27.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

14


DIRETTIVA 2006/113/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2006

dwar il-kwalità meħtiega ghall-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski

(verżjoni kodifikata)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/923/KEE, tat-30 ta' Ottubru 1979 dwar il-kwalita meħtiega ghall-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski (2) ġiet emendata b'mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

Il-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent jirrikjedu miżuri konkreti sabiex jipproteġu l-ilmijiet, inklużi l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski, kontra t-tniġġis.

(3)

Huwa neċessarju li ċerti popolazzjonijiet ta' molluski jiġu salvagwardjati minn diversi konsegwenzi perikolużi, li jirriżultaw mit-tnixxija fil-baħar ta' sustanzi li jniġġsu.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunita' Ambjentali (4) tistipula li għandhom jitfasslu għanijiet ta' kwalità b'mod konġunt billi jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet varji li għandhom jintlaħqu minn ambjent, fost oħrajn id-definizzjoni tal-parametri ta' l-ilma, inkluż l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski.

(5)

Id-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fid-diversi Stati Membri dwar il-kwalità meħtieġa ta' l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski jistgħu joħolqu kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux indaqs u allura jistgħu jaffetwaw direttament il-mod ta' kif jiffunzjona s-suq intern.

(6)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jindikaw l-ilmijet li għalihom din ser tkun tapplika u għandhom jistabbilixxu valuri ta' limitu li jikkorrispondu ma' ċerti parametri. L-ilmijiet hekk indikati għandhom ikunu konformi ma' dawn il-valuri fi żmien sitt snin minn tali indikazzjoni.

(7)

Sabiex tkun tista' tiġi spezzjonata l-kwalità meħtieġa ta' l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski, għandu jittieħed numru minimu ta' kampjuni u jitkejlu l-parametri stabbiliti fl-Anness I. Dan it-teħid ta' kampjuni jista' jitnaqqas jew jitwaqqaf fid-dawl tar-riżultati tal-qisien.

(8)

Ċerti ċirkostanzi naturali m'humiex fil-kontroll ta' l-Istati Membri, u, minħabba f'hekk, huwa neċessarju li, f'certi kazijiet, ikun hemm il-possibbiltà ta' deroga minn din id-Direttiva.

(9)

Il-progress tekniku u xjentifiku jista' jinneċessita l-adattament ta' malajr ta' xi wħud mill-ħtiġijiet imsemmija fl-Anness I. Għandha tinstab proċedura sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Din il-kooperazzjoni għandha ssir fi ħdan il-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku mwaqqaf bl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar il-kwalità ta' l-ilma ħelu li għandu bżonn protezzjoni jew titjib sabiex tkun sostnuta l-ħajja tal-ħut (5).

(10)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien, stabbiliti fil-Parti B ta' l-Anness II, għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi, u l-applikazzjoni tagħhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tikkonċerna l-kwalità ta' l-ilmijet tal-koltivazzjoni tal-molluski u tapplika għal dawk l-ilmijiet ta' mal-kosta u salmastri indikati mill-Istati Membri bħala li għandhom bżonn protezzjoni jew titjib sabiex isostnu l-ħajja u t-tkabbir tal-molluski (bivalve u gasteropod molluscs) u għaldaqstant sabiex jikkontribwixxu għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski li jittieklu direttament mill-bniedem.

Artikolu 2

Il-parametri applikabbli għall-ilmijet indikati mill-Istati Membri jinsabu elenkati fl-Anness I.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għall-ilmijiet indikati, valuri għall-parametri elenkati fl-Anness I, sa fejn ikunu mogħtija valuri fil-kolonna G jew I. Huma għandhom jikkonformaw mal-kummenti li jinsabu fiż-żewġ kolonni.

2.   L-Istati Membri m'għandhomx jistabbilixxu valuri inqas strinġenti minn dawk mogħtija fil-kolonna I ta' l-Anness I u għandhom jagħmlu minn kollox sabiex jirrispettaw il-valuri fil-kolonna G, filwaqt li jikkonsidraw il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 8.

3.   Għal tnixxijiet li jaqgħu fi ħdan il-parametri “sustanzi organo-aloġenati” u “metalli”, l-istandards ta' l-emissjoni stabbiliti mill-Istati Membri skond id-Direttiva 2006/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2006 dwar tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità (6) għandhom japplikaw fl-istess waqt bħala l-għanijiet ta' kwalità u l-obbligi l-oħra li joħorġu minn din id-Direttiva, partikolarment dawk dwar it-teħid ta' kampjuni.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jindikaw l-ilmijiet tal-molluski, u jistgħu sussegwentament jagħmlu indikazzjonijiet supplimentari.

