8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1279


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-24 ta' Awwissu 2006

dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali

(2006/585/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva i2010, li għandha l-għan li ttejjeb kemm jista' jkun il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informatika għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' l-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni għamlet il-bibljoteki diġitali aspett ewlieni ta' l-i2010. Fil-Komunikazzjoni tagħha “i2010: bibljoteki diġitali” tat-30 ta' Settembru 2005 (1), ippreżentat l-istrateġija tagħha għad-diġitizzazzjoni, l-aċċessibbiltà online u l-konservazzjoni diġitali tal-memorja kollettiva Ewropea. Din il-memorja kollettiva tinkludi l-istampa (il-kotba, il-perjodiċi, il-gazzetti), ritratti, oġġetti fil-mużewijiet, dokumenti fl-arkivji, materjal awdjoviżiv (minn hawn 'il quddiem “materjal kulturali”).

(2)

Għandhom jiġu rakkomandati lill-Istati Membri miżuri li japplikaw dik l-istrateġija, bil-għan li jittejjeb kemm jista' jkun, permezz ta' l-Internet, il-potenzjal ekonomiku u kulturali tal-wirt kulturali Ewropew.

(3)

F'dak il-kuntest, għandu jiġi nkoraġġit l-iżvilupp ta' materjal diġitizzat minn bibljoteki, arkivji u mużewijiet. L-aċċessibbiltà online tal-materjal sejjer iħalli liċ-ċittadini fl-Ewropa kollha kemm hi jaċċessawh u jużawh għar-rikreazzjoni, l-istudju u x-xogħol tagħhom. Lill-wirt divers u multilingwi ta' l-Ewropa sejjer jagħtih profil ċar fuq l-Internet. Barra minn hekk, il-materjal diġitizzat jista' jerġa' jintuża f'industriji bħat-turiżmu u l-edukazzjoni, kif ukoll fi sforzi kreattivi ġodda.

(4)

Barra minn hekk, il-Konklużjonjiet tal-Kunsill tal-15-16 ta' Novembru 2004 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2005-2006 jisħqu fuq il-kontribut li jagħtu l-kreattività u l-industriji kreattivi lit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, u fuq il-ħtieġa għal sforz ikkoordinat ta' diġitizzazzjoni.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-wirt filmiku u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali relatati (2) diġà kienet irrakkomandat lill-Istati Membri li jadottaw miżuri adegwati biex ikabbru l-użu tat-teknoloġiji diġitali u ġodda fil-ġbir, l-ikkatalogar, il-konservazzjoni u r-restawr tax-xogħlijiet ċinematografiċi. F'dak li jirrigwarda x-xogħlijiet ċinematografiċi, minn għadd ta' aspetti din ir-Rakkomandazzjoni tissupplimenta r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-wirt filmiku.

(6)

Id-diġitizzazzjoni hija mezz importanti biex jiġi żgurat aċċess aktar għall-materjal kulturali. F'xi każijiet, hija l-uniku mod li jiġi żgurat li dan il-materjal jibqa' disponibbli għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Għaldaqstant, fl-Istati Membri bħalissa għaddejjin għadd ta' inizjattivi ta' diġitizzazzjoni, imma l-isforzi huma sparpaljati. Azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex jidiġitizzaw il-wirt kulturali tagħhom tkun tista' trodd aktar koerenza lill-għażla tal-materjal, u tevita d-dupplikazzjoni fid-diġitizzazzjoni. Twassal ukoll għal klima aktar żgura għall-kumpaniji li jinvestu fit-teknoloġiji tad-diġitizzazzjoni. Stampa globali ta' l-attivitajiet kurrenti u ppjanati fid-diġitizzazzjoni u miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni jikkontribwixxu għall-ilħiq ta' dawk l-għanijiet.

(7)

L-isponsorizzar tad-diġitizzazzjoni mis-settur privat, jew sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, jistgħu jinvolvu entitajiet privati fl-isforzi tad-diġitizzazzjoni, u gaħndhom jiġu inkoraġġiti aktar.

(8)

L-investimenti fit-teknoloġiji l-ġodaa u l-faċilitajiet tad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira jistgħu jniżżlu l-ispejjeż tad-diġitizzazzjoni, filwaqt li jżommu jew itejbu l-kwalità, u għalhekk għandom jiġu rrakkomandati.

