|
31.5.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
1 |
DEĊIŻJONI Nru 771/2006/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' Mejju 2006
li tistabbilixxi s-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd (2007) – Lejn Soċjetà Ġusta
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
|
(1) |
In-non-diskriminazzjoni hija prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Dak il-prinċipju għandu jingħata kunsiderazzjoni fil-politika kollha ta' l-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 13 tat-Trattat, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mill-oriġini ta' razza jew etnika (4), inter alia, fl-impjieg, fit-taħriġ vokazzjonali, fl-edukazzjoni, fir-rigward ta' prodotti u servizzi, u fil-protezzjoni soċjali, id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (5), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali u d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplementa l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn nisa u irġiel fl-aċċess għal, u fil-provvista, ta' prodotti u servizzi (6). |
|
(3) |
L-Artikolu 2 tat-Trattat jipprovdi li l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa hija waħda mid-dmirijiet essenzjali tal-Komunità. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jeħtieġ li l-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. |
|
(4) |
L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ibbażata fuq diversi motivi filwaqt li l-Artikolu 23 tagħha jistabbilixxi r-rekwiżit li l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa tkun żgurata fl-oqsma kollha. |
|
(5) |
Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-trattament ugwali u n-non-diskriminazzjoni tkopri l-persuni kollha fl-Unjoni Ewropea. |
|
(6) |
L-Aġenda Soċjali 2005-2010, li tikkomplementa u tappoġġa l-Istrateġija ta' Lisbona, għandha rwol ewlieni sabiex tippromwovi d-dimensjoni soċjali tat-tkabbir ekonomiku. Waħda mill-prijoritajiet ta' l-Aġenda Soċjali 2005-2010 hija l-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali għal kulħadd bħala mezz li jwassal għal soċjetà li tkun soċjalment aktar inklusiva. |
|
(7) |
Is-sena 2007 hija l-għaxar anniversarju tas-Sena Ewropea Kontra r-Razziżmu, li għamlitha possibbli li jsir progress konsiderevoli lejn l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni razzjali. |
|
(8) |
Il-leġiżlazzjoni Ewropea għolliet b'mod sinifikattiv il-livell ta' ugwaljanza u ta' protezzjoni garantita kontra l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea u wasslet għall-iżvilupp ta' approċċ lejn l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni aktar koerenti u bbażat fuq id-drittijiet. Minkejja dan, għad hemm nies fl-Unjoni Ewropea li jsofru minn diskriminazzjoni u trattament mhux ugwali fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. |
|
(9) |
Is-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd (minn hawn ‘il quddiem imsemmija s-“Sena Ewropea”) għandha tagħti spinta ġdida fl-appoġġ ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-legiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trattament ugwali u n-non-diskriminazzjoni. |
|
(10) |
Huwa essenzjali li l-azzjonijiet relatati ma' l-oriġini razzjali jew etnika, mar-reliġjon jew mat-twemmin, mad-diżabbiltà, ma' l-età, jew ma' l-orjentazzjoni sesswali jieħdu kont sħiħ tad-differenzi bejn is-sessi. |
|
(11) |
Il-proċess ta' konsultazzjoni organizzat mill-Kummissjoni permezz ta' Green Paper intitolata ‘L-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni f'Unjoni Ewropea mkabbra', li kienet preżentata fit-28 ta' Mejju 2004, juri li fl-opinjoni tal-biċċa l-kbira tan-nies li ġew mitluba l-opinjoni tagħhom, l-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess, razza jew etniċità, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali. |
|
(12) |
Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea (7), il-Parlament Ewropew jiġbed l-attenzjoni għall-prevalenza ta' sentiment anti-żingaru u l-effett diskriminatorju li dan qiegħed ikollu fuq l-opportunitajiet ta' impjieg, edukazzjoni u servizzi soċjali għall-grupp ta' minoranza etnika l-iktar żvantaġġat fl-Unjoni Ewropea. |
|
(13) |
Elementi essenzjali fl-impatt pożittiv tal-kwadru leġiżlattiv Komunitarju kontra d-diskriminazzjoni huma l-firxa ta' appoġġ popolari wiesa' u l-eżistenza ta' rieda politika ġenwina sabiex issir bidla. F'dak il-kuntest, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-NGOs għandhom rwol vitali. Is-Sena Ewropea għandha twassal sabiex titqajjem kuxjenza u jinħoloq momentum. Hija għandha tgħin sabiex tiġi ffokata l-attenzjoni politika fl-Istati Membri kollha u tagħti spinta lil kull min huwa konċernat sabiex titmexxa ‘l quddiem l-istrateġija tal-qafas il-ġdid ta' l-Unjoni Ewropea dwar in-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet ugwali, anke wara l-2007. |
|
(14) |
