4.2.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

82


ID-DIRETTIVA 2006/1/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Jannar 2006

dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 84/647/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1984 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq (3) ġiet emendata b’mod sostanzjali (4). Għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalità l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Mill-perspettiva makroekonomika, l-użu ta’ vetturi mikrija jippermetti, f’ċerti sitwazzjonijiet, allokazzjoni ottima tar-riżorsi billi jillimita l-ħela fl-użu tal-fatturi tal-produzzjoni.

(3)

Minn perspettiva mikroekonomika, din il-possibilità ġġib element ta’ flessibilità fl-organizzazzjoni tat-trasport, u għalhekk iżżid il-produttività ta’ l-impriżi interessati.

(4)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“vettura” tfisser vettura tal-mutur, trailer, semi-trailer, jew tagħqida ta’ vetturi maħsuba biss għat-trasport ta’ merkanzija;

(b)

“vettura mikrija” tfisser kull vettura li għal rimunerazzjoni u għal perjodu stabbilit taż-żmien, titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża li tidħol għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, għall-kiri jew bi ħlas jew f’isimha fuq il-bażi ta’ kuntratt magħmul ma’ l-impriża li tagħmel il-vetturi disponibbli.

Artikolu 2

1.   Kull Stat Membru għandu jħalli l-użu fit-territorju tiegħu, għall-għanijiet tat-traffiku bejn l-Istati Membri, tal-vetturi mikrija mill-impriżi stabiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sakemm:

(a)

il-vettura tkun irreġistrata jew tinħareġ fiċ-ċirkolazzjoni skond il-liġijiet fl-Istat Membru ta’ l-aħħar;

(b)

il-kuntratt ikollu x’jaqsam biss mal-kiri tal-vettura mingħajr sewwieq u ma jkunx akkumpanjat b’kuntratt tas-servizz konkluż mill-istess impriża li jkopri l-personal tas-sewqan jew li jakkumpanjaw;

(ċ)

il-vettura mikrija tkun biss għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża li tużaha matul il-perjodu taż-żmien tal-kuntratt tal-kiri;

(d)

il-vettura mikrija tkun misjuqa mill-personal ta’ l-impriża li tkunu tużaha;

2.   Il-prova tal-konformità mal-kondizzjonijiet msemmija f’paragrafu 1(a) sa (d) għandha tiġi pprovduta mid-dokumenti li ġejjin, li jridu jkunu abbord il-vettura:

(a)

il-kuntratt tal-kiri, jew estratt iċċertifikat minn dan il-kuntratt li jindika l-isem tal-kerrej, l-isem ta’ min jikri, id-data u t-tul taż-żmien tal-kuntratt u l-identità tal-vettura;

(b)

fejn is-sewwieq ma jkunx il-persuna li tikri l-vettura, il-kuntratt tax-xogħol tas-sewwieq jew estratt iċċertifikat minn dan il-kuntratt li jagħtu b’mod partikulari l-isem ta’ min iħaddem, l-isem ta’ l-impjegat u d-data u t-tul taż-żmien tal-kuntratt tax-xogħol jew karta riċenti tal-paga.

Jekk ikun meħtieġ id-dokumenti riferiti fil-(a) u l-(b) jistgħu jinbidlu b’dokument ekwivalenti maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-impriżi tagħhom jistgħu jużaw, għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, fuq l-istess kondizzjonijiet tal-vetturi fil-pussess tagħhom, il-vetturi mikrija rreġistrati jew imdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni skond il-liġijiet tal-pajjiżi tagħhom, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 jitweqqu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 il-ħidmiet tat-trasport għal rasu li jsir minn vetturi ta’ toqol totali permissibbli bit-tagħbija ta’ mhux aktar minn 6 tunnellati metriċi.

Artikolu 4

Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa r-regolamenti ta’ Stat Membru li jistabbilixxu kondizzjonijiet inqas restrittivi dwar l-użu tal-vetturi mikrija minn dawk speċifikati fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’:

(a)

l-organizzazzjoni tas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bħala kiri jew bi ħlas u f’isimhom stess, u, partikolarment, għall-aċċess għas-suq u, rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-kwoti dwar il-kapaċitajiet tat-toroq;

(b)

il-prezzijiet u l-kondizzjonijiet għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq;

(ċ)

il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-kiri;

(d)

l-importazzjoni tal-vetturi;

(e)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-attività jew l-okkupazzjoni ta’ min jikri lil ħaddieħor il-vetturi tat-triq.

Artikolu 6

Id-Direttiva 84/647/KEE hija mħassra bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula f’ Stasburgu, nhar it-18 ta’ Jannar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 108, tat-30.4.2004, p. 56.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Frar 2004 (ĠU C 97, tat-22.4.2004, p. 66) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2005.

(3)  ĠU L 335, tat-22.12.1984, p. 72. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 90/398/KEE (ĠU L 202, tal-31.7.1990, p. 46).

(4)  Ara l-Anness I, Parti A.


ANNESS I

Parti A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendament tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 6)

Direttiva tal-Kunsill 84/647/KEE

(ĠU L 335, tat-22.12.1984, p.72)

Direttiva tal-Kunsill 90/398/KEE

(ĠU L 202, tal-31.7.1990. p.46)

Parti B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmijin fl-Artikolu 6)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva 84/647/KEE

30 ta’ Ġunju 1986

Direttiva 90/398/KEE

31 ta’ Diċembru 1990


ANNESS II

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 84/647/KEE

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1, sentenza tal-bidu

Artikolu 1, sentenza tal-bidu

Artikolu 1, l-ewwel inċiż

Artikolu 1(a)

Artikolu 1, it-tieni inċiż

Artikolu 1(b)

Artikolu 2, sentenza tal-bidu

Artikolu 2(1), sentenza tal-bidu

Artikolu 2(1) sa (4)

Artikolu 2(1), punti (a) sa (d)

Artikolu 2(5) l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

Artikolu 2(5), l-ewwel subparagrafu, punt (a) u (b)

Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b)

Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4 paragrafu 1

Artikolu 4

Artikolu 5, sentenza tal-bidu

Artikolu 5, sentenza tal-bidu

Artikolu 5, l-ewwel inċiż

Artikolu 5(a)

Artikolu 5, it-tieni inċiż

Artikolu 5(b)

Artikolu 5, it-tielet inċiż

Artikolu 5(ċ)

Artikolu 5, ir-raba’ inċiż

Artikolu 5(d)

Artikolu 5, il-ħames inċiż

Artikolu 5(e)

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Anness I

Anness II