27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

19


DIRETTIVA 2006/118/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3), in vista tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-28 ta' Novembru 2006,

Billi:

(1)

L-ilma ta' taħt l-art huwa riżorsa naturali prezzjuża u għaldaqstant għandha tiġi protetta mid-deterjorament u t-tniġġiż kimiku. Dan hu partikolarment importanti għall-ekosistemi li jiddependu mill-ilma ta' taħt l-art u għall-użu ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-provvista ta' l-ilma għall-konsum mill-bniedem.

(2)

L-ilma ta' taħt l-art huwa l-akbar ġabra ta' ilma ħelu u dik l-aktar sensittiva fl-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, hija wkoll sors prinċipali ta' provvisti ta' l-ilma tax-xorb għall-pubbliku f'ħafna reġjuni.

(3)

L-ilma ta' taħt l-art f'ġabriet ta' l-ilma użat għat-teħid mill-irqajja' ta' l-ilma tax-xorb jew maħsub għal tali użu futur għandu jiġi protett b'tali mod li deterjorament fil-kwalità ta' tali ġabriet ta' l-ilma hija evitata sabiex jitnaqqas il-livell ta' trattament ta' purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb, skond l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (4).

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità għall-Ambjent (5) tinkludi l-għan li jintlaħqu livelli fil-kwalità ta' l-ilma li ma jagħtux lok għall-impatti sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u riskji għalihom.

(5)

Sabiex jiġi protett l-ambjent fit-totalità tiegħu, u b'mod partikolari s-saħħa tal-bniedem, il-konċentrazzjonijiet dannużi ta' tniġġiż li jagħmel il-ħsara fl-ilma ta' taħt l-art iridu jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa.

(6)

Id-Direttiva 2000/60/KE tistabbilixxi disposizzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art. Kif previst fl-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu adottati miżuri li jimpedixxu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art, inklużi kriterji biex jiġi vvalutat l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art u kriterji għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u biex jiġu ddefiniti punti tal-bidu għall-inverżjoni ta' tendenzi.

(7)

Tenut kont tal-ħtieġa li jintlaħqu livelli konsistenti ta' protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, għandhom jiġu stabbiliti standards ta' kwalità u valuri ta' limitu, u għandhom jiġu żviluppati metodoloġiji bbażati fuq approċċ komuni, sabiex jiġu pprovduti kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art.

(8)

Standards ta' kwalità għal nitrati, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u bijoċidi għandhom jiġu stabbiliti bħala l-kriterji tal-Komunità għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, u għandha tiġi assigurata konsistenza mad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilmijiet mit-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (6), id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (7) u d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidi (8), rispettivament.

(9)

Il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art tista' f'xi żoni teħtieġ bidla fil-prattika tal-biedja jew tal-forestrija, li tista' twassal għal tnaqqis fil-qligħ. Il-Politika Agrikola Komuni tipprevedi għal mekkaniżmi ta' finanzjament biex jiġu implimentati miżuri li jikkonformaw ma' l-istandards Komunitarji, jiġifieri permezz tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (9). Fir-rigward ta' miżuri għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jagħżlu l-prijoritajiet u l-proġetti tagħhom.

(10)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-istatus kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ma japplikawx għal-livelli għoljin u li jokkorru b'mod naturali ta' sustanzi jew joni jew l-indikaturi tagħhom, li jinsabu jew f'ġabra ta' ilma ta' taħt l-art jew f'ġabriet assoċjati ta' l-ilma tal-wiċċ, minħabba kondizzjonijiet idro-ġeoloġiċi speċifiċi, li m'humiex koperti bid-definizzjoni ta' tniġġis. Bl-istess mod, dawn ma japplikawx għal tibdiliet temporanji u spazjalment limitati fid-direzzjoni tal-fluss u fil-kompożizzjoni kimika, li m'humiex kkunsidrati bħala intrużjonijiet.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti u biex jiġi definit il-punt tal-bidu għall-inverżjoni tat-tendenza, filwaqt li jitqies il-probabilità ta' effetti negattivi fuq ekosistemi akkwatiċi assoċjati jew ekosistemi terrestri dipendenti minnhom.

(12)

Fejn hu possibbli l-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri statistiċi sakemm dawn ikunu konformi ma' l-istandards internazzjonali u jikkontribwixxu għat-tqabbil fuq perijodi fit-tul tar-riżultati tal-monitoraġġ bejn l-Istati Membri.

(13)

Bi qbil mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE tas-17 ta' Diċembru 1979 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art mit-tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (10) se tkun imħassra b'effett mit-22 ta' Diċembru 2013. Jeħtieġ għalhekk li tiġi assigurata l-kontinwità tal-protezzjoni prevista fid-Direttiva 80/68/KEE fir-rigward ta' miżuri mmirati sabiex jevitaw jew jillimitaw id-dħul kemm dirett kif ukoll indirett ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art.

(14)

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn sustanzi perikolużi, li d-dħul tagħhom għandu jiġi evitat, u pollutanti oħra, li d-dħul tagħhom għandu jiġi llimitat. Jeħtieġ li l-Anness VIII tad-Direttiva 2000/60/KE, li jelenka l-pollutanti prinċipali rilevanti għall-ambjent ta' l-ilma, jiġi użat biex jiġu identifikati sustanzi perikolużi u dawk li mhumiex perikolużi li juru riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali.