Is-Sena Ewropea wkoll sejra tindirizza kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni multipla, jiġifieri diskriminazzjoni fuq żewġ motivi jew aktar minn fost dawk elenkati fl-Artikolu 13 tat-Trattat. Hija wkoll sejra sservi fil-promozzjoni ta' trattament bilanċjat tal-motivi kollha elenkati hemmhekk. |
|
(15) |
Il-livelli diversi ta' progress li sar fuq livell nazzjonali jirrikjedu li tittieħed azzjoni urġenti fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew fil-qasam ta' l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni; skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-parti l-kbira ta' l-azzjonijiet tas-Sena Ewropea għandha tkun deċentralizzata fil-livell nazzjonali. |
|
(16) |
Il-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri, għall-pajjiżi li sejrin jaderixxu ma' l-Unjoni Ewropea u għal dawk il-pajjiżi kandidati li qegħdin jibbenefikaw mill-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, għall-Istati ta' l-EFTA/ŻEE skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim rispettivi tagħhom, u għall-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skond id-dispożizzjonijiet tad-Dokument ta' Strateġija ta' Mejju 2004 u l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Pajjiżi. |
|
(17) |
Hemm bżonn ta' konsistenza u ta' komplementarjetà ma' azzjonijiet oħra tal-Komunità, b'mod partikolari ma' azzjonijiet li jikkumbattu d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, u li jippromwovu d-drittijiet fundamentali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kultura u d-djalogu interkulturali, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, l-immigrazzjoni u l-asil, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. |
|
(18) |
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għal tul il-programm kollu, qafas finanzjarju li għandu jkun il-punt ewlieni ta' referenza, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fir-rigward tal-baġit u t-titjib fil-proċedura tal-baġit (8), għall-awtorità tal-baġit tul il-proċedura annwali tal-baġit. |
|
(19) |
Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (9). |
|
(20) |
Peress li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri minħabba l-bżonn, inter alia, ta' sħubijiet multilaterali, ta' skambju transnazzjonali ta' informazzjoni u tad-disseminazzjoni mal-Komunità kollha ta' prattika tajba, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tad-daqs ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Is-Sena Ewropea
Is-sena 2007 għandha tiġi dedikata bħala s-“Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd”.
Artikolu 2
Għanijiet
L-għanijiet tas-Sena Ewropea sejrin ikunu kif ġej:
|
(a) |
Drittijiet – Titqajjem kuxjenza dwar id-dritt għall-ugwaljanza u għan-non-diskriminazzjoni u dwar il-problema tad-diskriminazzjoni multipla – Is-Sena Ewropea sejra tenfasizza l-messaġġ li l-bnedmin kollha huma intitolati għal trattament ugwali, irrispettivament mis-sess, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew twemmin, mid-diżabbiltà, mill-età u mill-orjentament sesswali tagħhom. Is-Sena Ewropea sejra tagħmel lil dawk il-gruppi li huma fil-periklu li jiġu diskriminati iktar konxji tad-drittijiet tagħhom u tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti fil-qasam tan-non-diskriminazzjoni. |
|
(b) |
Rappreżentanza – Jitqajjem dibattitu dwar il-mezzi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-soċjetà ta' gruppi li huma vittmi ta' diskriminazzjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni bilanċjata ta' rġiel u nisa – is-Sena Ewropea sejra tinkoraġġixxi riflessjoni u diskussjoni dwar il-bżonn li tiġi promossa l-parteċipazzjoni akbar tagħhom fis-soċjetà, u s-sehem tagħhom f'azzjonijiet imfasslin sabiex jikkumbattu d-diskriminazzjoni, fis-setturi kollha u fil-livelli kollha. |
|
(ċ) |
Rikonoxximent – Jiġu ffaċilitati u ċċelebrati d-diversità u l-ugwaljanza – Is-Sena Ewropea sejra tenfasizza l-kontribut pożittiv li l-persuni jistgħu jagħtu lis-soċjetà kollha, irrispettivament mis-sess, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew twemmin, mid-diżabbiltà, mill-età jew mill-orjentament sesswali tagħhom, speċjalment billi jiġu aċċentwati l-benefiċċji tad-diversità. |
|
(d) |
Rispett – Il-promozzjoni ta' soċjetà aktar koeżiva – Is-Sena Ewropea sejra tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jiġu eliminati l-isterjotipi, il-preġudizzju u l-vjolenza, l-importanza tal-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajbin bejn kulħadd fis-soċjetà, u, partikolarment fost iż-żgħażagħ, u tal-promozzjoni u t-tixrid tal-valuri bażiċi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. |
Artikolu 3
Il-kontenut ta' l-azzjonijiet
1. L-azzjonijiet imfassla sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 jistgħu jinvolvu, b'mod partikolari, l-iżvilupp jew l-għoti ta' appoġġ għal:
|
(a) |
laqgħat u attivitajiet; |
|
(b) |
kampanji informattivi, promozzjonali u edukattivi; |
|
(ċ) |
stħarriġ u studji fuq skala Komunitarja jew nazzjonali. |
2. Id-dettalji ta' l-azzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 huma esposti fl-Anness.
Artikolu 4
Integrazzjoni bejn is-sessi
Is-Sena Ewropea għandha tieħu kont tal-modi differenti kif in-nisa u l-irġiel jiġu diskriminati abbażi ta' oriġini razzjali jew etnika, ta' reliġjon jew twemmin, ta' diżabbiltà, ta' età jew ta' orjentament sesswali.
Artikolu 5
Koperazzjoni u implementazzjoni fil-livell Komunitarju
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet Komunitarji koperti minn din id-Deċiżjoni jiġu implementati konformement ma' l-Anness, partikolarment billi tiżgura li kull forma ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat u fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni tkun indirizzata u trattata b'mod ġust.
B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti neċessarji sabiex tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà ta' l-azzjoni u ta' l-inizjattivi Komunitarji msemmija fl-Artikolu 10 sabiex tgħin fil-kisba ta' l-għanijiet esposti fl-Artikolu 2.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel skambju regolari ta' veduti mal-partijiet interessati, ma' l-NGOs li jirrappreżentaw il-gruppi li jkunu l-vittmi ta' diskriminazzjoni u mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari fil-livell Ewropew dwar it-tfassil, l-implementazzjoni, is-segwitu u l-valutazzjoni tas-Sena Ewropea. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni relevanti lil tali partijiet interessati. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 7(1) dwar il-veduti tagħhom.
Artikolu 6
Koperazzjoni u implementazzjoni fuq livell nazzjonali
1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar korp implementattiv nazzjonali sabiex jorganizza l-parteċipazzjoni tiegħu fis-Sena Ewropea. Sas-17 ta' Ġunju 2006 kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-għażla tiegħu. Dak il-korp implementattiv nazzjonali għandu jkun responsabbli mid-definizzjoni ta' l-istrateġija u tal-prijoritajiet nazzjonali għas-Sena Ewropea u mill-għażla ta' l-azzjonijiet individwali li jiġu proposti għall-finanzjament Komunitarju. L-istrateġija u l-prijoritajiet nazzjonali għas-Sena Ewropea għandhom ikunu stipulati skond l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 2 u għandhom ikunu maħsuba sabiex jiżguraw trattament bilanċjat tal-motivi kollha ta' diskriminazzjoni imsemmija fl-Artikolu 2.
Il-proċedura sabiex jingħata finanzjament Komunitarju għall-azzjonijiet fil-livell nazzjonali hija stipulata fil-Parti II ta' l-Anness.
2. Għall-finijiet tal-qadi ta' dmirijietu, il-korp implementattiv nazzjonali għandu jikkonsulta regolarment u jikkopera mill-qrib mas-soċjetà ċivili, anke ma' l-organizzazzjonijiet li jiddefendu jew jirrappreżentaw l-interessi ta' dawk li potenzjalment ikunu esposti għal diskriminazzjoni u għal trattament mhux ugwali u ma' partijiet interessati oħra relevanti.
Artikolu 7
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.
4. Ir-Rappreżentant ta' l-Istat Membru fil-Kumitat għandu jkun maħtur, preferibbilment, mill-korp implementattiv nazzjonali msemmi fl-Artikolu 6(1).
Artikolu 8
Arranġamenti finanzjarji
1. Miżuri li japplikaw fuq skala Komunitarja, kif jinsab fil-Parti I ta' l-Anness, jistgħu jiġu sussidjati sa 80 % jew jagħtu lok għal kuntratti ta' akkwist finanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.
2. Miżuri lokali, reġjonali jew nazzjonali, kif jinsab fil-punt 6, Parti II ta' l-Anness, jistgħu jiġu kofinanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea sa massimu ta' 50 % tat-total ta' l-ispejjeż konsolidati ta' l-azzjonijiet li jiġu implementati fil-livelli lokali, reġjonali jew nazzjonali, u skond il-proċedura disposta fil-Parti II ta' l-Anness.
Artikolu 9
Proċedura ta' applikazzjoni u għażla
1. Id-Deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' miżuri taħt l-Artikolu 8(1) għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(2).
2. It-talbiet għall-assistenza finanzjarja għal miżuri taħt l-Artiklu 8(2) għandhom jiġu preżentati lill-Kummissjoni mill-korpi implementattivi nazzjonali skond il-proċedura esposta fil-Parti II ta' l-Anness.
