11.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

35


DIRETTIVA 2006/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta Marzu 2006

dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni

tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85

dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2) fid-dawl tat-test konġunt approvat mill Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-8 ta' Diċembru 2005,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu leġiżlazzjoni soċjali dwar it-trasport bit-triq (3) u (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (4) u d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persuni li jwettqu attivitajiet ta' trasport mobbli bit-triq (5) huma importanti sabiex jinħoloq suq komuni għas-servizzi tat-trasport intern, għas-sigurtà fit-triq u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol.

(2)

Fil-White Paper tagħha “Il-politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010: iż-żmien tad- deċiżjonijiet”, il-Kummissjoni indikat in-neċessità ta' kontrolli u pieni aktar iebsa b'mod partikolari għal-leġiżlazzjoni soċjali rigward attivitajiet ta' trasport bit-triq, u speċifikatament biex jiżdied in-numru ta' kontrolli, biex jitħeġġeġ l-iskambju sistematiku ta' tagħrif bejn l-Istati Membri, biex ikunu koordinati l-attivitajiet ta' spezzjonar u biex ikun promoss it-taħriġ ta' uffiċjali responsabbli mill-infurzar.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi assigurata l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni armonizzata tar-regoli soċjali dwar it-trasport bit-triq permezz ta' l-istabbiliment ta' kondizzjonijiet minimi meħtieġa għal kontrolli uniformi u effettivi mill-Istati Membri b'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti. Dawk il-kontrolli għandhom iservu sabiex jonqos u jiġi prevenut il-ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi introdott mekkaniżmu li jassigura li impriżi b'rata ta' riskju għolja jkunu kontrollati b'mod aktar mill-qrib u aktar spiss.

(4)

Ir-riskji ta' għejja tax-xufier għandhom ikunu indirizzati permezz ta' l-infurzar tad-Direttiva 2002/15/KE.

(5)

Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Direttiva għandhom iwasslu mhux biss għal aktar sigurtà fit-triq imma għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-armonizzazzjoni ta' kondizzjonijiet tax-xogħol fil-Komunità u jippromwovu kondizzjonijiet ugwali għal kulħadd.

(6)

It-tibdil minn takografi analogi għal takografi diġitali jwassal progressivament biex volum akbar ta' data jiġi kkontrollat b'aktar ħeffa u b'aktar preċiżjoni u, għal din ir-raġuni, l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jwettqu iktar kontrolli. Rigward il-kontrolli, il-perċentwali ta' jiem maħduma mix-xufiera ta' vetturi li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni soċjali li huma kontrollati, għandu għalhekk jiżdied gradwalment għal 4 %.

(7)

Fir-rigward tas-sistemi ta' kontroll, għandu jkun l-objettiv li sistemi nazzjonali jiżviluppaw lejn interoperabiltà u prattikabbiltà Ewropea.

(8)

Tagħmir standard u adegwat u setgħat legali xierqa għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tat-taqsimiet kollha ta' l-infurzar sabiex ikunu f'pożizzjoni li jwettqu d-doveri tagħhom b'mod effettiv u effiċjenti.

(9)

L-Istati Membri għandhom jassiguraw, mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti imposti minn din id-Direttiva, li kontrolli fit-triq jitwettqu b'mod effiċjenti u bil-ħeffa, bl-għan li l-kontroll jitlesta fl-iqsar ħin possibbli u bl-inqas telf ta' ħin għax-xufier.

(10)

F'kull Stat Membru għandu jkun hemm korp wieħed għall-koperazzjoni intrakomunitarja ma' awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra. Dak il-korp għandu jiġbor statistika rilevanti. L-Istati Membri għandhom ukoll japplikaw strateġija nazzjonali koerenti ta' infurzar fit-territorju tagħhom u jistgħu jaħtru korp wieħed sabiex jikkordina l-implimentazzjoni tagħha.

(11)

Koperazzjoni bejn awtoritajiet responsabbli mill-infurzar ta' l-Istati Membri għandha tiġi promossa permezz ta' kontrolli organizzati, inizjattivi ta' taħriġ konġunt, l-iskambju elettroniku ta' informazzjoni, u l-iskambju ta' tagħrif u esperjenza.

