29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

362


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/243/PESK

ta l-20 ta' Marzu 2006

dwar sostenn għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-Unjoni Ewropea qiegħda timplementa b'mod attiv l-Istrateġija ta' l-UE u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tirrilaxxa riżorsi finanzjarji sabiex issostni proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali.

(3)

L-Istati Firmatarji tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBT), adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Settembru 1996, iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li jkollha kapaċità ġuridika, bil-għan li twettaq l-implementazzjoni effettiva tas-CTBT, sa meta tiġi stabbilita l-Organizzazzjoni tas-CTBT (CTBTO).

(4)

Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll ta' l-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (1).

(5)

Id-dħul kmieni fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT, u t-tisħiħ tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva.

(6)

Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO ssegwi l-istess objettivi li jidhru fil-premessi (4) u (5) u diġà tinsab impenjata fl-identifikazzjoni ta' liema mezzi jistgħu l-aktar isaħħu s-sistema tagħha ta' verifika permezz ta' l-għoti f'waqtu ta' konsulenza teknika u taħriġ lil persunal mill-Istati Firmatarji involuti fl-implementazzjoni tar-reġim ta' verifika. Huwa għalhekk kunsiljabbli li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika ta' din l-Azzjoni Konġunta,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' l-implementazzjoni immedjata u prattika ta' xi elementi ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, l-Unjoni Ewropea għandha ssostni l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fil-qasam tat-taħriġ u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:

it-tisħiħ tal-prestazzjoni operattiva tas-sistema ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO;

it-titjib tal-kapaċità ta' l-Istati Firmatarji tas-CTBT sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom ta' verifika taħt is-CTBT u sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tat-trattat u minn applikazzjonijiet potenzjali ċivili u xjentifiċi.

2.   Il-proġett tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, li jikkorrispondi mal-miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE, għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

li jipprovdi taħriġ bil-għan ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet fir-rigward tas-sistema ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO;

li jipprovdi aċċess elettroniku, interattiv għal korsijiet ta' taħriġ u workshops tekniċi kif ukoll aċċess kontinwu għal moduli ta' taħriġ.

Il-proġett għandu jitwettaq għall-benefiċċju ta' l-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab disposta fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, assistita mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK (SĠ/RGħ), għandha tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, fi sħubija sħiħa mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni korretta tal-kontribut finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3.

3.   L-implementazzjoni teknika tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata f'idejn il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, li għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza u taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ. Għal dan il-għan, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 133 000.

2.   L-amministrazzjoni tan-nefqa finanzjata mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea speċifikata fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-affarijiet tal-budget bil-kondizzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Għall-fini ta' l-implementazzjoni tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim speċifiku ta' finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO konformement mar-Regolamenti u r-Regoli tas-CTBTO. Dan għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE, b'mod adatt għad-daqs tiegħu.

Artikolu 4

Il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta' l-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 15-il xahar wara li tiġi adottata.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Marzu 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)  ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.


ANNESS

Sostenn mill-UE għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva

1.   Deskrizzjoni

Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO qiegħda tistabbilixxi reġim ta' verifika globali magħmul minn 321 stazzjon ta' monitoraġġ, 16-il laboratorju ta' referenza, iċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC) u kapaċità ta' Spezzjoni Fil-Post (OSI). Karatteristika essenzjali tar-reġim hija n-natura deċentralizzata tiegħu fejn id-data miġbura mill-istazzjonijiet titqassam lill-Istati Firmatarji flimkien mal-prodotti mill-IDC għall-analiżi finali u timijiet ta' Spezzjoni Fil-Post ikunu magħmula minn roster internazzjonali. Ir-reġim għalhekk huwa bbażat fuq id-disponibbiltà ta' esperti fl-Istati Firmatarji sabiex iħaddmu l-istazzjonijiet u jutilizzaw id-data tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS) u l-prodotti ta' l-IDC permezz taċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) tagħhom, kif ukoll fuq id-disponibbiltà ta' kapaċijiet għat-timijiet ta' l-OSI.

Sabiex titjieb il-kapaċità ta' l-Istati Firmatarji tas-CTBT sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom ta' verifika taħt is-CTBT u sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tat-trattat, il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sa mill-ħolqien tagħha emfasizzat l-importanza tat-taħriġ u ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet. Minbarra l-metodi tradizzjonali tat-taħriġ, it-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni joffru firxa ta' possibbiltajiet sabiex japprofondixxu u jwessgħu l-iżvilupp ta' kapaċitajiet fil-futur.