2.   Filwaqt li jieħdu in-konsiderazzjoni l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 8, l-Istati Membri jistgħu jirrivedu l-indikazzjonijiet ta' ċerti ilmijiet partikolarment minħabba fatturi mhux previsti fi żmien l-indikazzjoni.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi sabiex inaqqsu t-tniġġis u sabiex jassiguraw li l-ilmijiet indikati jkunu konformi, fi żmien sitt snin wara l-indikazzjoni magħmula skond l-Artikolu 4, kemm mal-valuri stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 kif ukoll mal-kummenti li jinsabu fil-kolonni G u I ta' l-Anness I.

Artikolu 6

1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 5, l-ilmijiet indikati għandhom jitqiesu li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jekk il-kampjuni ta' dawn l-ilmijiet, meħuda fil-frekwenza minima speċifikata fl-Anness I, fl-istess punt tat-teħid tal-kampjuni u tul perjodu ta' 12-il xahar, juru li huma konformi kemm mal-valuri stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 kif ukoll mal-kummenti li jinsabu fil-kolonni G u I ta' l-Anness I dwar:

(a)

100 % tal-kampjuni għall-parametri tas-“sustanzi organo-aloġenati” u “metalli”;

(b)

95 % tal-kampjuni għall-parametri tas-“salinità” u “ossiġnu maħlul”;

(ċ)

75 % tal-kampjuni għall-parametri l-oħrajn elenkati fl-Anness I.

Jekk, skond l-Artikolu 7(2), il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni għall-parametri kollha fl-Anness I ħlief għal “sustanzi organo-aloġenati” u “metalli” tkun inqas minn dik indikata fl-Anness I, il-valuri u l-kummenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu rispettati fil-każ tal-kampjuni kollha.

2.   Fejn il-valuri stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 jew il-kummenti li jinsabu fil-kolonni G u I ta' l-Anness I ma jiġux rispettati minħabba xi diżastru, dawn m'għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

1.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom iwettqu operazzjonijiet ta' teħid ta' kampjuni, li l-frekwenza minima tagħhom hija stabbilita fl-Anness I.

2.   Fejn l-awtorità kompetenti tirreġistra li l-kwalità ta' l-ilmijiet indikati hija konsiderevolment ogħla minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-valuri stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-kummenti li jinsabu fil-kolonni G u I ta' l-Anness I, il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni tista' titnaqqas. Fejn ma jkunx hemm l-ebda tniġġis u riskju ta' deterjorament fil-kwalità ta' l-ilmijiet, l-awtorità kompetenti konċernata tista' tiddeċiedi li t-teħid ta' kampjuni m'huwiex meħtieġ.

3.   Jekk it-teħid ta' kampjuni juri li xi valur stabbilit skond l-Artikolu 3 jew xi kumment li jinsab fil-kolonni G jew I ta' l-Anness I mhux qed jiġi rispettat, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi jekk dan hux riżultat ta' xi fatt każwali, ta' xi fenomenu naturali jew ta' tniġġis u għandha tieħu l-miżuri xierqa.

4.   Il-punt eżatt fejn jittieħdu l-kampjuni, d-distanza minn dan il-punt sa l-eqreb punt fejn ikun hemm tnixxija ta' sustanzi li jniġġsu u l-fond li fih għandhom jittieħdu l-kampjuni għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru partikolarment skond il-kondizzjonijet ambjentali lokali.

5.   Il-metodi ta' referenza ta' l-analiżi li għandhom jintużaw fil-kalkolu tal-valuri tal-parametri konċernati huma stipulati fl-Anness I. Il-laboratorji li jħaddmu metodi oħrajn għandhom jiżguraw li r-riżultati miksuba jkunu ekwivalenti jew komparabbli għal dawk specifikati fl-Anness I.

Artikolu 8

L-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva ma jistgħu fl-ebda każ iwasslu, direttament jew indirettament, għal żieda fit-tniġġis ta' l-ilma ta' mal-kosta u dak salmastru.

Artikolu 9

L-Istati Membri jistgħu f'kull ħin jistabbilixxu valuri għall-ilmijiet indikati aktar strinġenti minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva. Jistgħu ukoll jistipulaw dispożizzjonijiet dwar parametri oħrajn barra dawk previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Fejn Stat Membru jikkonsidra li jindika ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski fil-viċinanza immedjata ta' fruntiera ma' Stat Membru ieħor, dawn l-Istati għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jistabbilixxu l-partijiet minn dawn l-ilmijet li għalihom tkun tista' tapplika din id-Direttiva u l-konsegwenzi li għandhom joħorġu mill-għanijiet tal-kwalità komuni u li għandhom jiġu deċiżi wara konsultazzjonijiet formali minn kull Stat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tista' tipparteċipa f'dawn id-deliberazzjonijiet.