(15)

Miżuri li jipprevenu jew jillimitaw l-introduzzjoni ta' sustanzi inkwinanti fil-ġabriet ta' l-ilma ta' taħt l-art użati għal jew maħsuba għal użu futur għat-teħid mill-irqajja' ta' l-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom, skond l-Artikolu 7(2) ta' dik id-Direttiva, jinkludu tali miżuri li huma meħtieġa biex jiżguraw li taħt ir-reġim ta' trattament ta' l-ilma applikat, u skond il-leġislazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta ser jilħaq il-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalita' ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (11). Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-istabbiliment mill-Istati Membri ta' żoni ta' salvagwardja ta' tali daqs li l-korp nazzjonali kompetenti jikkunsidra xieraq sabiex jipproteġi l-provvisti ta' l-ilma għax-xorb. Tali żoni ta' salvagwardja jistgħu ikopru it-territorju kollu ta' Stat Membru.

(16)

Sabiex tiġi assigurata protezzjoni koerenti ta' l-ilma ta' taħt l-art, l-Istati Membri li jaqsmu bejniethom mases ta' ilma ta' taħt l-art għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-monitoraġġ, id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu u l-identifikazzjoni ta' sustanzi perikolużi rilevanti.

(17)

Metodi affidabbli u komparabbli għall-monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art huma għodod importanti għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art u wkoll għall-għażla tal-miżuri l-aktar xierqa. L-Artikoli 8(3) u 20 tad-Direttiva 2000/60/KE jipprevedu għall-adozzjoni ta' metodi standardizzati għall-analiżi u l-monitoraġġ ta' l-istatus ta' l-ilma u, fejn meħtieġ, ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni inkluż il-monitoraġġ.

(18)

Taħt ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jagħtu eżenzjonijiet minn miżuri biex jiġi evitat jew limitat id-dħul tal-pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti u tkun iddettaljata fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar.

(19)

Għandu jiġi analizzat l-impatt fuq il-livell ta' ħarsien ambjentali u fuq il-funzjonament tas-suq intern ta' valuri ta' limitu differenti għall-ilma ta' taħt l-art li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri.

(20)

Għandha titwettaq riċerka sabiex tipprovdi kriterji aħjar biex jiġu żgurati l-kwalità u l-protezzjoni ta' l-ekosistema ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fejn meħtieġ, għandu jittieħed kont tas-sejbiet miksuba meta tkun qed tiġi implimentata jew riveduta din id-Direttiva. Tali riċerka, kif ukoll disseminazzjoni ta' għarfien, esperjenza u sejbiet tar-riċerka, jeħtieġ li tiġi mħeġġa u ffinanzjata.

(21)

Jeħtieġ li jsir provvediment għal miżuri transitorji fir-rigward tal-perijodu bejn id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-data minn meta d-Direttiva 80/68/KEE tiġi revokata.

(22)

Id-Direttiva 2000/60/KE tistipula l-ħtieġa ta' kontrolli inkluża ħtieġa għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-irkupru jew l-awmentazzjoni artifiċjali ta' ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art, dment li l-użu tas-sors ma jikkompromettix il-kisba ta' l-objettivi stabbiliti għas-sors jew il-ġabra ta' ilma li ġiet irkuprata jew awmentata.

(23)

Id-Direttiva 2000/60/KE tinkludi fl-Artikolu 11(2) u fil-Parti B ta' l-Anness VI dwar il-programm ta' miżuri lista mhux esklussiva ta' miżuri supplimentari li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bħala parti mill-programm ta' miżuri, inter alia:

strumenti leġislattivi,

strumenti amministrattivi, u

ftehim negozjati għall-protezzjoni ta' l-ambjent.

(24)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (12).

(25)

B'mod partikolari, jeħtieġ li tiġi segwita l-proċedura regolatorja bi skrutinju fir-rigward ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia permezz tat-tħassir ta' xi wħud minn dawk l-elementi jew billi din id-Direttiva tiġi supplimentata biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri speċifiċi kif previst fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60/KE sabiex jiġi impedut u kontrollat it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art. Dawn il-miżuri jinkludu b'mod partikolari:

(a)

kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art; u

(b)

kriterji għall-identifikazzjoni u t-treġġigħ lura ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti għad-definizzjoni ta' punti tal-bidu għal treġġigħ lura tat-tendenzi.