(9)

Punt komuni u multilingwi ta' aċċess ikun jippermetti t-tiftix online fil-wirt kulturali diġitali ddistribwit — jiġifieri miżmum minn organizzazzjonijiet differenti f'postijiet differenti — ta' l-Ewropa. Punt ta' aċċess ta' dan it-tip iqawwi l-viżibbiltà ta' dan il-wirt, u jenfasizza l-aspetti komuni. Il-punt ta' aċċess għandu jibni fuq inizjattivi bħall-Bibljoteka Ewropea (TEL), li diġà qed jikkollaboraw fiha l-bibljoteki Ewropej. Fejn ikun possibbli, għandu jassoċja mill-qrib id-detenturi privati ta' drittijiet fil-materjal kulturali u l-partijiet interessati kollha. Għandu jiġi nkoraġġit impenn qawwi min-naħa ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali biex jinħoloq punt ta' aċċess ta' dan it-tip.

(10)

Hija biss parti mill-materjal fil-bibljoteki, l-arkivji u l-mużewijiet li hija ta' dominju pubbliku, fis-sens li mhijiex jew ma għadhiex koperta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, filwaqt li l-bqija hija protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ġaladarba d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma strument ewlieni għall-istimolu tal-kreattività, il-materjal kultruali Ewropew għandu jiġi ddiġitizzat, isir disponibbli u jiġi kkonservat fir-rispett sħiħ tad-drittijiet ta' l-awtur u d-rittijiet relatati. F'dan il-kuntest huma partikolarment rilevanti l-Artikoli 5(2)c, 5(3)n u 5(5), kif ukoll il-Premessa 40, tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (3). Mekkaniżmi għall-għoti ta' liċenzji f'oqsma bħax-xogħlijiet orfni — jiġifieri, xogħlijiet koperti mid-drittijiet ta' l-awtur li d-detenturi tagħhom diffiċli jew saħansitra impossibbli jinstabu — u xogħlijiet li ma għadhomx fl-istampa jew fid-distribuzzjoni (awdjoviżivi) jistgħu jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni tad-drittijiet, u b'konsegwenza l-isforzi tad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà sussegwenti online. Mekkaniżmi ta' dan it-tip għaldaqstant għandhom jiġu inkoraġġiti f'kooperazzjoni mill-qrib mad-detenturi tad-drittijiet.

(11)

Jista' jkun li dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkun fihom ostakli għall-użu ta' xogħlijiet ta' dominju pubbliku, pereżempju billi jesiġu att amministrattiv għar-riproduzzjoni tax-xogħol ikkonċernat. Kwalunkwe ostaklu ta' dan it-tip għandu jiġi identifikat, u għandhom jittieħdu passi biex jitneħħa.

(12)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill C/162/02 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-konservazzjoni tal-memorja ta' għada — il-konservazzjoni tal-kontenut diġitali għall-ġenerazzjonijiet futuri (4) tipproponi miri u miżuri indikattivi għall-konservazzjoni tal-kontenut diġitali għall-ġenerazzjonijiet futuri. Madankollu, fil-preżent fl-l-Istati Membri ma hemm l-ebda politiki ċari u komprensivi dwar il-konservazzjoni tal-kontenut diġitali. In-nuqqas ta' politiki bħal dawn jhedded is-sopravvivenza tal-materjal diġitizzat, u jista' jwassal għat-telf ta' materjal prodott f'format diġitali. L-iżvilupp ta' mezzi effikaċi tal-konservazzjoni diġitali għandu implikazzjonijiet wiesgħa, mhux biss għall-konservazzjoni ta' materjal f'istituzzjonijiet pubbliċi, imma wkoll għal kwalunkwe organizzazzjoni li għandha l-obbligu li tikkonserva l-materjal diġitali jew li tkun tixtieq tagħmel dan.

(13)

Bosta Stati Membri daħħlu jew qed jikkunsidraw obbligi legali li jesiġu mill-produtturi tal-materjal diġitali li jagħmlu kopja jew għadd ta' kopji tal-materjal għad-dispożizzjoni ta' entità ta' depożitu b'mandat. Il-kollaborazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri hija meħtieġa biex tiġi evitata diversità kbira fir-regoli li jiggvernaw id-depożitu ta' materjal diġitali, u għandha tiġi inkoraġġita.

(14)

Il-web harvesting huwa teknika ġdida għall-ġbir tal-materjal mill-Internet, għall-finijiet ta' konservazzjoni. Jinvolvi l-ġbir attiv tal-materjal min-naħa ta' l-istituzzjonijiet b'mandat, minflok ma jistennew li jiġi ddepożitat, u b'hekk jimminimizza l-piż amministrattiv fuq il-produtturi tal-materjal diġitali, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tagħmel provvediment għalih.