Artikolu 11

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din id-Direttiva f'każ ta' temp jew kondizzjonijiet ġeografiċi eċċezzjonali.

Artikolu 12

Dawk l-emendi neċessarji għall-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku l-valuri G għall-parametri u l-metodi ta' analiżi li jinsabu fl-Anness I għandhom jiġu adottati mill-Kumitat imwaqqaf permezz ta' l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/44/KE skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2) tagħha.

Artikolu 13

1.   Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar:

(a)

l-ilmijiet indikati skond l-Artikolu 4(1), f'forma sommarja;

(b)

ir-reviżjoni ta' l-indikazzjoni ta' ċerti ilmijiet skond l-Artikolu 4(2);

(ċ)

id-dispożizzjonijiet stipulati sabiex jiġu stabbiliti parametri ġodda skond l-Artikolu 9.

2.   Fejn Stat membru japplika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11, dan għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni b'dan, filwaqt li jagħti r-raġunijiet u l-perjodi antiċipati.

3.   B'mod aktar ġenerali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba raġunata tal-Kummissjoni stess, kull informazzjoni necessarja għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 14

F'intervalli ta' tliet snin u għal l-ewwel darba għall-perjodu bejn l-1993 u l-1995 inklużiv, l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, permezz ta' rapport settorali li għandu jiġbor fih ukoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Dan ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq kwestjonarju jew fuq punti prinċipali mfassla mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti Direttivi dwar l-ambjent (7). Il-kwestjonarju jew punti prinċipali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' tliet snin li għalih ikun sar.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport tal-Komunità dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fi żmien disa' xhur minn meta tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.

Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet principali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 16

Id-Direttiva 79/923/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien, stabbiliti fl-Anness II, Parti B, għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi, u l-applikazzjoni tagħhom.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2006.

(2)  ĠU L 281, 10.11.1979, p. 47. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

(3)  Ara l-Anness II, Parti A.

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 20.

(6)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 52.

(7)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


ANNESS I

KWALITÀ TA' L-ILMIJIET TAL-KOLTIVAZZJONI TAL-MOLLUSKI

 

Parametru

G

I

Metodi ta' referenza ta'l-analiżi

Frekwenza minimata' teħid tal-kampjuni u tal-kejl

1.

pH

unità pH

 

7 — 9

Elettrometrija

Kejl meħud in situ waqt it-tehid tal-kampjuni

Kull tliet xhur

2.

Temperatura °C

Tnixxija li taffettwa l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski m'għandhiex tgholli t-temperatura ta' l-ilmijiet b'aktar minn 2 °C mit-tempertura ta' l-ilmijiet mhux affettwati

 

Termometrija

Kejl meħud in situ waqt it-tehid tal-kampjuni

Kull tliet xhur

3.

Kulur (wara l-filtrazzjoni) mg Pt/l

 

Tnixxija li taffettwa l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski m'għandhiex tikkawża bidla fil-kulur ta' l-ilmijiet wara l-filtrazzjoni b'aktar minn 10 mg pt/l mill-kulur ta' l-ilmijiet mhux affetwati

Filtru minn membrana ta' 0.45 μm

Metodu fotometriku, bl-użu ta' l-iskala tal- platinum/cobalt

Kull tliet xhur

4.

Solidi sospiżi (mg/l)

 

Tnixxija li taffettwa l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski m'għandhiex tikkawża żieda tal-kontenut tas-solidi sospiżi fl-ilmijiet ta' aktar minn 30 % mill-kontenut ta' l-ilmijiet mhux affetwati

Filtrazzjoni minn membrana ta' 0.45 μm, li tinxef f' 105 °C u tiżen

Ċentrifugazzjoni (ta' mill-inqas ħames minuti, b'aċċelerazzjoni medja ta' 2 800 sa 3 200  g), li tnixxef f'105 oĊ u tiżen

Kull tliet xhur

5.

Salinità (‰)

12 — 38 ‰

≤ 40 ‰

Tnixxija li taffettwa l-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski m'għandhiex tikkawża żieda fis-salinità tagħhom ta' aktar minn 10 % mis-salinità ta' l-ilmijiet mhux affettwati

Konduttimetrija

Darba fix-xahar

6.

