5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

804


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Diċembru 2002

dwar proċediment skond l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA kontra Alfa Acciai S.p.A., Feralpi Siderurgica S.p.A., Ferriere Nord S.p.A, IRO Industrie Riunite Odolesi S.p.A., Leali S.p.A., Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li tinsab f'likwidazzjoni, Lucchini S.p.A., Siderpotenza S.p.A., Riva Acciaio S.p.A., Valsabbia Investimenti S.p.A., Ferriera Valsabbia S.p.A. u kontra l-assoċjazzjoni ta' l-intrapriżi Federacciai, Federazione delle Imprese Siderurgiche Italiane.

(Każ C.37.956 – Vireg li jirrinforzaw il-Konkrit f'Għamla Tonda)

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5807)

(It-test bil-lingwa Taljana huwa l-uniku wieħed awtentiku)

(2006/894/KE)

Fis-17 ta' Diċembru 2002 il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar proċediment skond l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA. Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni li jinsabu fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1) , b'din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippublika l-ismijiet tal-partijiet interessati u l-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni inklużi is-sanzjonijiet imposti, waqt li tirrispetta l-interess leġittimu ta' l-intrapriżi li ma tikxifx is-sigrieti kummerċjali tagħhom. Teżisti verżjoni mhux kunfidenzjali tat-test sħiħ tad-deċiżjoni fil-lingwa awtentika u fil-lingwi li taħdem bihom il-Kummissjoni fuq is-sit ta' l-Internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni f'dan l-indirizz: http://europa.eu.int/comm/competition/index_en.html.


I.   TAQSIRA DWAR IL-KSUR

Destinatarji u natura tal-ksur

(1)

Id-destinatarji tad-deċiżjoni huma: Alfa Acciai S.p.A., Feralpi Siderurgica S.p.A., Ferriere Nord S.p.A, IRO Industrie Riunite Odolesi S.p.A., Leali S.p.A., Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li tinsab f'likwidazzjoni, Lucchini S.p.A., Siderpotenza S.p.A., Riva Acciaio S.p.A., Valsabbia Investimenti S.p.A., Ferriera Valsabbia S.p.A. u l-assoċjazzjoni ta' l-intrapriżi Federacciai, Federazione delle Imprese Siderurgiche Italiane.

(2)

Id-destinatarji wettqu ksur uniku, kumpless u kontinwu ta' l-Artikolu 65(1), tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (minn hawn' il quddiem it-“trattat”) li għandu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet b'hekk illi sar ftehim dwar il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda fil-forma ta' vireg jew rombli.

Attribuzzjoni tar-responsabbiltà

(3)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarja Alfa Acciai S.p.A, ġiet identifikata attività li għaliha huma responsabbli, minbarra Alfa Acciai S.p.A., l-Acciaieria Megara S.p.A. (mill-1996 ‘il quddiem) u Alfa Acciai S.R.L. (qabel l-1996) kif ukoll Acciaierie di Sicilia S.p.A..

(4)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarja Feralpi Siderurgica S.p.A., ġiet identifikata attività li għaliha huma responsabbli l-Feralpi Siderurgica S.p.A. kif hi kostitwita illum, kif ukoll il-Feralpi Siderurgica S.R.L. (mill-1990) u l-Feralpi Siderurgica S.p.A. ta' qabel.

(5)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji Leali S.p.A. u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li jinsabu f'likwidazzjoni, ġiet identifikata attività li għaliha huma responsabbli kemm il-Leali S.p.A. u l-Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li jinsabu f'likwidazzjoni, kif ukoll l-Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. (sa Novembru 1998) li ħadu posthom. Wara dik id-data, Leali S.p.A. hija unikament responsabbli għall-imġieba li għaliha qed issir oġġezzjoni.

(6)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji Lucchini S.p.A. u Siderpotenza S.p.A., ġiet identifikata attività li għaliha huma responabbli kemm Lucchini S.p.A. u Siderpotenza S.p.A., kif ukoll l-intrapriża komuni Siderpotenza S.p.A. (sal-1991) u ta' Lucchini Siderurgica S.p.A. (sa l-aħħar ta' l-1997).