B'DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

Id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online

1.

jiġbru informazzjoni dwar id-diġitizzazzjoni kurrenti jew ippjanata ta' kotba, perjodiċi, ġurnali, ritratti, oġġetti fil-mużewijiet, dokumenti fl-arkivji, materjal awdjoviżiv (minn hawn 'il quddiem “materjal kulturali”) u joħolqu deskrizzjonjiet globali ta' din id-diġitizzazzjoni sabiex jipprevjenu d-dupplikazzjoni ta' l-isforzi u jippromwovu l-kollaborazzjoni u s-sinerġiji fuq il-livell Ewropew;

2.

jiżviluppaw miri kwantitattivi għad-diġitizzazzjoni tal-materjal f'format analogu fl-arkivji, il-bibljoteki u l-mużewjiet, li jindikaw iż-żieda mistennija tal-materjal diġitizzat li jkun jista' jifforma parti mill-bibljoteka diġitali Ewropea, u l-baġits allokati mill-awtoritajiet pubbliċi;

3.

jinkoraġġixxu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali u s-settur privat sabiex jinħolqu modi ġodda tal-finanzjament tad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali;

4.

iwaqqfu u jsostnu faċilitajiet tad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira, bħala parti minn ċentri ta' kompetenza għad-diġitizzazzjoni fl-Ewropa, jew inkella f'kollaborazzjoni mill-qrib magħhom;

5.

jippromwovu bibljoteka diġitali Ewropea, fis-sura ta' punt ta' aċċess komuni u multilingwi tal-materjal kulturali diġitali ddistribwit — jiġifieri miżmum minn organizzazzjonijiet differenti f'postijiet differenti — ta' l-Ewropa, billi:

(a)

jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll lill-pubblikaturi u lid-detenturi l-oħra tad-drittijiet, li l-materjal diġitizzat tagħhom jagħmluh disponibbli għat-tiftix permezz tal-bibljoteka diġitali Ewropea,

(b)

jiżguraw li l-istituzzjonijiet kulturali, u fejn dan ikun rilevanti, il-kumpaniji privati, japplikaw standards komuni tad-diġitizzazzjoni sabiex, fuq il-livell Ewropew, tintlaħaq l-interoperabbiltà tal-materjal diġitizzat u jiffaċilitaw it-tiftix multilingwi;

6.

itejbu l-kundizzjonijiet għad-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali, u l-aċċessibbiltà online tiegħu, billi:

(a)

joħolqu mekkaniżmi biex jiffaċilitaw l-użu ta' xogħlijiet orfni, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati;

(b)

jistabbilixxu jew iġibu 'l quddiem mekkaniżmi, fuq bażi volontarja, biex jiffaċilitaw l-użu ta' xogħlijiet li ma għadhomx fl-istampa jew fid-distribuzzjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati;

(ċ)

iġibu 'l quddiem id-disponibbiltà ta' xogħlijiet orfni individwati u xogħlijiet ta' dominju pubbliku,

(d)

jidentifikaw ostakli fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom għall-aċċessibbiltà online u għall-użu sussegwenti ta' materjal kulturali ta' dominju pubbliku, u jieħdu l-passi biex ineħħu dawn l-ostakli;

Il-konservazzjoni diġitali

7.

jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għall-konservazzjoni fit-tul tal-materjal diġitali u l-aċċess għalih, fir-rispett sħiħ tal-liġijiet dwar id-dritt ta' l-awtur, li:

(a)

jiddeskrivu l-approċċ organizzattiv, filwaqt li jindikaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti, kif ukoll ir-riżorsi allokati,

(b)

ikun fihom pjanijiet speċifiċi ta' azzjoni li jiddeskrivu l-miri u skeda ta' żmien għall-ilħiq tal-miri speċifiċi;

8.

jiskambjaw bejniethom l-informazzjoni dwar l-istrateġiji u l-panijiet ta' azzjoni;

9.

jipprovdu fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom biex jippermettu l-ikkupjar moltepliċi u l-migrazzjoni ta' materjal kulturali diġitali min-naħa ta' istituzzjonjiet pubbliċi għal finijiet ta' konservazzjoni, fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

10.

iqisu żviluppi fi Stati Membri oħra huma u jistabbilixxu l-politiki u l-proċeduri għad-depożitu ta' materjal maħluq fil-format diġitali mill-oriġini, sabiex jipprevjenu diverġenza wiesgħa f'sistemi ta' depożitu;

11.

jipprovdu fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom għall-konservazzjoni ta' kontenuti ta' l-Internet min-naħa ta' istituzzjonijiet b'mandat tagħhom, bl-użu ta' metodi għall-ġbir tal-materjal mill-Internet bħalma huwa l-ġbir tal-materjal minn fuq l-Internet (web harvesting), fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u internazzjonali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Is-segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni

12.

jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjoni meħuda b'risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, 18-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn.

Magħmul fi Brussell, nhar l-24 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2005) 465 finali.

(2)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 57.

(3)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(4)  ĠU C 162, 6.7.2002, p. 4.