.   METODU TA’ ANALIŻI, RAPPURTAR TA’ RIŻULTATI U REKWIŻITI TA’ VERIFIKA FIL-LABORATORJU

D.1   Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan l-Anness għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:

r

=

Ripetittività, valur li taħtu d-differenza assoluta bejn żewġ riżultati ta' testijiet miksuba taħt kondizzjonijiet ta' ripetittività, jiġifieri l-istess kampjun, l-istess operatur, l-istess apparat, l-istess laboratorju u intervall qasir ta' żmien, x’aktarx mistennija li tinsab fi ħdan probabilità speċifika (tipikament 95 %) u għalhekk r = 2,8 × sr.

sr

=

Devjazzjoni standard, ikkalkulata minn riżultati ġġenerati taħt kondizzjonijiet ta' ripetittività

RSDr

=

Devjazzjoni standard relattiva, ikkalkulata mir-riżultati ġġenerati taħt kondizzjonijiet ta' ripetittività [(sr /

Image

Test ta 'immaġni ) × 100].

R

=

Riproduċibilità, il-valur li taħtu id-differenza assoluta bejn żewġ riżultati ta' testijiet miksuba taħt kondizzjonijiet ta’ riproduċibilità, jiġifieri fuq materjal identiku miksub minn operaturi f'laboratorji differenti, bl-użu tal-metodu standardizzat tat-test x’aktarx mistennija li tinsab fi ħdan probabilità speċifika (tipikament 95 %); R = 2,8 × sR.

sR

=

Devjazzjoni standard, ikkalkulata mir-riżultati taħt kondizzjonijiet ta' riproduċibilità.

RSDR

=

Devjazzjoni standard relattiva kkalkulata mir-riżultati ġġenerati taħt kondizzjonijiet ta' riproduċibilità [(sR /

Image

Test ta 'immaġni ) × 100].

D.2   Rekwiżiti ġenerali

Il-metodi ta' analiżi użati għal għaniijiet ta' verifika ta' ikel għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 u l-punt 2 ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

D.3   Rekwiżiti speċifiċi

D.3.1   Proċedura ta’ estrazzjoni

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-proċedura ta’ estrazzjoni użata. Għadd ta’ proċeduri ta’ estrazzjoni nstabu li jiggarantixxu l-estrazzjoni effettiva tan-nitrat, bħall-metodu ta’ estrazzjoni bil-misħun jew bil-metanol/l-ilma (30/70). L-estrazzjoni bl-ilma kiesaħ tista’ tintuża biss jekk il-kampjun analitiku jkun ġie ffriżat qabel l-estrazzjoni tal-kampjun.

D.3.2   Kriterji ta’ prestazzjoni

Il-kriterji speċifiċi għall-metodi ta’ analiżi użati fil-monitoraġġ tal-livelli ta’ nitrat għandhom ikunu:

Kriterju:

Medda ta’ konċentrazzjoni

Valur rakkomandat

Valur massimu li jista’ jkollok

Irkupru

< 500 mg/kg

60-120 %

 

≥ 500 mg/kg

90-110 %

 

Preċiżjoni RSDR

Kollha

Kif miksuba mill-Ekwazzjoni Horwitz

2 × il-valur miksub mill-Ekwazzjoni Horwitz

Il-Preċiżjoni RSDr tista’ tiġi kkalkulata bħala 0,66 multiplikata bil-Preċiżjoni RSDR fil-konċentrazzjoni partikolari

Punti dwar il-kriterji ta’ prestazzjoni

Il-meded ta’ konċentrazzjoni mhumiex jingħataw, peress li l-valuri ta’ preċiżjoni huma kkalkulati fil-konċentrazzjonijiet partikolari.

Il-valuri ta' preċiżjoni huma kkalkulati mill-ekwazzjoni Horwitz, jiġifieri:

RSDR = 2(1-0,5logC)

fejn:

RSDR hija d-devjazzjoni standard relattiva kkalkulata mir-riżultati ġġenerati taħt kondizzjonijiet ta' riproduċibilità [(Sr /Image Test ta 'immaġni ) × 100].

C huwa l-proporzjon ta’ konċentrazzjoni (i.e. 1 = 100 g/100 g, 0,001 = 1 000 mg/kg)

D.4   Rappurtar ta’ riżultati, stima ta’ l-inċertezza tal-kejl u kalkolu ta' rkupru (3)

Ir-riżultat analitiku għandu jiġi rappurtat korrett jew mhux korrett skond l-irkupru. Il-mod tar-rappurtar u l-livell ta' rkupru għandhom ikunu rrappurtati. Ir-riżultat analitiku korrett skond l-irkupru għandu jintuża għall-verifika tal-konformità.

Ir-riżultat analitiku għandu jkun irrapportat bħala × +/– U fejn x huwa r-riżultat analitiku u U hija l-inċertezza tal-kejl minħabba l-espansjoni.

U hija l-inċertezza tal-kejl minħabba l-espansjoni, bl-użu ta’ fattur ta’ kopertura ta' 2 li jagħti livell ta’ kunfidenza ta’ madwar 95 %.

Ir-regoli attwali ta’ interpretazzjoni tar-riżultat analitiku fid-dawl ta’ l-aċċettazzjoni jew it-tiċħid tal-lott jgħoddu għar-riżultat analitiku miksub fuq il-kampjun għall-verifika uffiċjali. F’każ ta' analiżi għal għanijiet ta' difiża jew ta' arbitraġġ, japplikaw ir-regoli nazzjonali.

D.5   Standards ta’ kwalità tal-laboratorju

Il-laboratorju għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.


(1)  Id-daqs kummerċjabbli għat-tipi differenti ta’ ħass, indivja tal-werqa mkebba u dik tal-werqa wiesgħa huwa stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2001 tas-27 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi l-istandard kummerċjabbli għall-ħass u l-indivja tal-werqa mkebba u tal-werqa wiesgħa (ĠU L 203, 28.7.2001, p. 9) kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 6/2005 ta’ l-4 ta’ Jannar 2005 (ĠU L 2, 5.1.2005, p. 3).

(2)  F’każ li l-biċċa li se tintuża bħala kampjun hija tant żgħira li jkun impossibbli tikseb kampjun kumplessiv ta’ 1kg, il-piż tal-kampjun kumplessiv jista’ jkun inqas minn 1kg. Hekk ukoll fil-każ ta’ teħid ta' kampjun ta' ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar, il-piż tal-kampjun kumplessiv jista’ jkun 0.5 kg.

(3)  Aktar dettalji dwar proċeduri għall-istima ta’ l-inċertezza tal-kejl u dwar proċeduri għall-valutazzjoni ta’ l-irkupru jinsabu fir-rapport “Rapport dwar ir-relazzjoni bejn ir-riżultati analitiċi, l-inċertezza tal-kejl, il-fatturi ta’ rkupru u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta l-ikel u l-għalf ta’ l-UE” — http://ec.europa.eu/comm/food/food/chemicalsafety/contaminants/report-sampling_analysis_2004_en.pdf