29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

374


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2006/276/PESK

ta' l-10 ta' April 2006

dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Settembru 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus (1) fir-rigward ta' ċerti uffiċjali tal-Belarus li huma responsabbli sabiex, iżda naqsu milli, jagħtu bidu għal investigazzjoni indipendenti u għall-prosekuzzjoni tad-delitti allegati u ta' dawk li huma kunsidrati mir-Rapport Pourgourides bħala l-atturi ċentrali fl-għajbien ta' erba' persuni magħrufa sew fil-Belarus fl-1999/2000 u l-ħabi sussegwenti tal-provi relatati, minħabba l-ostruzzjoni apparenti minnhom tal-ġustizzja.

(2)

Fit-13 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/848/PESK (2) li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK sabiex tespandi l-firxa tal-miżuri restrittivi għal persuni li huma direttament responsabbli għall-elezzjonijiet u r-referendum frodulenti fil-Belarus fis-17 ta' Ottubru 2004 u għal dawk li huma responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem waqt ir-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi wara l-elezzjonijiet u r-referendum fil-Belarus.

(3)

Fit-23 ta' Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-azzjoni meħuda dakinhar mill-awtoritajiet tal-Belarus meta arrestaw dimostranti paċifiċi waqt l-eżerċizzju tad-dritt leġittimu tagħhom ta' għaqda libera sabiex jipprotestaw kontra t-tmexxija ta' l-elezzjoni presidenzjali fil-Belarus fid-19 ta' Marzu 2006. Il-Kunsill Ewropew iddeplora n-nuqqas ta' l-awtoritajiet tal-Belarus li jissodisfaw l-impenji OSCE għal elezzjonijiet demokratiċi u jikkunsidra li l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarus kienu vizjati fundamentalment.

(4)

Il-Kunsill Ewropew konsegwentement iddeċieda li l-UE għandha tadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet ta' standards elettorali internazzjonali, inkluż il-President Lukashenko.

(5)

Għandhom jiġu adotti miżuri restrittivi wkoll kontra t-tmexxija tal-Belarus u kontra l-uffiċjali responsabbli għall-vjolazzjonijiet ta' standards elettorali internazzjonali u għar-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika.

(6)

Il-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK, kif emendata mill-Pożizzjonijiet Komuni 2004/848/PESK, u l-miżuri restrittivi addizzjonali għandhom ikunu konsolidati fi strument wieħed. Il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK għandha għalhekk tiġi mħassra.

(7)

Fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-premessa (1), l-UE sejra tirrivedi l-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta' l-iżviluppi futuri, b'kont meħud tar-rieda ta' l-awtoritajiet relevanti tal-Belarus li jiżguraw li l-għajbien jiġu investigati b'mod sħiħ u trasparenti u li dawk responsabbli għad-delitti jinġiebu quddiem il-ġustizzja.

(8)

Il-miżuri restrittivi kontra l-persuni direttament responsabbli għall-elezzjonijiet u r-referendum frodulenti fil-Belarus fis-17 ta' Ottubru 2004 u dawk li huma responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi wara l-elezzjonijiet u r-referendum, għandhom jiġu riveduti fid-dawl tar-riformi li saru fil-Kodiċi Elettorali sabiex isir konformi ma' l-impenji OSCE u ma' standards oħrajn internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi kif rakkomandat mill-OSCE/ODIHR, u fid-dawl ta' azzjonijiet konkreti mill-awtoritajiet sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi.

(9)

Il-miżuri restrittivi kontra l-persuni responsabbli għal vjolazzjonijiet ta' standards elettorali internazzjonali waqt l-elezzjonijiet tad-19 ta' Marzu 2006 u għar-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili fil-kontest ta' dawn l-elezzjonijiet, għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-ħelsien rapidu u r-rijabilitazzjoni tad-detenuti politiċi kollha, u fid-dawl tar-riformi fil-Kodiċi Elettorali sabiex isir konformi ma' l-impenni OSCE u standards oħrajn internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi kif rakkomandat mill-OSCE/ODIHR, it-tmexxija ta' elezzjonijiet futuri u azzjonijiet konkreti mill-awtoritajiet sabiex jiġu rispettati l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' l-espressjoni u tal-medja, u l-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni politika,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul, jew it-transitu, fit-territorji tagħhom, ta' persuni, li huma responsabbli:

