1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

327


REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (KE) Nru 1637/2006

tat-2 ta’ Novembru 2006

dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja

(BĊE/2006/15)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 47.2,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament BĊE/2003/9 tat-12 ta’ Settembru 2003, dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet (3),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4),

Wara li kkunsidra r-Regolament BĊE/2001/13 tat-22 ta’ Novembru 2001, dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja fl-1 ta’ Jannar 2007, tfisser illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fis-Slovenja ser ikunu soġġetti għall-obbligi tar-riżervi sa minn dik id-data.

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fi ħdan is-sistema tar-riżervi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri parteċipanti, inkluża s-Slovenja.

(3)

L-Artikolu 5 ta’ l-Istatut flimkien ma’ l-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jimplika obbligu għall-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw fuq livell nazzjonali l-miżuri xierqa kollha għall-ġbir ta’ l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar statistiku tal-BĊE u biex jiżguraw li fil-qasam ta’ l-istatistika kollox jitħejja fil-ħin għall-adozzjoni ta’ l-euro,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “istituzzjoni”, “obbligu tar-riżerva”, “perijodu ta’ manteniment”, “bażi tar-riżerva”, u “Stat Membru parteċipanti” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament BĊE/2003/9.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja

1.   B’deroga għall-Artikolu 7 tar-Regolament BĊE/2003/9, perijodu ta’ manteniment tranżitorju għandu jibda jgħaddi mill-1 ta’ Jannar 2007, sas-16 ta’ Jannar 2007, għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja.

2.   Il-bażi tar-riżerva ta’ kull istituzzjoni li tinsab fis-Slovenja għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju għandha tkun iddefinita fir-rigward ta’ xi elementi fil-karta tal-bilanċ tagħha kif tkun fil-31 ta’ Ottubru 2006. L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja għandhom jirrapportaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lill-Banka Slovenije skond il-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għal statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament BĊE/2001/13. L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament BĊE/2001/13 għandhom jikkalkulaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju fuq il-bażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom kif tkun fit-30 ta’ Settembru 2006.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manteniment tranżitorju, ir-riżervi minimi ta’ istituzzjoni għandhom jiġu kkalkulati jew mill-istituzzjoni stess li tkun tinsab fis-Slovenja jew mill-Banka Slovenije. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkoli tagħha lill-parti l-oħra u tippermetti żmien biżżejjed biex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifikahom u tissottometti reviżjonijiet mhux aktar tard mill-11 ta’ Diċembru 2006. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inkluż kull reviżjoni tagħhom, jekk applikabbli, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet mhux aktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2006. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont tar-riżervi minimi sat-12 ta' Diċembru 2006, hija għandha titqies li qed taċċetta li l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manteniment tranżitorju.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra parteċipanti

1.   Il-perijodu ta’ manteniment applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra parteċipanti skond l-Artikolu 7 tar-Regolament BĊE/2003/9 m’għandux ikun affettwat mill-eżistenza ta’ perijodu ta’ manteniment tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja.

2.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perijodi ta' manteniment mit-13 ta’ Diċembru 2006, sas-16 ta’ Jannar 2007, u mis-17 ta’ Jannar 2007, sat-13 ta’ Frar 2007, kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja, minkejja l-fatt illi f’dak iż-żmien li r-riżervi minimi jkunu qed jiġu kkalkulati, dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fuq il-listi ta’ istituzzjonijiet soġġetti għall-obbligi tar-riżerva msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament BĊE/2003/9.

3.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra parteċipanti li jixtiequ jnaqqsu l-passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja għandhom, għall-perijodi ta’ manteniment mit-13 ta’ Diċembru 2006, sas-16 ta’ Jannar 2007, u mis-17 ta’ Jannar 2007, sat-13 ta’ Frar 2007, jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom fuq il-bażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom kif tkun fil-31 ta’ Ottubru 2006, u fit-30 ta’ Novembru 2006, rispettivament u jirrappurtaw permezz ta’ tabella skond in-nota ta’ qiegħ il-paġna (5) tat-Tabella 1 ta’ l-Anness 1 tar-Regolament BĊE/2001/13 li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenija bħala li huma diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li l-istituzzjonijiet jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi msemmijin skond it-Tabella 1 ta’ l-Anness 1 tar-Regolament BĊE/2001/13, li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-Dinja”.

It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skond it-termini ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament BĊE/2001/13.

4.   Għall-perijodi ta’ manteniment li jibdew f’Diċembru 2006, Jannar 2007 u Frar 2007, l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra parteċipanti li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament BĊE/2001/13 u li jixtiequ jnaqqsu l-passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom fuq il-bażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom kif tkun fit-30 ta' Settembru 2006, u jirrappurtaw permezz ta’ tabella skond in-nota ta’ qiegħ il-paġna (5) tat-Tabella 1 ta’ l-Anness 1 tar-Regolament BĊE/2001/13 li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja bħala li huma diġà suġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li l-istituzzjonijiet jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi msemmija skond it-Tabella 1 ta’ l-Anness 1 tar-Regolament BĊE/2001/13, li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovenja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-Dinja”

It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skond it-termini ta’ żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament BĊE/2001/13.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti BĊE/2003/9 u BĊE/2001/13 għandhom japplikaw.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 2 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 134/2002 (ĠU L 24, 26.1.2002, p. 1).

(2)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(3)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  ĠU L 333, 17.12.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament BĊE/2004/21 (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 42).