(7)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarja Riva S.p.A., ġiet identifikata attività li għaliha huma responabbli Riva S.p.A., kif ukoll Fire Finanziaria S.p.A., Riva Prodotti Siderurgici S.p.A., Acciaierie e Ferriere di Galtarossa S.p.A. u Acciaierie del Tanaro S.p.A.

(8)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji Valsabbia Investimenti S.p.A. u Ferriera Valsabbia S.p.A., ġiet identifikata attività li għaliha huma responsabbli kemm il-Valsabbia Investimenti S.p.A. kif ukoll Ferriera Valsabbia S.p.A., u dik li qabel kienet Ferriera Valsabbia S.p.A. (sas-sena 2000) u aktar qabel Ferriera Valsabbia S.p.A. (sa l-1990).

(9)

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni, dawn huma l-istess intrapriżi u l-istess assoċjazzjoni, kif ukoll l-istess persuni ġuridiċi bl-istess denominazzjoni soċjali, attivi fis-suq tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda mill-bidu tal-ksur (mill-1993 għal Ferriere Nord S.p.A.).

Tul taż-żmien tal-ksur

(10)

L-intrapriżi ħadu sehem fl-ksur, għall-inqas fiż-żmien imsemmi hawn taħt:

 

Alfa Acciai SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sa l-4 ta' Lulju 2000;

 

Feralpi Siderurgica SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Ferriere Nord, SpA mill-1 t' April 1993 sa l-4 ta' Lulju 2000;

 

IRO Industrie Riunite Odolesi SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Leali SpA u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi SpA li jinsabu f'likwidazzjoni, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Lucchini SpA/Siderpotenza SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Riva SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sas-27 ta' Ġunju 2000;

 

Federacciai, Federazione delle Imprese Siderurgiche Italiane mis-6 ta' Diċembru 1989 sa l-24 ta' Lulju 1998.

Is-suq tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda

(11)

Il-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda huma prodott twil, ta' 5 mm jew aktar, laminat bis-sħana, bil-wiċċ lixx, bil-qxur jew irrigat għar-rinforz tal-konkrit. Il-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda jiġu pprovduti fil-forma klassika ta' vireg dritti (li jiġu laminati bis-sħana fuq tren tal-vireg). Il-vireg jistgħu ikunu ta' 12, jew ta' 6, 14 u rarament ta' 18-il metru.

(12)

Il-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda f'rombli jiġu ppreżentati f'forma ta' romblu li mbagħad jiġi ddrittat u maqtugħ minn min se jużah fit-tul li għandu bżonn. Il-prezz tal-vireg f'rombli li ssoltu jqum daqsxejn aktar minn dak f'vireg, normalment jasal biex iqarreb għal prezz ta' dan ta' l-aħħar.

(13)

It-tipi kollha ta' vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda jiġu mbagħad maħduma f'sezzjoni ċirċulari ta' dijametri differenti, skond il-ħtieġa ta' l-użu strutturali, li jibdew minn dijametru ta' 40 mm. Il-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda f'rombli ma jaqbiżx id-dijametru ta' 16 mm. Id-daqs tad-dijametru jġib miegħu prezz magħruf bħala qies akbar min-normal' li jiżdied mal-prezz bażiku tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda.

(14)

Iċ-ċilindru jintuża l-aktar fis-settur tal-bini biex isaħħaħ il-bini.

(15)

Fost il ħmistax-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropeja, l-akbar kwantita' ta' vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda tiġi prodotta l-Italja. Il-fatturat miksub f'dan il-qasam mill-intrapriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni, li lejn l-aħħar tal-perjodu ta' ksur kienu jirrappreżentaw madwar 80 % tas-suq Taljan, fis-snin 2000, 2001 kien ilaħħaq għal madwar 900 miljun euro.

Kif jaħdem il-kartell

(16)

Il-Federacciai u l-intrapriżi l-oħra li ikkooperaw magħha, iddeċidew u ippratikaw għall-inqas mit-tmiem tas-sena 1989, l-iffissar uniformi tal-prezzijiet tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda ta' qies akbar min-normal' fl-Italja. Minn April ta' l-1992, l-intrapriżi bl-appoġġ ta' Federacciai, estendew id-deċiżjonijiet u l-imġieba tagħhom dwar l-iffissar tal-prezz bażiku tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda fl-Italja. Mill-istess data u sax-xahar ta' Settembru 1995, il-ftehim ġie estiż għall-iffissar tal-kondizzjonijiet ta' ħlas.

