16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

340


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1406/2006

tat-18 ta’ Settembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (2), somom li huma miġburin jew irkuparti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 (3) għandhom jitqiesu bħala dħul assenjat fit-tifsira ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(2)

Sabiex titjieb il-previżjoni baġitarja u l-ġestjoni baġitarja ssir aktar flessibbli, huwa xieraq li l-imposta introdotta mir-Regolament (KE) Nru 1788/2003 ssir disponibbli fil-bidu tas-sena baġitarja. Għalhekk għandha ssir proviżjoni għall-imposta dovuta li għandha titħallas fil-perijodu li jkopri mis-16 ta' Ottubru sat-30 ta' Novembru ta' kull sena.

(3)

Sabiex l-imposta li trid titħallas mill-Istati Membri f'dan ir-rigward għall-perijodu 2005/2006 ssir disponibbli fil-bidu tas-sena baġitarja li ġejja, huwa xieraq li jkun previst li l-proviżjoni kkonċernata tapplika mill-1 ta' Settembru 2006.

(4)

Għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (minn hawn 'il quddiem imsejħin “l-Istati Membri ġodda”) il-kwantitajiet ta' referenza għall-fornimenti u l-bejgħ dirett inizjalment kienu stabbiliti fit-tabella (f) ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003. Sussegwentement u fid-dawl tal-konverżjonijiet mitlubin mill-produtturi, dawk il-kwantitajiet kienu addattati għal kull Stat Membru mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament.

(5)

Il-kwantitajiet nazzjonali ta' referenza għal bejgħ dirett kienu stabbiliti abbażi tas-sitwazzjoni qabel l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda. Madankollu, wara l-proċess ta' ristrutturar fis-setturi tal-ħalib fl-Istati Membri l-ġodda u dispożizzjonijiet ta' iġjene aktar stretti għal bejgħ dirett, jidher li produtturi individwali fil-maġġoranza tal-każijiet għażlu li ma japplikawx il-kwantitajiet individwali ta' referenza għal bejgħ dirett. Konsegwentement, il-kwantitajiet individwali ta' referenza totali allokati lill-produtturi għal bejgħ dirett huma sostanzjalment taħt il-kwantitajiet nazzjonali ta' referenza u kwantitajiet mhux użati importanti għalhekk jibqgħu fir-riżervi nazzjonali għal bejgħ dirett.

(6)

Sabiex din il-problema tissolva u biex isir possibbli l-użu tal-kwantitajiet ta' bejgħ dirett li jistgħu jibqgħu mhux użati fir-riżerva nazzjonali, huwa xieraq li għall-perijodu 2005/2006 jkun permess it-trasferiment singolu tal-kwantitajiet ta' referenza għal bejgħ dirett għall-kwantitajiet ta' referenza għal fornimenti jekk mitlub minn Stat Membru ġdid.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1788/2003 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1788/2003 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għall-imposta li tirriżulta minn kwantitajiet maqbużin tal-kwantità nazzjonali ta' referenza stabbilita fl-Anness I, iddeterminata nazzjonalment u separatament għal fornimenti u bejgħ dirett, u bejn is-16 ta' Ottubru u t-30 ta' Novembru wara l-perijodu ta' 12-il xahar kkonċernat, għandhom iħallsuha, fil-limitu ta' 99 % ta' l-ammont dovut, fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG).”

(2)

Fl-Artikolu 8(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-perijodu 2005/2006, skond l-istess proċedura, u għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, il-Kummissjoni tista' taddatta wkoll id-diviżjoni bejn ‘fornimenti’ u ‘bejgħ dirett’ tal-kwantitajiet nazzjonali ta' referenza wara t-tmiem ta' dak il-perijodu fuq talba ta' l-Istat Membru kkonċernat. Din it-talba għandha tkun sottomessa lill-Kummissjoni qabel l-10 ta’ Ottubru 2006. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tadotta d-diviżjoni kemm jista' jkun malajr.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2006.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 18 ta’ Settembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni mgħotija l-5 ta’ Settembru 2006. Għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123. Regolament kif l-aħħar emendat mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2005.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.