(12)

L-aħjar prattika f'operazzjonijiet ta' infurzar fit-trasport bit-triq, b'mod partikolari sabiex jiġi assigurat approċċ armonizzat għall-ħruġ ta' prova tal-leave annwali jew il-leave tal-mard ta' xufier, għandha tkun faċilitata u promossa fi ħdan forum għall-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri.

(13)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(14)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jistabbilixxi regoli ċari, komuni dwar kondizzjonijiet minimi għall-kontroll ta' implimentazzjoni tajba u uniformi tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-15 ta' Marzu tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali fir-rigward tat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (7), ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista' minħabba l-ħtieġa ta' azzjoni transnazzjonali koordinata, jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(15)

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (8) dwar il-proċeduri standard ta' kontroll għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 għandha għalhekk titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85.

Artikolu 2

Sistemi ta' kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema ta' kontrolli adatti u regolari fuq implimentazzjoni korretta u konsistenti, kif imsemmi fl-Artikolu 1, kemm fit-triq kif ukoll fuq il-post tal-kategoriji kollha tat-trasport.

Dawn il-kontrolli għandhom ikopru kull sena kampjun wiesa' u rappreżentattiv ta' ħaddiema mobbli, xufiera, impriżi u vetturi tal-kategoriji kollha tat-trasport li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolamenti (KEE) Nru 3820/85 u 3821/85.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li tkun applikata fit-territorju tagħhom strateġija koerenti ta' infurzar nazzjonali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korp biex jikkordinaw l- azzjonijiet meħuda taħt l-Artikoli 4 u 6, u f'dan il-każ il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu infurmati b'dan.

2.   Sakemm dan ma jkunx diġà l-każ, kull Stat Membru għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2007 jagħti lill-uffiċjali ta' ispezzjonijiet awtorizzati s-setgħat legali adegwati sabiex jippermettilhom li jwettqu l-obbligi ta' spezzjoni kif meħtieġ minn din id-Direttiva.

3.   Kull Stat Membru għandu jorganizza kontrolli b'mod li mill-1 ta' Mejju 2007 1 % tal-jiem maħduma minn xufiera ta' vetturi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 u (KEE) Nru 3821/85 huma kontrollati. Dan il-perċentwali jiżdied ta' l-inqas għal 2 % wara l-1 ta' Jannar 2008 u ta' l-inqas għal 3 % wara l-1 ta' Jannar 2010.

Wara l-1 ta' Jannar 2012, dan il-perċentwali minimu jista' jiżdied għal 4 % mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), kemm-il darba l-istatistika miġbura skond l-Artikolu 3 tkun turi li, bħala medja, aktar minn 90 % tal-vetturi kontrollati huma attrezzati b'takografu diġitali. Fit-teħid tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-effettività ta' miżuri eżistenti ta' infurzar, b'mod partikolari d-disponibbiltà ta' tagħrif ta' takografu diġitali fuq il-post.

Mhux anqas minn 15 % tan-numru totali ta' jiem maħduma kontrollati għandhom jkunu kontrollati fit-triq u mhux anqas minn 30 % fuq il-post. Wara l-1 ta' Jannar 2008, mhux anqas minn 30 % tan-numru totali tal-jiem maħduma kontrollati għandhom ikunu kontrollati fit-triq u mhux anqas minn 50 % għandhom ikunu kontrollati fuq il-post.

4.   It-tagħrif mgħoddi lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandu jinkludi n-numru ta' xufiera kontrollati fit-triq, in-numru ta' kontrolli fuq il-post, in-numru ta' jiem maħduma kontrollati u n-numru u t-tip ta' okkażjonijiet ta' ksur rappurtati, flimkien ma' reġistru dwar jekk kienux traspurtati passiġġieri jew merkanzija.