2.   Din id-Direttiva tikkumplimenta wkoll id-disposizzjonijiet li jevitaw jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art li diġà jeżistu fid-Direttiva 2000/60/KE, u timmira li tevita d-deterjorament ta' l-istat tal-mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE:

1)

“standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art” tfisser standard tal-kwalità ambjentali espress bħala l-konċentrazzjoni ta' pollutant partikolari, grupp ta' pollutanti jew indikatur ta' tniġġiż fl-ilma ta' taħt l-art, li ma jistax jinqabeż sabiex ikunu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

2)

“valur ta' limitu” tfisser standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbilit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3;

3)

“tendenza li tiżdied u li hija sinifikanti u sostnuta” tfisser kwalunkwe żieda li hija statistikament u ambjentalment sinifikanti ta' konċentrazzjoni ta' sustanza inkwinanti, grupp ta' sustanzi inkwinanti, jew indikatur ta' tniġġis fl-ilma ta' taħt l-art li għaliha t-treġġigħ lura tat-tendenza huwa identifikat bħala meħtieġ skond l-Artikolu 5;

4)

“dħul ta' pollutant fl-ilma ta' taħt l-art” tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art bħala riżultat ta' attività umana;

5)

“livell ta' l-isfond” tfisser il-konċentrazzjoni ta' sostanza jew il-valur ta' indikatur f'ġabra ta' ilma ta' taħt l-art li tikkorrespondi ma' l-ebda alterazzjoni antropoġenika, jew ma' alterazzjoni minuri ħafna biss, għal kondizzjonijiet mhux iddisturbati;

6)

“livell ta' bażi” tfisser il-medja tal-valur imkejjel mill-inqas matul is-snin ta' referenza 2007 u 2008 abbażi tal-programmi ta' monitoraġġ implimentati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE, jew, fil-każ ta' sustanzi identifikati wara dawn is-snin ta' referenza, matul l-ewwel perijodu li għalih perijodu rappreżentattiv ta' data ta' monitoraġġ huwa disponibbli.

Artikolu 3

Kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond is-Sezzjoni 2.3 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin:

a)

standards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art kif imsemmija fl-Anness I;

b)

valuri ta' limitu li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-proċedura deskritta fil-Parti A ta' l-Anness II għall-pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi tat-tniġġiż li, fit-territorju ta' Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni ta' mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, bħala li jkunu f'riskju, b'kont meħud ta' mill-inqas il-listi li jinsabu fil-Parti B ta' l-Anness II.

Il-valuri ta' limitu għall-ilma ta' taħt l-art applikabbli għal status kimiku tajjeb għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ġabra ta' ilma ta' taħt l-art skond il-Parti A, punti 1, 2 u 3 ta' l-Anness II, b'konsiderazzjoni partikolari għall-impatt tiegħu fuq, u l-interrelazzjoni ma', l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u l-ekosistemi terrestri u l-artijiet mistagħdra li huma direttament dipendenti fuqhom u għandhom fost l-oħrajn jieħdu kont ta' l-għarfien dwar it-tossikoloġija umana u l-ekotossikoloġija.

2.   Il-valuri ta' limitu jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' Stat Membru, jew fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma maqsuma bejn żewġ Stati Membri jew aktar u għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li fihom l-ilma ta' taħt l-art jaqsam il-konfini ta' Stat Membru, l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu huwa soġġett għall-kordinazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati, skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/60/KE.

4.   Fejn massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art jestendi lil hinn mit-territorju tal-Komunità, l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i) għandhom jippruvaw jistabbilixxu valuri ta' limitu, f'kordinazzjoni ma' l-Istat(i) li mhux Membru(i) konċernat(i), skond l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/60/KE.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta' limitu skond il-paragrafu 1(b) għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2008.

Il-valuri ta' limitu kollha stabbiliti għandhom jiġu ppubblikati fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, inkluż sinteżi ta' l-informazzjoni mniżżla fil-Parti Ċ ta' l-Anness II għal din id-Direttiva.

6.   L-Istati Membri għandhom jemendaw il-lista tal-valuri ta' limitu kull meta informazzjoni ġdida dwar pollutanti, gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż tindika li valur ta' limitu għandu jiġi stabbilit għal sustanza oħra, li valur ta' limitu eżistenti għandu jiġi emendat, jew li valur ta' limitu li qabel ġie mneħħi mil-lista għandu jerġa jiddaħħal, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Il-valuri ta' limitu jistgħu jitneħħew mil-lista meta l-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art konċernat m'għadux aktar f'riskju mill-pollutanti, il-gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż korrispondenti.

Kwalunkwe tali bidla fil-lista tal-valuri ta' limitu għandha tiġi rappurtata fil-kuntest tar-reviżjoni perijodika tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.

7.   Abbażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri skond il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għanda tippubblika rapport sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 4

Proċedura għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2 biex jivvalutaw l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fejn xieraq, meta jwettqu din il-proċedura l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi gruppi mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:

a)

il-monitoraġġ rilevanti juri li l-kondizzjonijiet stipulati fit-tabella 2.3.2 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE qegħdin jintlaħqu; jew

b)

il-valuri ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u l-valuri ta' limitu rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II ma jinqabżux fi kwalunkwe punt ta' monitoraġġ f'dak il-massa, jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art; jew

ċ)

il-valur għal standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu jinqabeż f'punt ta' monitoraġġ wieħed jew aktar iżda investigazzjoni xierqa skond l-Anness III tikkonferma li:

i)

abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' l-Anness III, il-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti li jeċċedu l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew il-valuri ta' limitu mhumiex ikkunsidrati li qed joħolqu riskju ambjentali sinifikanti, b'kont meħud, fejn ikun dovut, tal-livell tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art li hu affettwat;

ii)

il-kondizzjonijiet l-oħra għal stat kimiku tajjeb ta' ilma ta' taħt l-art imniżżla fit-Tabella 2.3.2 ta' l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE qed jiġu sodisfatti, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ma' din id-Direttiva;

iii)

għal ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art identifikati skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, il-ħtiġiet ta' l-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva qegħdin jintlaħqu, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ta' din id-Direttiva;

iv)

il-ħila tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, jew ta' kwalunkwe massa fil-grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, li jsostni l-użu mill-bniedem ma ġietx imdgħajfa b'mod sinifikanti minħabba t-tniġġiż.

