1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

266


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1580/2006

ta’ l-20 ta' Ottubru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1043/2005 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 fir-rigward tas-sistema ta’ l-għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli esportati fil-forma ta’ oġġetti mhux koperti mill-Anness I għat-Trattat, u l-kriterji għall-iffissar ta’ l-ammont ta’ rifużjonijiet bħal dawn

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jistipola arranġamenti kummerċjali li huma applikabbli għal ċertu oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 (2), u flimkien mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistipola regoli dettalljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rimborsi ta’l-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli (3) japplika għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti fil-forma ta’ merkanzija li mhix koperta mill-Anness I mat-Trattat.

(2)

Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, id-dritt għal rimborż ta’ l-esportazzjoni jinkiseb fuq l-importazzjoni f’pajjiż terz speċifiku meta rimborż differenzjat ikun japplika għal dak il-pajjiż terz.

(3)

L-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-ħlas ta’ rimborż differenzjat, l-iktar fuq dokumenti li jridu jiġu pprovduti bħala prova tal-wasla ta’ l-oġġetti fid-destinazzjoni tagħhom.

(4)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jipprevedi li Stat Membru jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jeżenta l-esportaturi milli jipprovdu provi, ħlief id-dokument tat-trasport, li huma meħtieġa skond l-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Il-volum ta’ l-applikazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ kemm minnhom jingħataw rifużjonijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 huwa għoli. Ħafna mill-oġġetti li hima relatati ma’ dawn l-appilkazzjonijiet huma prodotti skond kondizzjonijiet tekniċi speċifiċi, għandhom karatteristiċi u kwalità kostanti, u jsegwu sekwenzi ta’ esportazzjoni regolari u għandhom formuli ta’ manufattura li ġew irreġistrati u kkonfermati mill-awtoritajiet kompetenti.

(6)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi speċjali u bil-ħsieb ta’ simplifikazzjoni tax-xogħol amministrattiv involut fl-għoti tar-rifużjonijiet fl-esportazzjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005, huwa xieraq li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċjali li jagħtu lill-Istati Membri iktar flessibiltà minn dawk stipolati fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 sakemm dawn ma jirrigwardawx il-massimi li meta mhux milħuqa l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi milli jipprovdu provi meħtieġa skond l-Artikolu 16 ta’ dan l-aħħar Regolament.

(7)

Huwa għalhekk xieraq, fejn il-oġġetti huma ppakkjati għall-bejgħ dirett lill-konsumatur jew fejn l-oġġetti jsegwu sekwenza ta’ esportazzjoni stabbilita sew li tinvolvi esportazzjoni mill-istess esportatur ta’ l-oġġetti ta’ l-istess kodiċi CN lill-istess destinatarju, li tiġi konferita l-flessibiltà, skond id-diskrezzjoni tagħhom, li l-esportaturi jiġu eżentati milli jipprovdu provi meħtieġa skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, bil-kondizzjoni li l-eportaturi jkunu meħtieġa li jressqu tali provi fuq bażi ta’ kontrolli fuq il-post.

(8)

Huwa meħtieġ li jkun aċċertat li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-eżenzjonijiet preċedenti jkunu limitati għall-operazzjonijiet li jkunu maħsuba għalihom filwaqt li minn naħa l-oħra l-esportaturi individwali jkunu jafu minn qabel dwar l-esportazzjonijiet ta’ l-oġġetti u l-operazzjonijiet li għalihom l-Istat Membru huwa lest li jippermetti lilhom li jibbenefikaw minn dawn l-arranġamenti aktar flessibbli. Għalhekk, huwa xieraq li jkun hemm proviżjoni għall-amministrazzjoni mill-Istati Membri ta’ proċedura amministrattiva sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw l-oġġetti u l-operazzjonijiet li huma ppreparati li jippermettu għaliha dawk l-arranġamenti iktar flessibbli.

(9)

Huwa xieraq li jkun previst li l-eżenzjonijiet mogħtija skond tali dispożizzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala fatturi ta’ riskju li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 (4), li jirrigawarda l-iskrutinju mill-Istati Membri tat-transazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sistema ta’l-iffinanzjar mit-Taqsima tal-Garanziji tal-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garnaziji Agrikoli. Aktar minn hekk, meta Stat Membru jitlob ċerta dokumentazzjoni skond bażi ta’ fatturi ta’ riskju, huwa xieraq wkoll li japplikaw il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3122/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 li jistipola kriterji għall-analiżi tar-riskji fir-rigward tal-prodotti agrikoli li jirċievu r-rifużjonijiet (5).

(10)

Minkejja d-dispożizzjonijiet għall-eżenzjonijiet kif previsti f’dan ir-Regolament, il-provi meħtieġa skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandhom ikunu obbligatorji f’ċerti każijiet. Minħabba li fis-suġġezzjoni tal-pagamenti tar-rifużjonijiet skond dawn il-kondizzjonijiet jeħtieġ tibdil sostanzjali fil-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-esportaturi, din tinkludi implikazzjonijiet amministrattivi u tirrappreżenta piż finanzjarju. Il-ksib tal-provi li jissemmew fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jistgħu jippreżentaw diffikoltajiet amministrattivi konsiderevoli f’ċerti pajjiżi. Sabiex jittaffu ċerti restrizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji imposti fuq l-esportaturi, u sabiex l-awtoritajiet u l-esportaturi jkunu jistgħu jfasslu arranġamenti ġodda għall-oġġetti kkonċernati u biex jintroduċu proċeduri meħtieġa għall-aċċertament li l-formalitajiet jiffunzjonaw mingħajr problemi, huwa xieraq li jkun hemm proviżjoni għal perijodu ta’ tranżizzjoni li fih il-proviżjoni tal-prova li l-formalitajiet doganali għall-importazzjoni ġew kompluti tkun waħda iktar faċli.