Artikolu 3

Statistika

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li statistika miġbura dwar il-kontrolli organizzati skond l-Artikolu 2(1) u (3) tkun imqassma f'dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

għal kontrolli fit-triq:

(i)

tip tat-triq, jiġifieri jekk hijx awtostrada, triq nazzjonali jew sekondarja, pajjiż ta' reġistrazzjoni tal-vettura spezzjonata, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni;

(ii)

tip ta' takografu, analogu jew diġitali;

(b)

għal kontroll fuq il-post:

(i)

tip ta' attività tat-trasport, jiġifieri jekk l-attività hijiex internazzjonali jew nazzjonali; persuni jew merkanzija; fuq akkont personali jew b'kiri jew bi ħlas;

(ii)

daqs tal-flotta ta' vetturi tal-kumpannija;

(iii)

tip ta' takografu, analogu jew diġitali.

Din l-istatistika għandha tiġi ppreżentata kull sena lill-Kummissjoni, u għandha tkun ippubblikata f'rapport.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom iżommu rekord tad-data miġbura għas-sena ta' qabel.

L-intrapriżi responsabbli għax-xufiera għandhom iżommu għal perijodu ta' sena, d-dokumenti, ir-rekords tar-riżultati u data rilevanti oħra mgħoddija lilhom mill-awtoritajiet ta' l-infurzar dwar kontrolli li jkunu saru fuqhom fl-istabbilimenti tagħhom u/jew fuq ix-xufiera tagħhom fit-triq.

Kull kjarifika ulterjuri meħtieġa tad-definizzjonijiet tal-kategoriji msemmija taħt (a) u (b) għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 4

Kontrolli fit-triq

1.   Kontrolli fit-triq għandhom ikunu organizzati f'diversi postijiet u f'kull ħin u għandhom ikopru parti estiża biżżejjed tan-netwerk tat-toroq b'mod li jkun diffiċli li jiġu evitati l-postijiet tal-kontrolli.

2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

(a)

isir provvidiment biżżejjed għall-punti ta' kontroll dwar toroq eżistenti u ppjanati jew qribhom u, jekk meħtieġ, li stazzjonijiet ta' servizz jew postijiet siguri oħra matul l-awtostradi, jistgħu jservu ta' punti ta' kontroll;

(b)

il-kontrolli jsiru skond sistema ta' rotazzjoni każwali, b'bilanċ ġeografiku xieraq,

3.   Il-punti li għandhom ikunu eżaminati fit-toroq huma stabbiliti fil-Parti A ta' l-Anness I. Il-kontrolli jistgħu jiffokaw fuq punt speċifiku jekk ikun meħtieġ skond is-sitwazzjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), kontrolli fit-triq għandhom isiru mingħajr diskriminazzjoni. B'mod partikolari, uffiċjali ta' l-infurzar m'għandhomx jiddiskriminaw minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura;

(b)

pajjiż tar-residenza tax-xufier;

(ċ)

pajjiż ta' fejn tkun stabbilita l-impriża;

(d)

il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;

(e)

tip ta' takografu: analogu jew diġitali.

5.   L-uffiċjali ta' l-infurzar għandhom jingħataw:

(a)

lista tal-punti prinċipali li għandhom jiġu kontrollati, kif stabbilit fil-Parti A ta' Anness I;

(b)

tagħmir standard ta' kontroll, kif stabbilit fl-Anness II.

6.   Jekk, fi Stat Membru, ir-riżultati ta' kontroll li jsir fit-triq fuq ix-xufier ta' vettura reġistrata fi Stat Membru ieħor jagħtu lil wieħed x'jifhem illi ġie mwettaq xi ksur li ma jistax jiġi stabbilit matul il-kontroll minħabba n-nuqqas ta' data meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jiċċaraw is-sitwazzjoni.

Artikolu 5

Kontrolli organizzati

L-Istati Membri għandhom, ta' l-anqas sitt darbiet fis-sena, jagħmlu kontrolli flimkien fit-triq ta' xufiera u vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85. Dawn il-kontrolli għandhom isiru fl-istess ħin mill-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' żewġ Stati Membri jew aktar, kull waħda topera fit-territorju tagħha.