3.   L-għażla ta' siti ta' monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art għandha tissodisfa l-ħtiġiet tal-Parti 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE biex ikunu mfassla sabiex jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u koerenti ta' l-istatus kimiku ta' l-ilma ta' l-art u biex tiġi pprovduta data ta' monitoraġġ rappreżentattiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sintesi tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Din is-sintesi, stabbilita fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li jaqa' fit-territorju ta' Stat Membru, għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni ta' kif ġie meħud kont ta' qbiż ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valuri ta' limitu f'punti ta' monitoraġġ individwali fil-valutazzjoni finali.

5.   Jekk massa ta' l-ilma ta' taħt l-art huwa klassifikat li qiegħed fi stat kimiku tajjeb skond il-paragrafu 2(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, biex jiġu protetti l-ekosistemi akkwatiċi, ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem ta' l-ilma ta' taħt l-art dipendenti fuq il-parti tal-massa rrappreżentata mill-punt jew punti ta' monitoraġġ li fih il-valur ta' l-istandard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu ġie maqbuż.

Artikolu 5

L-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u d-definizzjoni ta' punti ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' tendenzi

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw kwalunkwe tendenzi li qed jiżdiedu sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet ta' pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi ta' tniġġiż misjuba f'mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, identifikati bħala li qegħdin f'riskju u jiddefinixxu l-punt ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' dik it-tendenza, skond l-Anness IV.

2.   L-Istati Membri għandhom, skond il-Parti B ta' l-Anness IV, ireġġgħu lura t-tendenzi li jippreżentaw riskju ta' ħsara sinifikanti għall-kwalità ta' l-ekosistemi akkwatiċi jew terrestri, għas-saħħa tal-bniedem, jew għall-użi leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ambjent ta' l-ilma, permezz tal-programm ta' miżuri imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, sabiex jitnaqqas b'mod progressiv it-tniġġiż u tiġi prevenuta d-deterjorament ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-punt ta' tluq minn meta ireġgħu lura t-tendenzi bħala persentaġġ tal-livell ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, abbażi tat-tendenza identifikata u r-riskju ambjentali assoċjat magħha, skond il-punt 1 tal-Parti B ta' l-Anness IV.

4.   Fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu sintesi:

a)

tal-mod kif il-valutazzjoni tat-tendenza minn punti ta' monitoraġġ individwali f'massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art ikkontribwiet għall-identifikazzjoni skond is-Sezzjoni 2.5 ta' l-Anness V ta' dik id-Direttiva, li dawk il-mases huma soġġetti għal tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnut f'konċentrazzjoni ta' kwalunkwe pollutant jew treġġigħ lura ta' dik it-tendenza; u

b)

ir-raġunijiet għall-punti ta' tluq definiti skond il-paragrafu 3.

5.   Fejn meħtieġ biex jiġi valutat l-impatt ta' traċċi eżistenti ta' tniġġiż f'mases ta' ilma ta' taħt l-art li jistgħu jheddu l-kisba ta' l-objettivi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, u b'mod partikolari dawk it-traċċi li jirriżultaw minn punti ta' sorsi u art kontaminata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar stimi tat-tendenzi għall-pollutanti identifikati sabiex jiġi verifikat li traċċi minn siti kontaminati ma jinfirxux, ma jiddeterjorawx l-istat kimiku tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, u mhumiex ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jinkitbu f'sommarju fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 6

Miżuri biex jipprevjenu jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv li jkunu evitati jew limitati dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art stabbilit skond l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programm ta' miżuri stabbiliti skond l-Arikolu 11 ta' dik id-Direttiva, jinkludi:

a)

il-miżuri kollha meħtieġa li jevitaw dħul fl-ilma ta' taħt l-art ta' kwalunkwe sustanza perikoluża, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3. Fl-identifikazzjoni ta' tali materjali, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jieħdu kont ta' sustanzi perikolużi li jagħmlu parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti imsemmija fil-punti 1 sa 6 ta' l-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, kif ukoll ta' sustanzi li huma parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti msemmija fil-punti 7 sa 9 ta' l-imsemmi Anness, fejn dawn huma kkunsidrati bħala perikolużi;

b)

għal pollutanti mniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE li mhumiex ikkunsidrati bħala perikolużi, u pollutanti oħrajn li mhumiex perikolużi u li mhumiex elenkati f'dik il-lista li huma kkunsidrati mill-Istati Membri li jippreżentaw riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali, il-miżuri kollha meħtieġa biex jillimitaw id-dħul fl-ilma ta' taħt l-art sabiex jiġi żgurat li tali dħul ma jikkawżax deterjorament jew tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnuta fil-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art. Tali miżuri għandhom jieħdu kont, għallinqas, ta' l-aħjar prattika stabbilita, inklużi l-Aħjar Prattika Ambjentali u l-Aħjar Tekniki Disponibbli speċifikati fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

Sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri msemmija fil-punti (a) jew (b), l-Istati Membri jistgħu, bħala l-ewwel pass, jidentifikaw iċ-ċirkostanzi li taħthom il-pollutanti imniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, b'mod partikolari metalli essenzjali u l-komposti tagħhom imsemmija fil-punt 7 ta' dak l-Anness, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perikolużi jew mhux perikolużi.

