22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

149


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1546/2006

ta' l-4 ta' Ottubrun 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni jeħtiġilha tadotta miżuri biex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 tal-4 ta’ April 2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni (2) kien l-ewwel att li jistabbilixxi miżuri bħal dawn.

(2)

Hemm il-ħtieġa ta' miżuri li jippreċiżaw l-istandards bażiċi komuni, partikolarment biex tiġi indirizzata ż-żieda fir-riskju tal-isplussivi likwidi li qed jiġu introdotti fuq l-inġenji tal-ajru. Dawn il-miżuri għandhom jiġu analizzati kull 6 xhur fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi, l-implikazzjonijeit operattivi fl-ajruporti u l-impatt fuq il-passiġġieri.

(3)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 u sabiex ikunu evitati atti illegali ta’ interferenza, il-miżuri stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandhom ikunu sigrieti u ma għandhomx jiġu ppubblikati. L-istess regola tapplika neċessarjament għal kwalunkwe att li jemenda. Madankollu l-passiġġieri għandhom ikunu informati b'mod ċar dwar ir-regoli fir-rigward ta' oġġetti pprojbiti milli jinġarru fuq l-inġenji tal-ajru.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 622/2003 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 622/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament għandu japplika fir-rigward tan-natura kunfidenzjali ta’ dan l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 4 ta' Ottubrun 2006.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9. Ir-Regolamet kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 831/2006 (ĠU L 150, 3.6.2006, p. 4).


ANNESS

Skont l-Artikolu 1 l-Anness huwa sigriet u ma għandux jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.