(17)

Għall-inqas mit-tmiem ta' l-1994 il-Federacciai strutturat b'mod aktar sistematiku l-attività organizzativa tagħha, kemm fejn jidħlu l-prezzijiet kif ukoll fejn jidħlu l-kwantitajiet prodotti u mibjugħa tal-vireg li jirrinforzaw il-konkrit f'għamla tonda.

(18)

Mill-1995 il quddiem, il-parteċipanti fil-ftehim bdew jiftehmu dwar it-tnaqqis jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bl-iskop li jnaqqsu l-kwantitajiet ta' vireg maħruġa fuq is-suq. Xi wħud mill-intrapriżi li jipproduċu il-vireg, bdew iħaddmu sistema ta' kontroll reċiproku multilaterali, aktar preċiża u sistematika, tal-kwantitajiet prodotti u mibjugħa minn kull intrapriża.

(19)

Il-Kummissjoni m'għandiex f'idejha biżżejjed informazzjoni biex turi l-eżistenza tal-ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni għall-perijodu ta' wara l-4 ta' Lulju 2000. Ta' min wieħed jgħid li mhux l-intrapriżi kollha neċessarjament ħadu sehem fl-aġir li ġew hawnhekk spjegati u li xi wħud minnhom ħadu sehem fihom għal perijodi iqsar minn dawk imsemmija.

II.   MULTI

L-ammont bażiku

(20)

Il-ksur tikkonsisti fi ftehim uniku, kumpless u kontinwu, li għandu bħala oġġett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, li min-natura tagħhom jirrappreżentaw ksur ferm gravi ta' l-Artikolu 65(1), tat-Trattat KEFA. Il-kartell kien estiż għat-territorju kollu tar-Repubblika Taljana. Ġie aċċertat li l-ftehim tal-kartell tpoġġa fil-prattika u li kellu effett fuq is-suq, għalkemm mhux dejjem intlaħqu l-effetti mixtieqa. Il-Kummissjoni għalhekk tħoss li d-destinatarji wettqu ksur gravi ħafna. Il-fatt li l-effetti tal-ftehim ġew limitati biss għas-suq Taljan ma jnaqqasx il-gravità tal-ksur minn ferm gravi għal gravi, għaliex wieħed irid iżomm f'moħħu ukoll l-importanza tal-produzzjoni Taljana.

(21)

Madankollu, mingħajr preġudizzju għan-natura ferm gravi tal-ksur, meta ġiet biex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni tat każ tal-karatteristiċi speċifiċi ta' dan il-każ, li għandu x'jaqsam ma' suq nazzjonali li, fiż-żmien li ġraw il-fatti, kien suġġett għar-reġim partikolari tat-Trattat KEFA u li fih l-intrapriżi destinatarji tad-deċiżjoni irrappreżentaw, fl-ewwel perjodu tal-ksur, parti limitata tas-suq in kwistjoni.

(22)

Skond l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, assoċjazzjoni ta' intrapriżi ma tistax ikollha impost fuqha ħlas b'lura ta' multi jew pieni. Madanakollu m'hemm xejn fit-test ta' l-Artikolu 65(1) li jissuġġerixxi li l-projbizzjoni awtorizzata minn din id-disposizzjoni ma tapplikax ukoll għal assoċjazzjoni li ħadet deċiżjoni li permezz tagħha il-proċess normali tal-kompetizzjoni ġie mwaqqaf, ristrett jew iffalsifikat. Għaldaqstant, għalkemm fuq Federacciai ma ġiet imposta l-ebda multa għall-aġir tagħha antikompetittiv, hija tibqa' d-destinatarja ta' din id-deċiżjoni.

Trattament differenzjat

(23)

Fil-kategorija tal-ksur ferm gravi, l-iskala tal-multi applikabbli tippermetti li l-intrapriżi jiġu ttrattati b'mod differenzjat, b'mod li wieħed jikkunsidra kemm l-awturi tal-ksur għandhom kapaċità ekonomika effettiva li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-kompetituri tagħhom u b'mod li l-multa tiġi ffissata f'livell li jiggarantixxi li jkollha effett dissważiv biżżejjed.