2.   Kull meta jkun teknikament possibbli għandu jittieħed kont tad-dħul ta' pollutanti minn sorsi diffużi ta' tniġġiż li jkollhom impatt fuq l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   Bla ħsara għal kondizzjoniet iktar stretti f'leġislazzjoni Komunitarja oħra, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-miżuri meħtieġa mill-paragrafu 1 dħul ta' pollutanti li huma:

a)

ir-riżultat ta' skariku dirett awtorizzat skond l-Artikolu 11(3)(j) tad-Direttiva 2000/60/KE;

b)

meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li huwa ta' kwantità u konċentrazzjoni tant żgħira li ma joħloq l-ebda periklu fil-preżent jew fil-futur ta' deterjorament fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art li jilqagħhom;

ċ)

il-konsegwenzi ta' inċidenti jew ċirkostanzi eċċezzjonali ta' kawża naturali li ma setgħux jiġu raġonevolment previsti, evitati jew mitigati;

d)

ir-riżultat ta' ċċarġjar mill-ġdid jew żieda artifiċjali ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art awtorizzati skond l-Artikolu 11(3)(f) tad-Direttiva 2000/60/KE;

e)

meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li mhuwiex teknikament vijabbli li jiġi evitat jew limitat mingħajr l-użu ta':

i)

miżuri li jżidu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità ta' l-ambjent b'mod ġenerali; jew

ii)

miżuri disproporzjonalment għaljin biex ineħħu kwantitajiet ta' pollutanti minn art kontaminata jew ħamrija ta' taħt, jew inkella biex jikkontrollaw it-tnixxija tagħhom f'dawn; jew

(f)

ir-riżultat ta' interventi f'ilmijiet tal-wiċċ għall-finijiet, fost l-oħrajn, li jiġu mnaqqsa l-effetti ta' għargħar u nixfiet, u għall-ġestjoni ta' ilmijiet u passaġġi ta' l-ilma, inkluż fil-livell internazzjonali. Tali attivitajiet, inklużi l-qtugħ, it-tħammil, ir-rilokazzjoni u d-depożitu ta' sedimenti f'ilma tal-wiċċ, għandhom jitwettqu skond ir-regoli vinkolanti ġenerali, u, fejn applikabbli, bil-permessi u l-awtorizzazzjonijiet maħruġa abbażi ta' tali regoli, żviluppati mill-Istati Membri għal dik il-fini, sakemm tali interventi ma jikkompromettux il-kisba ta' l-objettivi ambjentali stabbiliti għall-ġabriet ta' ilma kkonċernati skond il-punt (b) ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE.

L-eżenzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (f) jistgħu jintużaw biss fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jkunu stabbilixxew li monitoraġġ effiċjenti tal-ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art ikkonċernati, skond il-punt 2.4.2 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, jew monitoraġġ xieraq ieħor, qiegħed jitwettaq.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iżommu inventarju ta' l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, għall-fini ta' notifika lill-Kummissjoni jekk jiġu mitluba.

Artikolu 7

Arranġamenti Transitorji

Fil-perijodu ta' bejn 16 ta' jannar 2009 u t-22 ta' Diċembru 2013, kwalunkwe proċedura ġdida ta' awtorizzazzjoni skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 80/68/KEE għandha tieħu kont tal-ħtiġiet imniżżla fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 8

Adattamenti tekniċi

1.   Il-Partijiet A u Ċ ta' l-Anness II u l-Annessi III u IV jistgħu jiġu emendati in vista tal-progress xjentifiku u tekniku, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2), waqt li jiġi kkunsidrat il-perijodu għar- reviżjoni u l-aġġornar tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, kif imsemmi fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Il-Parti B ta' l-Anness II, , tista' tiġi emendata, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2), sabiex jiżdiedu materjali li jniġġsu jew indikaturi ġodda.

Artikolu 9

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandha tapplika l-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a (1) sa (4) u fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'rigward għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 10

Reviżjoni

Bla ħsara għall-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Annessi I u II ta' din id-Direttiva sa 16 ta' jannar 2013. Abbażi ta' din ir-reviżjoni, hija għandha, jekk xieraq, tressaq proposti leġislattivi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, biex temenda l-Annessi I u/jew II. Fir-reviżjoni tagħha u fit-tħejjija ta' kwalunkwe proposta, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-informazzjoni rilevanti kollha, li tista' tinkludi r-riżultati tal-programmi ta' monitoraġġ implimentati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE, tal-programmi ta' riċerka tal-Komunità, u/jew tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, organizzazzjonijiet Ewropej tan-negozji u organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-ambjent.