(a)

sabiex, iżda naqsu milli, jagħtu bidu għal investigazzjoni indipendenti u għall-prosekuzzjoni tad-delitti allegati u ta' dawk li huma kunsidrati mir-Rapport Pourgourides bħala l-atturi ċentrali fl-għajbien ta' erba' persuni magħrufa sew fil-Belarus fl-1999/2000 u l-ħabi sussegwenti tal-provi relatati, minħabba l-ostruzzjoni apparenti minnhom tal-ġustizzja, kif elenkati fl-Anness I;

(b)

għall-elezzjonijiet u r-referendum frodulenti fil-Belarus fis-17 ta' Ottubru 2004 u għal dawk li huma responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem waqt ir-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi wara l-elezzjonijiet u r-referendum fil-Belarus, kif elenkati fl-Anness II;

(c)

għall-vjolazzjonijiet ta' standards elettorali internazzjonali waqt l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarus fid-19 ta' Marzu 2006, u r-repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif elenkati fl-Anness III.

2.   Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru li jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun bla preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'xi obbligu skond il-liġi internazzjonali, jiġifieri:

(i)

bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(ii)

bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti jew taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti;

(iii)

taħt xi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet;

jew

(iv)

taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni ta' l-1929 (il-Patt tal-Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala applikabbli wkoll fil-każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiz li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun debitament informat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skond il-paragrafi 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mil-miżuri imposti fil-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat abbażi ta' ħtieġa urġenti umanitarja, jew abbażi ta' l-attendenza f'laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni Ewropea, jew li ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali ta' l-OSCE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt fil-Belarus.

7.   Kull Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni tiġi kunsidrata bħala mogħtija sakemm wieħed mill-Membri tal-Kunsill jew iktar ma jagħmlux oġġezzjoni bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol mir-riċezzjoni tan-notifika ta' l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li wieħed jew iktar mill-membri tal-Kunsill jagħmlu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   F'każijiet fejn, skond il-paragrafi 3, 4, 6 u 7, xi Stat Membru jawtorizza d-dħul jew transitu fit-territorju tiegħu ta' persuni elenkati fl-Annessi I, II u III, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih hija ġiet mogħtija u għall-persuni konċernati biha.

Artikolu 2

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni, għandu jadotta modifiki għal-listi li jinsabu fl-Annessi I, II u III kif ikun meħtieġ mill-iżviluppi politiċi fil-Belarus.

Artikolu 3

Sabiex ikun massimizzat l-impatt tal-miżuri hawn fuq imsemmija, l-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi lil Stati terzi sabiex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk li jinsabu f'din il-Pożizzjoni Komuni.

Artikolu 4

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tapplika għal perjodu ta' tnax-il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa. Għandha tiġi mġedda, jew emendata skond il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ġewx sodisfatti.

Artikolu 5

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/661/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 6

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tibda jkollha effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 7

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar l-10 ta' April 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  ĠU L 301 ta' l-28.9.2004, p. 67. Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2005/666/PESK (ĠU L 247 tat-23.9.2005, p. 40).

(2)  ĠU L 367, 14.12.2004, p. 35.


ANNESS I

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 1, paragrafu 1(a)

1.

SIVAKOV, YURY (YURIJ) Leonidovich, ex-Ministru tat-Turiżmu u ta' l-Isport tal-Belarus, imwieled fil-5 ta' Awissu 1946, fir-Reġjun ta' Sakhalin, dik li qabel kienet ir-Repubblika Sovjetika Federattiva Soċjalista Russa.

2.

SHEYMAN (SHEIMAN), VICTOR Vladimirovich, Segretarju Statali tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belarus, imwieled fis-26 ta' Mejju 1958, fir-reġjun ta' Grodno.

3.

PAVLICHENKO (PAVLIUCHENKO), DMITRI (Dmitry) Valeriyevich, Kap tal-Grupp Speċjali ta' Reazzjoni fil-Ministeru ta' l-Intern (SOBR) tal-Belarus, imwieled fl-1966 fi Vitebsk.

4.

NAUMOV, VLADIMIR Vladimïrovich, Ministru ta' l-Intern, imwieled fl-1956.


ANNESS II

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 1, paragrafu 1(b)

1.

Lydia Mihajlovna YERMOSHINA, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet tal-Belarus, imwielda fid-29 ta' Jannar 1953 fi Slutsk (Reġjun ta' Minsk).

2.

Yuri Nikolaevich PODOBED, Tenent-Kurunell tal-Milizzja, Unità għal Skopijiet Speċjali (OMON), Ministeru għall-Affarijiet Interni, imwieled fil-5 ta' Marzu 1962 fi Slutsk (Reġjun ta' Minsk).


