24.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

57


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-24 ta’ Ottubru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 90/424/KEE dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

(2006/782/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (3) tipprevedi l-possibbiltà ta' kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Istati Membri għall-qerda ta' ċertu mard ta' l-annimali. Attwalment, dik id-Deċiżjoni tipprevedi wkoll l-għoti ta' kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-qerda ta' l-anemija infettiva tas-salamun (ISA) u n-nekrożi ematopojetika infettiva (IHN), mard li t-tnejn li huma jolqtu s-salmonidi.

(2)

L-azzjonijiet ta' kontroll tal-mard għall-ISA u l-IHN huma eliġibbli biss għal kontributi finanzjarji Komunitarji taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (4).

(3)

Fid-dawl ta' l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE ta' l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali għal annimali ta' l-akkwakultura u prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (5), huwa xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni 90/424/KEE sabiex il-kontribut finanzjarju Komunitarju jingħata wkoll għal miżuri ta' qerda mwettqa mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu mard ieħor fl-annimali ta' l-akkwakultura, suġġett għal dispożizzjonijiet Komunitarji ta' kontroll.

(4)

L-Istati Membri jistgħu jingħataw kontributi finanzjarji għas-sostenn tas-setturi tas-sajd u ta' l-akkwakultura nazzjonali tagħhom taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (6). L-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament jawtorizza lill-Istati Membri jallokaw fondi għall-qerda ta' mard fl-akkwakultura taħt it-termini tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

(5)

Il-fondi għall-qerda ta' mard f'annimali ta' l-akkwakultura għandhom ikunu allokati fil-programmi operattivi stabbiliti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006, li l-baġit tagħhom jiġi stipulat fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni.

(6)

Il-kontributi finanzjarji mill-Komunità għall-finijiet ta' kontroll tal-mard fl-annimali ta' l-akkwakultura għandu jkun suġġett għal skrutinju dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' kontroll stipulati fid-Direttiva 2006/88/KE, skond l-istess proċeduri bħal dawk li japplikaw għal tali skrutinju u kontroll għal ċertu mard ta' annimali ta' l-art.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li l-proċeduri għal kontributi finanzjarji stipulati fid-Deċiżjoni 90/424/KEE jiġu applikati wkoll għall-użu tal-kontribut finanzjarju għall-kontroll ta' mard f'annimali ta' l-akkwakultura taħt ir-Regolament (KE) 1198/2006.

(8)

Huwa xieraq li din id-Deċiżjoni issir applikabbli fl-istess mument bħad-Direttiva 2006/88/KE.

(9)

Id-Deċiżjoni 90/424/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 3 (1), jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“in-nekrosi ematopojetika epiżotika fil-ħut (EHN),

is-sindrome ulċerativa epiżotika fil-ħut (EUS),

l-infezzjoni bil-Bonamia exitiosa,

l-infezzjoni bil-Perkinsus marinus,

l-infezzjoni bil-Microcytos mackini,

is-sindrome Taura fil-krustaċji,

il-marda Yellowhead fil-krustaċji.”;

2.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3b

L-Istati Membri jistgħu jallokaw fondi fi ħdan il-programmi operattivi mfassla skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (*) għall-qerda ta' mard eżotiku f'annimali ta' l-akkwakultura msemmi fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni, taħt il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 3(3), (4) u (5) ta' din id-Deċiżjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-miżuri minimi ta' kontroll u ta' qerda tal-mard stipulati fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2006/88/KE ta' l-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali għal annimali ta' l-akkwakultura u prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (**).

(*)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1."

(**)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14”;"

3.

L-Artikolu 5(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, il-lista fl-Artikolu 3 (1) tista' tiġi supplimentata skond żviluppi fis-sitwazzjoni, sabiex tinkludi mard li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta' Diċembru 1982 dwar in-notifika ta' mard ta' l-annimali fil-Komunità (***) u mard li jista' jiġi trasmess lil annimali ta' l-akkwakultura. Il-lista tista' wkoll tiġi emendata jew imqassra sabiex jittieħed kont tal-progress magħmul permezz tal-miżuri miftiehma fuq livell Komunitarju għall-kontroll ta' ċertu mard.

(***)  * ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/216/KE (ĠU L 67, 5.3.2004, p. 27).”;"

4.

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 24:

“13.   L-Istati Membri jistgħu jallokaw fondi fil-programmi operattivi mfassla skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għall-qerda tal-mard fl-annimali ta' l-akkwakultura msemmija fl-Anness.

Il-fondi għandhom jiġu allokati f'konformità mal-proċeduri stabbiliti f'dan l-Artikolu, bl-aġġustamenti li ġejjin:

a)

ir-rata ta' l-għajnuna għandha tkun skond ir-rati stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

b)

il-paragrafi 8 u 9 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

L-attivitajiet ta' qerda għandhom jittwettqu skond l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2006/88/KE, jew fil-qafas ta' programm ta' qerda stabbilit, approvat u implimentat skond l-Artikolu 44(2) ta' dik id-Direttiva.”;

5.

L-inċiżi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda mal-Grupp I fl-Anness:

“Viremija tar-rebbiegħa tal-karpjuni (SVC)

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

Infezzjoni tal-virus Koi herpes (KHV)

Infezzjoni bil-Bonamia ostreae,

Infezzjoni bil-Marteilia refringens

Il-marda white spot fil-krustaċji”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Awwissu 2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar il-24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni tas-27 ta' April 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 13. Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2006/53/KE (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37).

(4)  ĠU L 337, tat-30.12.1999, p. 10. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1).

(5)  Ara paġna 14 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.