Saturazzjoni ta' l-ossiġnu maħlul

%

≥ 80 %

≥ 70 % (valur medju)

Jekk kejl individwali jindika valur inqas minn 70 %, il-kejl irid jerġa' jsir

Kejl individwali ma' jistax jindika valur ta' inqas minn 60 % kemm-il darba m'hemmx konsegwenzi ta' ħsara għall-iżvilupp ta' kolonji tal-molluski

Il-metodu “Winkler”

Metodu elettrokimiku

Darba fix-xahar, b'minimu ta' kampjun wieħed li jirrappreżenta l- kondizzjonijiet ta' ossiġnu baxx fil-ġurnata tat-teħid tal-kampjuni. Madanakollu, fejn ikun hemm suspetti ta' varjazzjonijiet kbar ta' kuljum, għandu jittieħed minimu ta' żewġ kampjuni f'ġurnata

7.

Idrokarbonji tal-petrolju

 

M'għandux ikun hemm kwantitajiet ta' idrokarbonji fl-ilmijiet tal-koltivazzjoni tal-molluski f'ċerti kwantitajiet li:

jipproduċu lega viżibbli f'wiċċ l-ilma u/jew iħallu depożitu fuq il-frott tal-baħar,

ikollhom effetti ħżiena fuq il-frott tal-baħar

Eżami viżwali

Kull tliet xhur

8.

Sustanzi organo-alogenati

Il-konċentrazzjoni ta' kull sustanza fil-laħam tal-molluski għandha tkun limitata b'mod li tikkontribwixxi, skond l-Artikolu 1, għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski

Il-konċentrazzjoni ta' kull sustanza fl-ilma tal-koltivazzjoni tal-molluski jew fil-laħam tal-molluski m'għandhiex tilħaq jew taqbeż livell li jkollu effetti ħżiena fuq il-frott tal-baħar u l-larvae

Kromatografija tal-gass wara estrazzjoni b'solventi xierqa u purifikazzjoni

Kull sitt xhur

9.

Metalli

Il-konċentrazzjoni ta' kull sustanza fil-laħam tal-molluski għandha tkun limitata b'mod li tikkontribwixxi, skond l-Artikolu 1, għall-kwalità għolja tal-prodotti tal-molluski

Il-konċentrazzjoni ta' kull sustanza fl-ilma tal-koltivazzjoni tal-molluski jew fil-laħam tal-molluski m'għandhiex taqbeż livell li jkollu effetti ta' ħsara fuq il-frott tal-baħar u l-larvae tagħhom

Għandu jittieħed kont ta' l-effetti sinerġiċi ta' dawn il-metalli

Spettrometrija ta' assorbenza atomika preċeduta, fejn hu xieraq, b'konċentrazzjoni u/jew estrazzjoni

Kull sitt xhur

Fidda

Ag

Arseniku

As

Kadmju

Cd

Kromju

Cr

Ram

Cu

Merkurju

Hg

Nickel

Ni

Ċomb

Pb

Żingu

Zn

mg/l

 

10.

Faecal coliforms/100 ml

≤ 300 fil-laħam tal-molluski u fil-likwidu intervalvulari

 

Metodu ta' dilwizzjoni ma' fermentazzjoni f'substrati likwidi f'mill-inqas tliet tubi fi tliet dilwizzjonijiet. It-tubi pożittivi jiġu maħruġa fuq mezz ta' konfermazzjoni. Għadd skond in-NAP (in-numru l-aktar probabbli). It-temperatura ta' l-inkubazzjoni 44 °C b'varjazzjoni żejda jew nieqsa 0.5 °C

Kull tliet xhur

11.

Sustanzi li jaffettwaw it-togħma tal-molluski

 

Konċentrazzjoni anqas minn dik li tbiddel it-togħma tal-molluski

Eżami tal-molluski skond it-togħma fejn il-preżenza ta' waħda minn dawn is-sustanzi hija preżunta

 

12.

Saxitoxin (prodott minn dinoflagellates)

 

 

 

 

Taqsir:

G

=

gwida

I

=

obbligatorju


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma' l-emendi tagħha

Direttiva tal-Kunsill 79/923/KEE

(ĠU L 281, 10.11.1979, p. 47)

 

Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE

(ĠU L 377, 31.12.1991, p.48)

L-Anness I, punt (e) biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

79/923/KEE

Is-6 ta' Novembru 1981

91/692/KEE

L-1 ta' Jannar 1993


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 79/923/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(2)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, frażi introduttorja

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, frażi introduttorja

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu, punt (ċ)

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, frażi introduttorja

Artikolu 13(1), frażi introduttorja

Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 13(1)(a)

Artikolu 13 l-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 13(1)(b)

Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, it-tielet inċiż

Artikolu 13(1)(ċ)

Artikolu 13, it-tieni paragrafu

Artikolu 13(2)

Artikolu 13, it-tielet paragrafu

Artikolu 13(3)

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(2)

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Anness

Anness I

Anness II

Anness III