Artikolu 11

Evalwazzjoni

Ir-rapport mill-Kummissjoni previst taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/60/KE għandu jinkludi evalwazzjoni ta' l-operat ta' din id-Direttiva għall-ilma ta' taħt l-art fir-rigward ta' leġislazzjoni ambjentali rilevanti oħra, inkluż konsistenza magħha.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel 16 ta' jannar 2009. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta ' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  ĠU C 112. 30.4.2004, p. 40.

(2)  ĠU C 109, 30.4.2004, p. 29.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2004 (ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 15), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2006(ĠU C 126 E, 30.5.2006, p. 1) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2006' (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006(għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006.

(4)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(5)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/85/KE (ĠU L 293, 24.10.2006, p. 3).

(8)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/50/KE (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 6).

(9)  ĠU L 277, 21.10.2005. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1463/2006 (ĠU L 227, 9.10.2006, p. 1).

(10)  ĠU L 20, 26.1.1980, p. 43. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

(11)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


ANNESS I

STANDARDS TA' KWALITÀ GĦALL-ILMA TA' TAĦT L-ART

1.

Sabiex jiġi stmat l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Artikolu 4, l-istandards ta' kwalità għall-ilma ta' taħt l-art li ġejjin huma l-istandards ta' kwalità msemmija fit-Tabella 2.3.2 fl-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE u stabbiliti skond l-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva.

Pollutant

Standards ta' kwalità

Nitrati

50 mg/l

Sustanzi attivi f'pestiċidi, inklużi l-metaboliti, prodotti ta' degradazzjoni u reazzjoni rilevanti tagħhom (1)

0,1 μg/l

0,5 μg/l (total) (2)

2.

Ir-riżultati ta' l-applikazzjoni ta' l-istandards ta' kwalità għall-pestiċidi bil-mod speċifikat għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar-riżultati tal-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju meħtieġa mid-Direttiva 91/414/KEE jew id-Direttiva 98/8/KE.

3.

Meta għal massa determinat ta' ilma ta' taħt l-art, ikun kkunsidrat li l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jistgħu jwasslu għan-nuqqas ta' kisba ta' l-objettivi ambjentali speċifikati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE għall-mases ta' ilma tal-wiċċ assoċjati, jew iwasslu għal kwalunkwe tnaqqis sinifikanti tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta' tali mases, jew kwalunkwe ħsara sinifikanti għall-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art, valuri iżjed stretti ta' limitu huma stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II tad-Direttiva. Programmi u miżuri meħtieġa fir-rigward ta' tali valur ta' limitu japplikaw ukoll għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE.


(1)  “Pestiċidi” tfisser prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/414/KEE u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8/KE, rispettivament.

(2)  “Total” tfisser is-somma tal-pestiċidi kollha individwali skoperti u kwantifikati fil-proċedura ta' monitoraġġ, inklużi l-metaboliti rilevanti tagħhom, u l-prodotti ta' degradazzjoni u ta' reazzjoni tagħhom.


ANNESS II

VALURI TA' LIMITU GĦAL POLLUTANTI TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART U INDIKATURI TAT-TNIĠĠIŻ

Parti A

Linji gwida għall-istabbiliment ta' valuri ta' limitu Mill-istati Membri skond l-artikolu 3

L-Istati Membri jistabbilixxu valuri ta' limitu għal pollutanti kollha u indikaturi tat-tniġġiż li, skond il-karatterizzazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, jikkaratterizzaw il-mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma taħt l-art li huma f'riskju li jonqsu milli jiksbu stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Il-valuri ta' limitu jkunu stabbiliti b'tali mod li, jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ f'punt ta' monitoraġġ rappreżentattiv jaqbżu l-limiti, dan ikun jindika riskju li kondizzjoni waħda jew iżjed għall-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(ii), (iii) u (iv) mhux qed tiġi sodisfatta.

Meta jiġu biex jistabbilixxu l-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jikkunsidraw il-linji gwida li ġejjin:

1.

Id-deċiżjoni biex jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għandha tkun ibbażata fuq:

a)

il-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ilma ta' taħt l-art u l-ekosistemi akkwatiċi assoċjati u ekosistemi terrestri dipendenti;

b)

l-interferenza ma' użi jew funzjonijiet leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ilma ta' taħt l-art;

ċ)

il-pollutanti kollha li jikkaratterizzaw il-mases ta' ilma ta' taħt l-art bħala li huma f'riskju, b'kont meħud tal-listi minimi mniżżla fil-parti B;

d)

karatteristiċi idro-ġeoloġiċi inkluża informazzjoni dwar livelli fl-isfond u l-bilanċ ta' l-ilma.

2)

Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tieħu wkoll kont ta' l-oriġini tal-pollutanti, il-possibbiltà ta' l-okkorrenza naturali tagħhom, it-tossikoloġija u t-tendenza għat-tifrix tagħhom, il-persistenza tagħhom u l-potenzjal tagħhom ta' bijo-akkumulazzjoni.

3)

Kull fejn livelli ta' l-isfond għoljin ta' sustanzi jew joni jew l-indikaturi tagħhom jokkorru minħabba raġunijiet idro-ġeoloġiċi naturali, għandu jittieħed kont ta' dawn il-livelli ta' l-isfond fil-ġabra rilevanti ta' l-ilma ta' taħt l-art meta jkunu qed jiġu stabbiliti valuri ta' limitu.