(24)

Il-Kummissjoni tħoss li l-kwoti tas-suq miksuba mid-destinatarji ta' din id-deċiżjoni fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur (l-1999), m'humiex rappreżentattivi tal-preżenza effettiva tagħhom fuq is-suq rilevanti fil-perjodu ta' referenza. Bejn l-1990 u l-1999 fil-fatt, il-kwoti msemmija tas-suq ta' dawn l-intrapriżi prattikament ittriplikaw. Għalhekk, fuq il-bażi tal-kwoti medji tas-suq tal-perjodu 1990-1999, wieħed jista' jagħraf tlett gruppi ta' intrapriżi li qed jiġu mniżżlin fl-ordni skond il-preżenza tagħhom fis-suq. Fl-ewwel grupp hemm Feralpi u Valsabbia. Fit-tieni Lucchini/Siderpotenza, Alfa, Riva u Leali (bi kwota medja tas-suq li tlaħħaq għal kważi 70 % ta' dik ta' l-ewwel grupp). Fit-tielet hemm Iro u Ferriere Nord (bi kwota medja tas-suq li tlaħħaq għal kważi 35 % ta' dik ta' l-intrapriżi ta' l-ewwel grupp).

(25)

Għal Riva u Lucchini/Siderpotenza, hemm bżonn li jiżdied l-ammont bażiku tal-multa ikkalkulat b'relazzjoni ma' l-importanza relattiva tas-suq rilevanti, biex wieħed jagħti każ tad-daqs u tar-riżorsi globali ta' l-intrapriża msemmija. Fil-fatt, il-bejgħ miksub fi prodotti tal-KEFA minn dawn l-intrapriżi huwa superjuri ħafna (kważi 3,5 biljuni euro għal Riva fl-2001 u kważi 1,2 biljuni għal Lucchini) meta mqabbel ma' dak ta' intrapriżi oħrajn involuti f'din il-prattika. Ta' min wieħed ukoll ifakkar, kif joħroġ ċar mid-dokument, li ħafna drabi l-awtoritajiet ta' dawn l-intrapriżi kienu involuti direttament fil-ksur in kwistjoni. Għaldaqsdant, biex jinkiseb effett ta' deterrent biżżejjed, hemm bżonn jiżdied l-ammont bażiku tal-multa b'225 % fil-każ ta' Lucchini/Siderpotenza minħabba li l-bejgħ ta' din l-intrapriża huwa kważi tlett darbiet akbar mill-bejgħ ta' dik li hi l-ikbar intrapriża fost l-oħrajn, u b'375 % fil-każ ta' Riva, li l-bejgħ globali tagħha fi prodotti tal-KEFA kien kważi tlett darbiet akbar minn dak ta' Lucchini/Siderpotenza. Dawn il-multiplikaturi jagħtu każ tad-disparità ferm kbira fid-daqs u r-riżorsi globali bejn dawn iż-żewġ intrapriżi u d-destinatarji l-oħra ta' din id-deċiżjoni.

Tul taż-żmien

(26)

Il-ksur għalhekk dam aktar minn għaxar snin u sitt xhur għall-intrapriżi kollha ħlief għal Ferriere Nord S.p.A. li l-ksur tagħha dam ftit aktar minn seba' snin. Għaldaqstant, it-total bażiku tal-multa jiżdied bil-105 % għall-intrapriżi kollha, ħlief għal Ferriere Nord li jiżdied bis-70 %.

Ċirkostanzi aggravanti

(27)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni sabet biss ċirkostanza aggravanti waħda fl-aġir reċidiv ta' Ferriere Nord, li kienet diġà destinatarja tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Awissu 1989, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim ta' iffissar ta' prezzijiet u ta' limitazzjoni tal-bejgħ fis-settur tan-netwerk elettrika (2)

(28)

Il-Kummissjoni tħoss għalhekk li huwa neċessarju li timponi żjieda ta' 50 % ta' l-ammont bażiku tal-multa fil-konfront ta' Ferriere Nord.

Ċirkostanzi mitiganti

(29)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda ċirkostanza mitiganti.

Applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar it-trattament favorevoli ta' l-1996

(30)

L-ebda intrapriża destinatarja tad-deċiżjoni preżenti ma tikkwalifika biex tiġi eżentata mill-impożizzjoni tal-multa, jew biex tingħata xi tnaqqis konsiderevoli jew importanti ta' l-ammont tal-multa skond kif imsemmi fil-punti B u C tal-komunikazzjoni dwar klemenza ta' l-1996 (3), peress li l-ebda kundizzjoni stabbilita ma ġiet sodisfatta. Fil-fatt, l-intrapriżi ma ddenunzjawx il-ftehim la qabel u lanqas wara li l-Kummissjoni kienet ipproċediet bl-istħarriġ u ma taw l-ebda element determinanti jew probatorju bl-iskop li jiġi ppruvat li l-ftehim kien tassew jeżisti.

(31)

Dwar il-punt D tal-komunikazzjoni ta' l-1996, il-Kummissjoni tagħraf li Ferriere Nord tatha indikazzjonijiet utli li permezz tagħhom il-Kummissjoni setgħet tifhem aħjar kif kien qed jaħdem il-ftehim. Il-Kummissjoni jidhrilha li dan jissodisfa il-punt D, l-ewwel subartikolu tal-komunikazzjoni, li jindika li ħuwa possibbli li jitnaqqas l-ammont tal-multa f'każ fejn, qabel tintbagħat il-komunikazzjoni bl-akkużi, intrapriża tagħti lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew elementi ta' prova oħra li jgħinu biex jikkonfermaw is-sussistenza tal-ksur.

(32)

Il-Kummissjoni tħoss li huwa ġġustifikat li jingħata tnaqqis ta' 20 % mit-total tal-multa lil Ferriere Nord.

Deċiżjoni

1.

Qegħdin jiġu imposti dawn il-multi:

Feralpi Siderurgica S.p.A.

10,25 miljun euro,

Valsabbia Investimenti S.p.A. u Ferriera Valsabbia S.p.A., flimkien

10,25  miljun euro,

Lucchini S.p.A. u Siderpotenza S.p.A., flimkien

16,14 miljun euro,

Alfa Acciai S.p.A.

7,175 miljun euro,

Riva Acciaio S.p.A.

26,9 miljun euro,

Leali S.p.A. u Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li jinsabu f'likwidazzjoni flimkien

6,093 miljun euro,

Leali SpA (4)

1,082 miljun euro,

IRO Industrie Riunite Odolesi S.p.A.,

3,58 miljun euro,

Ferriere Nord S.p.A.

3,57 miljun euro,

2.

Federacciai u l-intrapriżi msemmijin fil-lista itemmu immedjatament l-ksur, jekk għadhom ma għamlux dan. Huma jastjenu milli jirrepetu atti jew aġir analogi għall-ksur li ġiet aċċertata f'dan il-każ taħt eżami u milli jadottaw miżuri li jista' jkollhom skop jew effett ekwivalenti.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1

(2)  ĠU L 260, 6.9.1989, p. 1.

(3)  ĠU C 45,19.2.2002, p. 3.

(4)  Trid issir distinzjoni bejn l-imġieba li kellha Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A sakemm waslet ghal likwidazzjoni u dawk konnessi ma' l-imġieba li kellha Leali S.p.A. minn meta twaqqfet: dawk tal-bidu jiġu imputati flimkien lil Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li qeghda tiġi likwidata u lil Leali S.p.A., dawk tat-tieni jiġu attribwiti biss lil Leali S.p.A. Ghaldaqstant, l-ammont ta' l-ammenda ġie maqsum f'żewġ perjodi, b'mod proporzjonat skond iż-żmien, l-ewwel perjodu ta' bejn il-bidu tal-ksur u l-25 ta' Novembru 1998 u l-ieħor bejn din id-data u t-tmiem tal-ksur. L-ammont tal-multa li għandu x'jaqsam ma' l-ewwel perjodu jiġi attribwit lil Leali S.p.A. u lil Acciaierie e Ferriere Leali Luigi S.p.A. li qegħdin jiġu likwidati flimkien, waqt li l-multa konnessa mat-tieni perjodu tiġi attribwita biss lil Leali SpA.