ANNESS III

Lista ta' persuni msemmija fl-Artikolu 1, paragrafu 1(ċ)

1.

LUKASHENKO Aleksandr Grigorievich (30.08.1954. Kopys, Vitebsk oblast) President

2.

NIEVYHLAS Hienadz Mikalayevich; Nevyglas Gennady Nikolaevich (11.02.1954. Parahonsk, distrett ta' Pinsk) Kap ta' l-Amministrazzjoni tal-President

3.

PETKEVICH Nataliya Vladimirovna (1972. Minsk) Deputat Kap ta' l-Amministrazzjoni Presidenzjali

4.

RUBINOV Anatoly Nikolaevich (1940.) Deputat Kap inkarigat mill-medja u l-ideoloġija, PA

5.

PRALIASKOWSKI Alieh Vitoldavich; Proleskovskiy Oleg Vitoldovich (01.10.1963. Zagorsk - Russia, issa Sergijev Posad) Ajjutant u Kap tad-Dipartiment Ideoloġiku Prinċipali, PA

6.

RADKOV Aleksandr Mikhailovich (01.07.1951. Votnya) Ministru ta' l-Edukazzjoni

7.

RUSAKEVICH Vladimir Vasilevich (13.09.1947. Vygonoshchi) Ministru ta' l-Informazzjoni

8.

HALAVANAW Viktar Ryhoravich; Golovanov Viktor Grigorevich (1952. Borisov) Ministru tal-Ġustizzja

9.

ZIMOWSKI Aliaksandr Lieanidavich; Zimovsky Alexander Leonidovich (10.01.1961. Possibilment l-Ukraina) Membru tal-Kamra Superjuri tal-Parlament; Kap tal-Kumpannija Nazzjonali tat-Teleradju ta' l-Istat)

10.

KANAPLIOW Uladzimir Mikalayevich; Konoplyev Vladimir Nikolaevich (03.01.1954. Akulintsy) President tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament

11.

CHARHINIETS Mikalay Ivanavich; Cherginets Nikolai Ivanovich (17.10.1937. Minsk) President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra Superjuri

12.

KASTSIAN Siarhiey Ivanavich; Kostyan Sergey Ivanovich (15.01.1941. Usokhi, Mogilev oblast) President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Kamra Inferjuri

13.

ORDA Mikhail Siarhieyevich, Orda Mikhail Sergeyevich (28.09.1966. Dyatlovo, Grodno oblast) Membru tal-Kamra Superjuri, mexxej tal-BRSM

14.

LOZOVIK Nikolay Ivanovich (1951.Nevinyany, Minsk oblast), Deputat tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet tal-Belarus

15.

MIKLASHEVICH Pyotr Petrovich (1954. Kosuta, Minsk oblast) Prosekutur Ġenerali

16.

SLIZHEVSKY Oleg Leonidovich, Kap tad-Diviżjoni ta' l-Organizzazzjonijiet, Gruppi u NGOs Soċjali, Ministeru tal-Ġustizzja

17.

KHARITON Alexandr, Konsulent tad-Diviżjoni ta' l-Organizzazzjonijiet, Gruppi u NGOs Soċjali, Ministeru tal-Ġustizzja

18.

SMYRNOV Yevgeny (1949. Ryazan oblast, Russia) Deputat Ewlieni tal-President tal-Qorti ta' l-Ekonomija

19.

REUTSKAYA Nadezhda, Imħallef tad-distrett ta' Moska ta' Minsk

20.

TRUBNIKOV Nikolay, Imħallef tad-distrett ta' Partizanskiy ta' Minsk

21.

KUPRIYANOV Nikolai, Prosekutur ta' Minsk

22.

SUKHORENKO Stepan Nikolaevich (27.01.1957. Zdudichi, Mogilev oblast) President tal-KGB

23.

DEMENTEI Vasily Ivanovich, Deputat Ewlieni, KGB

24.

KOZIK Lieanid Piatrovich; Kozik Leonid Petrovich (13.07.1948. Borisov) Kap tal-Federazzjoni tad-Trade Unions

25.

KOLEDA Alexandr, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Brest

26.

USOV, N.D., President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Gomel

27.

LUCHINA Leonid, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Grodno

28.

KRAVCHENKO Tayana Aleksandrovna, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet tal-Belt ta' Minsk

29.

KURLOVICH Vladimir, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Minsk

30.

METELITSA Nikolai, President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Mogilev

31.

PISCHULENOK, M.V., President tal-Kummissjoni Ċentrali ta' l-Elezzjonijiet ta' l-oblast ta' Vitebsk