4)

Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tiġi sostnuta minn mekkaniżmu ta' kontroll għad-data miġbura, ibbażat fuq valutazzjoni tal-kwalità tad-data, fuq konsiderazzjonijiet analitiċi, u fuq livelli ta' l-isfond għas-sustanzi li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem.

Parti B

Listi minimi ta' pollutanti u l-indikaturi tagħhom li għalihom l-istati Membri Għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu skond L-Artikolu 3

1.

Sustanzi jew joni jew indikaturi, li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll/jew bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem

 

Arseniku

 

Kadmju

 

Ċomb

 

Merkurju

 

Ammonju

 

Kloru

 

Sulfat

2.

Sustanzi sintetiċi magħmula mill-bniedem

 

Trikloroetilene

 

Tetrakloroetilene

3.

Parametri indikattivi ta' dħul ta' mluħ jew dħul ieħor (1)

 

Konduttività

Parti Ċ

Informazzjoni li għandha tingħata Mill-istati Membri fir-rigward tal-pollutanti u l-indikaturi tagħhom li għalihom gew stabbiliti valuri ta' limitu

L-Istati Membri jagħmlu sintesi fil-Pjan ta' Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar li għandu jkun sottomess skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, dwar il-mod kif il-proċedura stabbilita fil-Parti A ta' dan l-Anness ġiet segwita.

B'mod partikolari, l-Istati Membri jipprovdu, fejn vijabbli:

a)

informazzjoni dwar in-numru ta' mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u dwar il-pollutanti u l-indikaturi tat-tniġġiż li jikkontribwixxu għal din il-klassifikazzjoni, inklużi l-konċentrazzjonijiet/valuri osservati;

b)

informazzjoni dwar kull wieħed mill-mases ta' ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju, b'mod partikolari id-daqs tal-mases, ir-relazzjoni bejn il-mases ta' ilma ta' taħt l-art u l-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u l-ekosistemi terrestri dipendenti direttament u, f'każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli naturali ta' l-isfond fil-mases ta' ilma ta' taħt l-art;

ċ)

il-valuri ta' limitu, kemm jekk japplikaw fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew fil-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' l-Istat Membru, kif ukoll fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art;

d)

ir-relazzjoni bejn il-valuri ta' limitu u:

(i)

fil-każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli ta' l-isfond osservati,

(ii)

l-objettivi ta' kwalità ambjentali u standards oħra għall-protezzjoni ta' l-ilma li jeżistu fuq livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali, u

(iii)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar it-tossikoloġija, l-eko-tossikoloġija, il-persistenza, il-potenzjal ta' bijo-akkumulazzjoni, u t-tendenza ta' tifrix tal-pollutanti.


(1)  Fir-rigward ta-konċentrazzjonijiet ta' mluħ li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu valuri ta' limitu jew għas-sulfat u l-kloridu jew għall-konduttività.


ANNESS III

STIMA TA' L-ISTAT KIMIKU TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART

1.

Il-proċedura ta' valutazzjoni biex jiġi determinat l-istat kimiku ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art għandha titwettaq f'relazzjoni mal-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u fir-rigward ta' kull wieħed mill-pollutanti li jikkontribwixxu għall-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati hekk.

2.

Fit-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta':

a)

l-informazzjoni miġbura bħala parti mill-karatterizzazzjoni li trid titwettaq skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE u taħt is-Sezzjonijiet 2.1, 2.2 u 2.3 ta' l-Anness II għalih;

b)

ir-riżultati tan-network ta' monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art miksuba skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE; u

ċ)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra inkluż tqabbil bejn il-konċentrazzjoni aritmetika medja annwali tal-pollutanti rilevanti f'punt ta' monitoraġġ u l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u l-valuri ta' limitu stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 u l-Anness II.

3.

Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjonijiet dwar jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(i) u (iv), l-Istati Membri, għandhom fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi ta' aggregazzjonijiet xierqa tar-riżultati tal-monitoraġġ, sostnuti fejn meħtieġ bi stimi ta' konċentrazzjoni bbażati fuq mudell konċettwali tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, jistmaw kemm il-massa ta' ilma ta' taħt l-art għandha konċentrazzjoni aritmetika medja annwali ta' pollutant ogħla minn standard ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew minn valur ta' limitu.

4.

Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(ii) u (iii) humiex sodisfatti, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi tar-riżultati rilevanti ta' monitoraġġ u ta' mudell konċettwali adatt tal-massa ta' ilma ta' taħt l-art, jivvalutaw:

a)

l-impatt tal-pollutanti fil-ġabra ta' l-ilma ta' taħt l-art;

b)

l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti li jiġu, jew li x'aktarx jiġu, trasferiti mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ jew ekosistemi terrestri direttament dipendenti;

ċ)

l-impatt probabbli ta' l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti trasferiti għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u għal ekosistemi terrestri dipendenti direttament;

d)

il-livell ta' kwalunkwe dħul ta' mluħ jew dħul ieħor fil-massa ta' ilma ta' taħt l-art; u

e)

ir-riskju mill-pollutanti fil-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-kwalità ta' ilma li jinġabar, jew maħsub li jinġabar, mill-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-konsum mill-bniedem.

