22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

179


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1830/2006

tat-13 ta' Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2092/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta’ ċanga mnixxfa mingħajr għadam li toriġina mill-Iżvizzera

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward taċ-ċanga u l-vitella (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi,

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2092/2004 (2) jiftaħ, fuq bażi multi-annwali għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, kwota tariffarja mingħajr dazju fuq l-importazzjoni għall-importazzjoni ta’ 1 200 tunnellata ta’ ċanga mnixxfa mingħajr għadam li taqa’ taħt il-kodiċi tan-NM ex 0210 20 90 u li toriġina fl-Iżvizzera.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistipula regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli rregolati b'sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni (3) japplika għal-liċenżji tal-importazzjoni għal perjodi ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistipula b’mod partikolari dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenżji tal-importazzjoni, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ ta' liċenżji. Dan ir-Regolament jistipula li l-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni għandhom jinfetħu għal perjodu ta' 12-il xahar konsekuttiv u jillimita l-perjodu ta' validità tal-liċenzji sal-aħħar jum tal-perjodu ta' kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 2092/2004, bla ħsara għal kundizzjonijiet addizzjonali jew derogi stipulati f'dan ir-Regolament. Billi r-Regolament (KE) Nru 2092/2004 jistipula li din il-kwota partikolari hija rregolata fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ awtentiċità maħruġa mill-awtoritajiet Żvizzeri u liċenzji tal-importazzjoni, huwa meħtieġ li jinġiebu konformi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2092/2004 fir-rigward ta’ Kapitolu I u III tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 fejn xieraq.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2092/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaċ-Ċanga u għall-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2092/2004 qed jiġi emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, l-ewwel subparagrafu qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Kwota tariffarja Komunitarja mingħajr dazju fuq l-importazzjoni għal-laħam imnixxef mingħajr għadam tal-annimali bovini li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 0210 20 90 u li joriġina fl-Iżvizzera qiegħda b’dan tinfetaħ kull sena għal volum annwali ta’ 1 200 tunnellata għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru (minn issa ’l quddiem il-kwota)”.

2.

Fl-Artikolu 2(2) jitħassar it-tieni subparagrafu.

3.

L-Artikolu 5 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità u l-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi għal tliet xhur mid-dati rispettivi tal-ħruġ tagħhom.”

4.

L-Artikolu 6 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1445/95, kif ukoll il-Kapitolu I u III tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 362, 9.12.2004, p. 4.

(3)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.