Il-proġett ta' e-training huwa ta' natura globali. Sejjer jilħaq lill-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT u jipprovdi aċċess elettroniku u interattiv għal korsijiet ta' taħriġ u workshops tekniċi lil utenti awtorizzati kif ukoll aċċess kontinwu għal moduli ta' taħriġ permezz tas-Sistema ta' Komunikazzjoni Għal Esperti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

2.   Deskrizzjoni tal-Proġett

F'Novembru 2005 ġie varat il-proġett pilota sabiex jiġu esplorati l-għażliet teknoloġiċi disponibbli għall-webcasting u webconferencing kif ukoll għal taħriġ bil-kompjuter ma' Stati Firmatarji magħżula tas-CTBT fir-reġjuni kollha. Abbażi tar-riżultati ta' din il-fażi pilota li sejra tagħti attenzjoni partikolari lill-ambjenti teknoloġiċi differenti li fihom għandhom jintużaw metodi ta' e-training, sejrin jiġu żviluppati l-metodoloġija, l-infrastruttura teknika, u s-sustanza ta' l-azzjonijiet ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet.

Il-proġett sejjer ikopri l-iżvilupp u l-implementazzjoni tat-tkabbir ta' kapaċitajiet ibbażati fuq il-kunċett li ġej:

Taħriġ/Studju Awtonomu bil-Kompjuter (CBT)

It-Taħriġ/Studju Awtonimu bil-Kompjuter (CBT) jippermetti ċerta interattività u disponibbiltà kontinwa ta' moduli tat-taħriġ għall-utent awtorizzat. Is-CBT jeħtieġ żmien twil ta' żvilupp billi l-iskema istruttiva trid tiġi żviluppata, eżaminata, kontrollata, u riveduta għal bosta drabi qabel l-ewwel rilaxx lill-istudenti. Jekk il-materjal ta' tagħlim ma jinbidilx ħafna, dan jista' jkun metodu effettiv sabiex jitwassal materjal ta' taħriġ konsistenti lil udjenza wiesgħa. Per eżempju, il-persunal ta' l-NDCs jeħtieġu familjarizzazzjoni bażika mal-kunċetti u l-għodda użati fis-Segretarjat Tekniku Provviżorju. Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta' l-OSI (Esperiment Integrat fil-Post 2008 - Integrated Field Experiment 2008) sejrin jeħtieġu li jkunu mħarrġa f'numri kbar.

Wara l-fażi pilota, li tkun finanzjata permezz ta' kontributi volontarji bilaterali, il-proġett sejjer jiġi implementat f'żewġ fażijiet, kif ġej:

Fażi 1: Żvilupp ta' sistema prototipa ta' e-training u l-bidu ta' l-użu tal-materjal tal-kors

Ir-riżultati tal-fażi pilota għandhom jippermettu l-identifikazzjoni ta' kunċett li jissodisfa l-esiġenzi differenti tar-riċevituri potenzjali f'termini kemm tekniċi kif ukoll sostantivi.

Sejrin jiġu żviluppati u kontrollati moduli prototipi għat-taħriġ bil-kompjuter.

Il-komponenti li għandhom jiġu kkunsidrati għat-tagħlim minn distanza jinkludu:

Moduli ta' taħriġ online għall-elementi tas-sistema;

Pakketti ta' taħriġ u lezzjonijiet li jippreżentaw informazzjoni statika jew proċessi maturi;

L-għoti ta' materjal tat-taħriġ, inkluża dokumentazzjoni teknika u politika disponibbli fuq website;

Sistemi ta' kontroll fejn l-operaturi ta' stazzjon jistgħu iwettqu sessjonijiet ta' prova marbuta ma' operazzjonijiet ta' rutina u proċeduri ta' manutenzjoni;

Taħriġ fil-prattika fil-Geotool magħmul fuq bażi ta' tutorial. Dan jista' jkun parti minn taħriġ preparatorju għal kors ta' taħriġ aktar speċjalizzat;

Moduli taċ-ċiklu tat-taħriġ għall-parteċipanti fl-Eżerċizzju Integrat fil-Post (Integrated Field Exercise) ta' l-OSI.