5.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art fuq mapep skond is-Sezzjonijiet 2.4.5 u 2.5 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq dawn il-mapep il-punti kollha ta' monitoraġġ fejn l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art u/jew il-valuri ta' limitu nqabżu, fejn ikun rilevanti u vijabbli.


ANNESS IV

IDENTIFIKAZZJONI U TREĠĠIGĦ LURA TA' TENDENZI 'L FUQ SINIFIKANTI U SOSTNUTI

Parti A

Identifikazzjoni u treġġigħ lura ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti

L-Istati Membri jidentifikaw tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati bħala li huma f'riskju skond l-Anness II tad-Direttiva 2000/60/KE, b'kont meħud tal-ħtiġiet li ġejjin:

1)

skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, il-programm ta' monitoraġġ se jkun imfassal b'mod li josserva tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet tal-pollutanti identifikati skond l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva;

2)

il-proċedura għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti tkun bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

a)

il-frekwenzi ta' monitoraġġ u s-siti ta' monitoraġġ se jiġu magħżula b'mod li jkunu suffiċjenti biex:

i)

jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li tali tendenzi 'l fuq ikunu jistgħu jintgħarfu minn varjazzjoni naturali b'livell adegwat ta' kunfidenza u preċiżjoni;

ii)

jippermettu l-identifikazzjoni ta' tali tendenzi 'l fuq fi żmien biżżejjed li jippermetti li miżuri jiġu implimentati biex jipprevjenu, jew għall-inqas jimmitigaw safejn hu prattikabbli, bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art. Din l-identifikazzjoni se titwettaq għall-ewwel darba fl-2009, jekk ikun possibbli, u se tieħu kont tad-data eżistenti, fil-kuntest tar-rapport dwar l-identifikazzjoni ta' tendenzi fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, u mill-anqas kull sitt snin minn hemm 'il quddiem;

iii)

jieħdu kont tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi temporali tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, inkluż il-kondizzjonijiet tal-fluss ta' l-ilma ta' taħt l-art u r-rati ta' ċċarġjar mill-ġdid u l-ħin meħud għat-tnixxija fil-ħamrija u fil- ħamrija ta' taħt.

b)

il-metodi ta' monitoraġġ u analiżi li jintużaw se jikkonformaw mal-prinċipji internazzjonali ta' kontroll fuq il-kwalità, inklużi, jekk rilevanti, il-metodi CEN jew dawk standardizzati nazzjonali, biex jiżguraw li d-data pprovduta tkun ta' kwalità u komparabbiltà xjentifika ekwivalenti;

ċ)

il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq metodu ta' statistika, bħal analiżi tar-rigressjoni, għal analiżi ta' tendenzi f'serje temporali ta' punti ta' monitoraġġ individwali;

d)

sabiex jiġi evitat distorsjoni fl-identifikazzjoni tat-tendenzi, il-miżuri kollha taħt il-limitu ta' kwantifikazzjoni se jiġu ffissati għal nofs il-valur ta' l-ogħla limitu ta' kwantifikazzjoni li jsir f'serje temporali, ħlief għal pestiċidi totali.

3.

l-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq u li huma sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi li jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet umani ser tikkunsidra l-livelli ta' bażi u, fejn tali data hija disponibbli, id-data miġbura qabel il-bidu tal-programm ta' monitoraġġ sabiex isir rapport dwar l-identifikazzjoni ta' tendenzi fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, fejn tali data hija disponibbli.

Parti B

Punt tat-tluq ghat-treġġigħ

L-Istati Membri ser ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq identifikati u li huma sinifikanti u sostnuti, skond l-Artikolu 5, waqt li jieħdu kont tal-ħtiġiet li ġejjin:

1)

il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jkun meta l-konċentrazzjoni tal-pollutant tilħaq il-75 % tal-valuri parametriċi ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, ħlief jekk:

a)

ikun meħtieġ punt ta' tluq iżjed bikri biex jippermetti li miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas biex jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art;

b)

punt ta' tluq differenti jkun ġustifikat fejn il-limitu ta' skoperta ma jippermettix l-istabbiliment tal-preżenza ta' tendenza f'75 % tal-valuri parametriċi; jew

ċ)

ir-rata ta' żieda u l-proċess ta' treġġigħ lura tat-tendenza jkunu tali li punt ta' tluq iżjed tard għall-miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza xorta jippermetti li tali miżuri jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art. Tali punt tat-tluq iktar tard m' għandux iwassal għal dewmien fl-ilħuq tat-terminu perentorju għall-objettivi ambjentali.

Għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE, il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta' miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jiġi stabbilit skond dik id-Direttiva u d-Direttiva 2000/60/KE u, b' mod partikolari, ż-żamma ma' l-objettivi ambjentali għall-protezzjoni ta' l-ilma kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE;

2)

ladarba jkun ġie stabbilit punt ta' tluq għal massa ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzat bħala li huwa f'riskju skond is-Sezzjoni 2.4.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE u skond il-punt 1 hawn fuq, dan ma jinbidilx matul iċ-ċiklu ta' sitt snin tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar meħtieġ skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE;

3)

it-treġġigħ lura ta' tendenzi se jintwera, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet rilevanti ta' monitoraġġ li jinsabu fil-punt 2 tal-Parti A.