18.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

46


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1665/2006

tas-6 ta’ Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta’ oriġini ta’ annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipola regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta' prodotti dderivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum uman, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-marka tas-saħħa.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistipula r-regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (2), ġeneralment ma jippermettix li laħam tal-ħanżir domestiku jitlaq mill-biċċerija qabel ma jiġu kkomunikati r-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni għall-infestazzjoni tat-Trichinella lill-veterinarju uffiċjali. Madanakollu, ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 taħt ċerti kundizzjonijiet stretti jippermetti li tiġi applikata l-marka tas-saħħa u li l-laħam jiġi rrilaxxat għat-trasport qabel ma jkunu magħrufa r-riżultati. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti tivverifika li t-traċċabilità sħiħa tal-laħam rilaxxat tkun taħdem il-ħin kollu.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005, il-paragrafu 3 jiġi mibdul b'dan li ġej:

3.   Fejn f’biċċerija jkun hemm proċedura taħdem biex tiżgura li l-ebda parti tal-karkassa eżaminata ma titlaq mill-post qabel mar-riżultat ta’ l-eżami tat-Trichinella joħroġ negattiv u l-proċedura tkun approvata b’mod formali mill-awtorità kompetenti jew fejn tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) (b), il-marka tas-saħħa prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tista' tiġi applikata qabel ma r-riżultati ta' l-eżami tat-Trichinella jkunu disponibbli.'

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-6 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Verżjoni kkoreġuta mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 183).

(2)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60.