22.11.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
59 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 927/2006
tat-22 ta' Ġunju 2006
dwar ir-rilaxx tar-riżerva speċjali għar-ristrutturar kif previst fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 jipprovdi għal riżerva speċjali għar-ristrutturar għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, biex tkun rilaxxata mill-1 ta’ April 2006 sakemm il-konsum tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-azjendi nfushom f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi jkun naqas mill-1998 jew mis-sena 2000, skont il-pajjiż. |
(2) |
Skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ressqu quddiem il-Kummissjoni rapport li jiġbor fih fid-dettall ir-riżultati u x-xejriet tal-proċess attwali tar-ristrutturar fis-setturi tal-ħalib ta’ dawk il-pajjiżi, u b’mod partikolari l-bidla mill-produzzjoni għall-konsum mill-azjendi nfushom għall-produzzjoni għas-suq. |
(3) |
Skont dawk ir-rapporti, dawk l-Istati Membri kollha wrew tnaqqis mill-azjendi nfushom fil-konsum ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib. |
(4) |
L-istatistika disponibbli dwar il-produzzjoni tindika li parti dejjem akbar mill-produzzjoni tal-ħalib qed tkun kummerċjalizzata taħt kunsinni u parti dejjem anqas taħt bejgħ dirett. |
(5) |
Għalhekk huwa xieraq li r-riżerva speċjali għar-ristrutturar għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja tiġi rilaxxata, u li jkun hemm provvediment għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet li jirriżultaw għall-parti tal-kunsinni mill-kwantità ta’ referenza nazzjonali tagħhom. |
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti mill-Ħalib, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-riżerva speċjali għar-ristrutturar prevista fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 qed tiġi rilaxxata għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja. Il-kwantitajiet rilaxxati huma stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness għandhom jitpoġġew fir-riżerva nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 u għandhom jintużaw għall-kunsinni.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi […] jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ April 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 22 ta' Ġunju 2006.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2217/2004 (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 1).
ANNESS
(f’tunnellati) |
|
Stat Membru |
Il-kwantitajiet tar-riżerva speċjali għar-ristrutturar |
Ir-Repubblika Ċeka |
55 788 |
L-Estonja |
21 885 |
Il-Latvja |
33 253 |
Il-Litwanja |
57 900 |
L-Ungerija |
42 780 |
Il-Polonja |
416 126 |
Is-Slovenja |
16 214 |
Is-Slovakkja |
27 472 |