Artikolu 6

Kontrolli fuq il-post

1.   Il-kontrolli fil-post għandhom ikunu organizzati fid-dawl ta' l-esperjenza tal-passat fir-rigward tad-diversi tipi ta' trasport u impriżi. Dawn għandhom ukoll jitwettqu jekk ikun instab xi ksur serju tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 jew 3821/85 waqt kontroll fit-triq.

2.   Kontrolli fuq il-post għandhom ikopru l-punti elenkati fil-Parti A u fil-Parti B ta' l-Anness I.

3.   L-uffiċjali ta' l-infurzar għandhom jingħataw:

(a)

lista tal-punti prinċipali li għandhom jiġu kontrollati, kif hemm provdut fil-Parti A u fil-Parti B ta' l-Anness I;

(b)

tagħmir standard tal-kontroll, kif hemm provdut fl-Anness II.

4.   Matul il-kontroll l-uffiċjal ta' l-infurzar fi Stat Membru għandu jqis kull informazzjoni provduta mill-korp ta' l-infurzar nominat għar-relazzjonijiet fi Stat Membru ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), li jikkonċerna l-attivitajiet ta' l-impriża f'dak l-Istat Membru l-ieħor.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4, kontrolli li jsiru fil-fond ta' l-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta' dokumenti rilevanti jew ta' data mogħtija minn impriżi b'talba ta' l-awtoritajiet imsemmija, għandu jkollhom l-istess status bħal kontrolli li jsiru fil-fond ta' impriżi.

Artikolu 7

Relazzjonijiet intrakomunitarji

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp li għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jassigura l-kordinazzjoni ma' korpi ekwivalenti fl-Istati Membri l-oħra konċernati fir-rigward ta' azzjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 5;

(b)

li jgħaddi l-prospetti ta' l-istatistika li jsiru darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85;

(ċ)

ikollu responsabbiltà prinċipali sabiex jassisti l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra skond l-Artikolu 4(6).

Il-korp għandu jkun rappreżentat fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħatra ta' dan il-korp u l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

3.   L-iskambju ta' data, ta' esperjenza u ta' informazzjoni bejn Stati Membri għandu jkun promoss b'mod attiv, primarjament iżda mhux esklużivament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1) u kull korp ieħor li l-Kummissjoni tista' tinnomina skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 8

Skambju ta' tagħrif

1.   Tagħrif li jsir disponibbli bilateralment skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 jew l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 għandu jiġi skambjat bejn il-korpi nominati notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(2):

(a)

ta' l-anqas darba kull sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva;

(b)

b'talba speċifika minn Stat Membru f'każijiet individwali.

2.   L-Istati Membri għandhom ifittxu li jistabbilixxu sistemi għall-iskambju elettroniku ta' l-informazzjoni. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi metodoloġija komuni għall-iskambju effettiv ta' tagħrif.

Artikolu 9

Sistema li tkejjel ir-riskju

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema li tkejjel ir-riskju għal impriżi bbażata fuq in-numru u s-serjetà ta' kull ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 jew 3821/85 li impriżi individwali jkunu wettqu. Il-Kummissjoni għandha tappoġġa d-djalogu bejn l-Istati Membri biex tinkoraġġixxi aktar koerenza bejn dawn is-sistemi ta' valutazzjoni tar-riskju.

2.   Impriżi b'rata għolja ta' riskju għandhom ikunu kkontrollati b'akbar reqqa u aktar spiss. Il-kriterji u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' tali sistema għandhom ikunu diskussi fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12, bl-għan li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' tagħrif fuq l-aħjar prattiċi.

3.   Lista inizjali ta' ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 tinsab fl-Anness III.

Bil-ħsieb li jingħataw linji ta' gwida dwar il-kejl tal-piż tal-ksur tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85, il-Kummissjoni tista', kif adegwat, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta l-Anness III tieħu inizjattivi bil-ħsieb li tistabbilixxi linji ta' gwida dwar firxa komuni ta' ksur tar-regolamenti, maqsuma f'kategoriji skond is-serjetà tagħhom.