(11)

Ir-Reġolament (KE) 1043/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq,

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex imniżżla fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005 il-paragrafi 3 u 6 li ġejjin qed jiġu miżjuda:

“3.   Għall-oġġetti elenkati fl-Anness Ii ma’ dan ir-Regolament, u permezz tad-deroga mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, l-ammont stipolat fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dak l-Artikolu għandu japplika irrispettivament mill-pajjiż jew mit-territorju destinatarju fejn l-oġġetti ser jiġu esportati:

(a)

fil-każ ta’ oġġetti li huma ppakkjati għall-bejgħ lill-konsumatur f’pakketti immedjati ta’ kontenut net li mhux ogħla minn 2,5kg jew f’kontenituri li ma jesgħux iktar minn 2 litri, b’tikkett li huwa f’konformità mat-tifsira skond l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) li ssemmi lill-importatur fil-pajjiż destinatarju jew li t-test tiegħu huwa b’lingwa uffiċjali tal-pajjiż destinatarju jew b’lingwa li hija faċilment interpretata f’dak il-pajjiż.

(b)

fil-każ fejn esportatur partikolari, mill-inqas 12–il darba f’sentejn preċedenti tad-data ta’ rikjesta ta’ awtorizzazzjoni kif jissemma fil-paragrafu 4, jesporta oġġetti li fihom mhux iktar minn 90 % bit-toqol ta’ kull xorta ta’ prodott bażiku singolu li għalih għandha titħallas ir-rifużjoni, li huwa ta’ l-istess kodiċi CN bi 8 numri lill-istess destinatarju(i);

4.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba, jagħtu awtorizzazzjoni formali li teżenta lill-esportatur ikkonċernat milli jipprovdi dokumenti meħtieġa skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, ħlief id-dokument tat-trasport.

L-awtorizzazzjoni li tissemma fl-ewwel subparagrafu għandha tkun valida, sakemm ma tiġix irrevokata, għal perijodu massimu ta’ sentejn u għandha tiġġedded. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-awtorizzazzjoni fuq diskrezzjoni tagħhom u b’mod partikolari dawn għandhom jirtirawha immedjatament fejn ikollhom raġuni valida li jissospettaw li l-esportatur ma jkunx segwa l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni speċifika.

l-eżenzjonijiet mogħtija skond l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkunsidrati bħala fatturi ta’ riskju li għandhom jitqiesu għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89.

L-esportaturi li jagħmlu użu mill-eżenzjoni għandhom isemmu n-numru ta’ l-awtorizzazzjoni fuq id-dokument amministrattiv uniku u fl-applikazzjoni speċifika għall-pagamanti kif jissemma' fl-Artikolu 32 tar-Regolament.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, għall-każijiet previsti fil-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-esportatur ikkonċernat milli jipprovdi d-dokumenti ta’ trasportazzjoni għall-esportazzjonijiet li huma koperti minn awtorizzazzjoni, bil-kondizzjoni li l-esportatur ikkonċernat ikun meħtieġ li jipprovdi d-dokumenti tat-trasport fir-rigward ta’ minimu ta’ 10 % ta’ tali dikjarazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni jew ta’ wieħed per annum, ikun li jkun l-ogħla wieħed, li għandu jintgħażel mill-Istati Membri li japplikaw il-kriterji stipolati fir-Regolament (KE) Nru 3122/94.

6.   Fil-każ ta’l-oġġetti li huma elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament meta d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tkun ġiet aċċettata mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2007 u li għaliha l-esportatur mhux fil-pożizzjoni li jipprovdi il-provi li jissemmew fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, l-oġġetti għandhom jitqiesu bħala importati minn pajjiż terz wara preżentazzjoni ta’ kopja tad-dokument tat-trasport u wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Artikolu 1692) tar-Regolament (KE0 Nru 800/1999 jew dokument bankarju maħruġ minn intermedjarji approvati li huma stabbiliti mill-Komunità, li jiċċertifika li l-pagament għall-esportazzjoni in kwestjoni tkun ġiet akkreditata fil-kont ta’ l-esportatur li jkun infetaħ magħhom, jew il-prova tal-pagament.

Għar-raġunijiet ta’ l-applikazzjoni ta’l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE0 Nru 800/1999 l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet stipolati fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, 25.11.2000, p. 5).

(2)  ĠU L 172, 5.7.2005, p. 24. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 544/2006 (ĠU L 94, 1.4.2006, p. 24).

(3)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 671/2004 (ĠU L 105, 14.4.2004, p. 5).

(4)  ĠU L 388, 30.12.1989, p. 18. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2154/2002 (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 4).

(5)  ĠU L 330, 21.12.1994, p. 31. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 2655/1999 (ĠU L 325, 17.12.1999, p. 12).