Fażi 2: L-implementazzjoni sħiħa tal-materjal tal-kors

Fit-tieni fażi, il-moduli kollha li jifdal għat-taħriġ bil-kompjuter sejrin jiġu żviluppati u implementati. Ix-xogħol ta' l-iżvilupp tal-kontenut ta' ċerti moduli sejjer jingħata esternament lil istituzzjonijiet imsieħba fl-Istati Firmatorji, li kienu strumentali fl-iżvilupp ta' metodi ta' teknika u proċeduri użati fil-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-moduli żviluppati fil-fażi 2 jibbenefikaw mill-esperjenza miksuba fl-iżvilupp tal-prototip fil-fażi 1.

Huwa maħsub li l-fażi ta' żvilupp u implementazzjoni tkun akkumpanjata minn valutazzjoni estensiva sabiex il-metodoloġija u t-teknoloġiji utilizzati jiġu akkordati għall-ħtiġijiet varji tar-riċevituri potenzjali. Għal dan il-għan, sejjer jiżdied mekkaniżmu speċifiku ta' valutazzjoni mal-valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO tat-taħriġ u ta' l-attivitajiet ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet. Numru ta' Stati Firmatarji mir-reġjuni kollha sejrin jiġu mistiedna jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO matul il-proġett kollu u jipprovdu r-reazzjoni tagħhom dwar l-utilizzabbiltà tal-prodotti ta' l-iżvilupp ta' kapaċitajiet. L-element tat-taħriġ bil-kompjuter tal-proġett, b'mod partikolari, sejjer ikollu jgħaddi minn diversi ċikli ta' prova u valutazzjoni qabel ma jkun jista' jiġi implementat prodott finali.

Riżultati tal-Proġett

Żieda fin-numru ta' esperti mħarrġa għall-kontroll, għall-valutazzjoni u għall-operazzjoni provviżorja tar-reġim ta' verifika tas-CTBT;

Titjib fit-tħejjija tal-parteċipanti għal workshops tekniċi;

Żieda fin-numru ta' parteċipanti u titjib fit-tixrid u fl-implementazzjoni tal-konklużjonijiet tal-workshops tekniċi;

Titjib fl-aċċessibbiltà tal-moduli tat-taħriġ indipendenti miż-żoni orarji u mill-iżvilupp teknoloġiku ta' l-istat riċevitur;

Għoti ta' taħriġ u żvilupp ta' kapaċitajiet b'mezzi elettroniċi lill-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.

3.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali taż-żewġ fażijiet konsekuttivi tal-proġett huwa stmat li jkun ta' 15-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji ta' l-e-training huma kollha Stati Firmatarji tas-CTBT. Il-kapaċità ta' dawn l-Istati li jimplementaw is-CTBT u r-reġim ta' verifika tiegħu u li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija essenzjali għall-funzjonament korrett tas-CTBT. Sejra tingħata l-attenzjoni dovuta lid-diversità lingwistika tal-benefiċjarji inklużi, fejn xieraq, il-verżjonijiet lingwistiċi tal-moduli tat-taħriġ.

5.   Entità ta' implementazzjoni

Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sejra tiġi fdata bl-implementazzjoni tal-proġett. Il-proġett sejjer jiġi implementat direttament minn Persunal tas-Segretarjat Tekniku Provviżorju tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, minn esperti jew minn kuntratturi ta' l-Istati Firmatarji tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe oġġett, xogħol jew servizz mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta ser jitwettaq b'mod konformi mar-regoli u l-proċeduri applikabbli tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, kif dettaljat fil-Ftehim dwar il-Kontribut ta' l-UE mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

6.   Parteċipanti terzi

Il-proġett sejjer jiġi ffinanzjat 100 % minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti mill-Istati Firmatarji tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma sejrin jaħdmu skond ir-regoli ta' ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

7.   Stima ta' mezzi meħtieġa

Il-kontribut ta' l-UE sejjer ikopri l-implementazzjoni sħiħa taż-żewġ fażijiet tal-proġett deskritt f'dan l-Anness. L-ispejjeż stmati huma kif ġej:

Fażi 1 (termini ta' referenza, żvilupp ta' prototip, inkluż il-kontroll ta' l-ewwel moduli):

EUR 519 400

Fażi 2 (żvilupp tal-moduli li jifdal, kontroll u valutazzjoni ta' moduli ma' benefiċjarji magħżula):

EUR 580 600

Barra minn dan, hemm inkluża riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (għal ammont totali ta' EUR 33 000) għal spejjez mhux mistennija.

8.   Ammont finanzjarju ta' referenza sabiex ikopri l-ispiża tal-proġett

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 133 000.