Il-kategorija għall-ksur tar-regolamenti l-aktar serju għandha tinkludi dak fejn in-nuqqas ta' rispett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 joħolqu riskju serju ta' riskju ta' mewt jew ta' korriment personali gravi.

Artikolu 10

Rapport

Sa l-1 ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li janalizza l-pieni għal ksur serju li tipprovdi għalihom il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri.

Artikolu 11

L-aħjar prattika

1.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji ta' gwida dwar l-aħjar prattika fl-infurzar.

Dawk il-linji ta' gwida għandhom ikunu ppubblikati f'rapport li jsir darbtejn fis-sena tal-Kummissjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta' taħriġ konġunt dwar l-aħjar prattika li għandhom isiru ta' l-anqas darba fis-sena u għandhom jiffaċilitaw skambji, ta' l-anqas darba fis-sena, ta' persunal tal-korpi rispettivi tagħhom għal koperazzjoni intrakomunitarja mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

3.   Formola elettronika u li tista' tiġi stampata għandha tiġi mħejjija mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), li għandha tintuża meta xufier ikun fuq leave minħabba mard jew leave annwali, jew meta xufier ikun saq vettura oħra li hija eżenti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85, fil-perijodu msemmi fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

4.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-uffiċjali ta' l-infurzar huma mħarrġa sew biex iwettqu xogħolhom.

Artikolu 12

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, tenut kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Miżuri ta' implimentazzjoni

B'talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, li jkollhom wieħed minn dawn l-għanijiet partikulari:

(a)

li tippromwovi approċċ komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva;

(b)

li tħeġġeġ koerenza fl-approċċ bejn awtoritajiet ta' l-infurzar u interpretazzjoni armonizzata tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar;

(ċ)

li tiffaċilita d-djalogu bejn is-settur ta' trasport u l-awtoritajiet ta' l-infurzar.

Artikolu 14

Negozjati ma' pajjiżi terzi

Ladarba din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Komunità għandha tibda negozjati mal-pajjiżi terzi rilevanti bil-ħsieb li jkunu applikati regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva.

Fl-istennija tal-konklużjoni ta' dawn in-negozjati, l-Istati Membri għandhom jinkludu data dwar kontrolli, fuq vetturi minn pajjiżi terzi, fl-informazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

Artikolu 15

Aġġornament ta' l-annessi

Emendi għall-Annessi li huma meħtieġa sabiex jiġu adattati għal żviluppi fl-aħjar prattika għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa l-aktar tard l-1 ta' April 2007. Dawn għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam iggvernat minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Tħassir

1.   Id-Direttiva 88/599/KEE hija b'dan imħassra.

2.   Kwalunkwe referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu li qed isiru għal din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara dak tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar il-15 ta' Marzu 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 241, 28.9.2004, p. 65.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 385), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2004, (ĠU C 63 E, 15.3.2005, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2005 (ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 415). Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Frar 2006.

(3)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 1. Regolament emendat mid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(4)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) NruNru 432/2004 (ĠU L 71, 10.3.2004, p. 3).

(5)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 325, 29.11.1988, p. 55. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) NruNru 2135/98 (ĠU L 274, 9.10.1998, p. 1).


ANNESS I

PARTI A

KONTROLLI FIT-TRIQ

Il-punti li ġejjin għandhom, b'mod ġenerali, ikunu koperti minn kontrolli fit-triq:

(1)

ħinijiet ta' sewqan kuljum u ta' kull ġimgħa, pawżi u perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u fil-ġimgħa; anke l-folji li fihom jitniżżlu r-rekords tal-jiem preċedenti u li għandhom jinġarru abbord il-vettura skond l-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u/jew id-data maħżuna għall-istess perijodu fuq il-kard tax-xufier u/jew fil-memorja tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness II ta' din id-Direttiva u/jew fil-materjal f'forma stampata;

(2)

għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, każijiet fejn tinqabeż il-veloċità awtorizzata tal-vettura, jiġifieri kull perijodu ta' aktar minn minuta li fiha l-veloċità tal-vettura teċċedi d-90 kilometru fis-siegħa għal vetturi fil-kategoriji N3 jew il-105 kilometru fis-siegħa km/h għal vetturi fil-kategorija M3 (kategoriji N3 u M3 huma skond id-definizzjoni fl-Anness II, Parti A tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (1);

(3)

fejn xieraq, veloċitajiet momentanji li jkunu ġew milħuqa mill-vettura kif reġistrati mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni f'mhux aktar mill-aħħar 24 siegħa ta' użu tal-vettura;

(4)

it-tħaddim tajjeb tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni (li tkun determinata l-possibiltà ta' użu ħażin tat-tagħmir u/jew il-kard tax-xufier u/jew il-folji li fihom jitniżżlu r-rekords) jew, fejn xieraq, il-preżenza tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

PARTI B

KONTROLLI FUQ IL-POST

Il-punti li ġejjin għandhom ikunu kontrollati fuq il-post, flimkien ma' dawk il-punti imsemmija fil-Parti A:

(1)

perijodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa u ħinijiet ta' sewqan fil-ġimgħa bejn dawn il-perijodi ta' mistrieħ;

(2)

osservanza tal-limitu ta' ħinijiet tas-sewqan fuq perijodu ta' ġimgħatejn;

(3)

folji li fihom jitniżżlu r-rekords, l-unità ta' vettura u d-data fil-kard tax-xufier u materjal f'forma stampata;

L-Istati Membri jistgħu, jekk ikun xieraq, jikkontrollaw ir-responsabbilità konġunta ta' instigaturi jew aċċessorji oħra fil-katina tat-trasport, bħalma huma dawk li jieħdu ħsieb il-merkanzija trasportata, burdnara jew kuntratturi, jekk ikun instab li twettaq xi ksur, inkluż il-verifika li l-kuntratti għall-provvista tat-trasport jippermettu l-konformità mar-Regolamenti (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85.


(1)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/28/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 27).


ANNESS II

Tagħmir standard li għandu jkun disponibbli għat-taqsimiet ta' l-infurzar

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-tagħmir standard li ġej hu disponibbli għat-taqsimiet ta' l-infurzar li jwettqu d-doveri stabbiliti fl-Anness I:

(1)

tagħmir li jista' jniżżel data mill-unità ta' vettura u mill-kard tax-xufier ta' takografi diġitali, jaqra d-data, u janalizza data u/jew jittrasmetti s-sejbiet lejn database ċentrali għal analiżi;

(2)

tagħmir li jikkontrolla l-folji tat-takografu.


ANNESS III

Ksur

Skond l-Artikolu 9(3), għal finijiet ta' din id-Direttiva il-lista mhux eżawrenti li ġejja tipprovdi gwida għal dak li għandu jkun ikkunsidrat bħala ksur:

1.

li jinqabeż il-massimu ta' kuljum, ta' sitt ijiem jew ta' ħmistax-il-jum;

2.

li ma jingħatax kas tal-perijodu ta' mistrieħ minimu ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa;

3.

li ma jingħatax kas tal-pawża minima;

4.

in-nuqqas li jitwaħħal takografu skond ir-rekwiżiti tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85.


DIKJARAZZJONIJIET

Il-Kummissjoni tiddikjara li fir-rigward tal-klassifika ta' ksur serju, l-intendiment tagħha huwa li ksur serju kontra r-Regolament dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali dwar it-trasport bit-triq jinkludi dan li ġej:

1.

li jinqabeż il-massimu ta' kuljum, ta' sitt ijiem jew ta' ħmistax-il-jum b' marġini ta' 20 % jew aktar;

2.

li ma jingħatax kas tal-perijodu ta' mistrieħ minimu ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa b' marġini ta' 20 % jew aktar;

3.

li ma jingħatax kas tal-pawża minima b' marġini ta' 33 % jew aktar; u

4.

takografu li ma jkunx imwaħħal sakond ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 3821/85.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li, fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet ta' l-AETR ikunu allinjati mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Jekk dan l-allinjament ma jkunx intlaħaq fi żmien dak il-perijodu l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjoni adegwata biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.