Artikolu 10
Konsistenza u komplementarjetà
Il-Kummissjoni flimkien ma' l-Istati Membri għandha tiżgura li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni ikunu konsistenti ma' azzjonijiet u inizjattivi nazzjonali, reġjonali u Komunitarji oħra.
Huma għandhom jiżguraw li s-Sena Ewropea tikkomplementa bis-sħiħ inizjattivi u riżorsi Komunitarji, nazzjonali u reġjonali eżistenti oħra, fejn dawn jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Sena Ewropea.
Artikolu 11
Il-parteċipazzjoni ta' Stati li Mhumiex Membri
Il-parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea għandha tkun miftuħa għal:
|
(a) |
pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropea ffirmat Trattat ta' Adeżjoni; |
|
(b) |
pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fi programmi Komunitarji stipulati, rispettivament, mill-ftehim kwadru u mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni; |
|
(ċ) |
Stati ta' l-EFTA li huma parti mill-Ftehim dwar iż-ŻEE skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim; |
|
(d) |
il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skond l-arranġamenti li għad iridu jiġu stabbiliti ma' dawk il-pajjiżi taħt il-ftehim kwadru dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji; |
|
(e) |
pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (European Neighbourhood Policy – ENP) skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fi programmi Komunitarji stipulati fil-Karta ta' l-Istrateġija ta' Mejju 2004 u l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Pajjiżi. Kwalunkwe appoġġ finanzjarju mill-Komunità għall-azzjonijiet tal-pajjiżi msieħba ta' l-ENP f'dan il-kuntest sejjer jiġi kopert mill-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, skond il-prijoritajiet u l-proċeduri stabbiliti fil-koperazzjoni ġenerali ma' dawk il-pajjiżi. |
Artikolu 12
Baġit
Il-qafas finanzjarju għall-implementazzjoni ta' l-azzjonijiet imsemmija f'din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2007 għandu jkun ta' EUR 15 000 000, li minnhom EUR 6 000 000 għandhom ikunu għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2006. Għall-perjodu wara l-31 ta' Diċembru 2006, l-ammont huwa indikattiv u għandu jitqies bħala konfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-qafas finanzjarju pluriennali fis-seħħ għall-perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2007.
Artikolu 13
Koperazzjoni internazzjonali
Fil-qafas tas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni tista' tikkopera ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, b'mod partikolari mal-Kunsill ta' l-Ewropa u man-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 14
Monitoraġġ u valutazzjoni
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implementazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni komplessiva ta' l-azzjonijiet previsti f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2006.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
H. WINKLER
(1) ĠU C 65, 17. 3.2006, p. 70.
(2) Opinjoni tas-16 ta' Novembru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' April 2006.
(4) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(5) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(6) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(7) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.
(8) ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim Interistituzzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2003 dwar l-aġġustament tal-perspettiva finanzjarja għat-tkabbir (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).
ANNESS
Dettalji ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3
(I) Azzjoni Mifruxa Mal-komunità Kollha
|
1. |
Laqgħat u attivitajiet
|
|
2. |
Kampanji ta' informazzjoni u promozzjoni li jinvolvu:
|
|
3. |
Azzjonijiet oħra
Stħarriġ u studji fuq skala -Komunitarja, inklużi serje ta' domandi maħsuba sabiex issir valutazzjoni ta' l-impatt tas-Sena Ewropea, li jiġu inklużi f'stħarriġ tal-Eurobarometer, u f'rapport ta' valutazzjoni dwar l-effikaċja u l-impatt tas-Sena Ewropea. |
|
4. |
Il-finanzjament jista' jieħu l-forma ta':
Il-Kummissjoni tista' tagħmel użu minn assistenza teknika u/jew amministrattiva għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri, per eżempju billi tiffinanzja esperti minn barra dwar suġġett speċifiku. |
(II) Azzjonijiet F'livell Nazzjonali
|
1. |
Azzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament mill-baġit ta' l-Unjoni Ewropea sa massimu ta' 50 % ta' l-ispejjeż totali għal kull Stat Membru. |
|
2. |
Wara l-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni, l-Kummissjoni tagħmel sejħa għal proposti ristretta għall-korpi implementattivi nazzjonali. |
|
3. |
Kull korp implementattiv nazzjonali jippreżenta applikazzjoni waħda għal finanzjament Komunitarju wara s-sejħa għal proposti. Dik l-applikazzjoni għal għotja tiddeskrivi l-istrateġija nazzjonali u l-prijoritajiet għas-Sena Ewropea, l-azzjonijiet proposti għall-finanzjament fl-Istat Membru relevanti, u l-organizzazzjonijiet li jkunu responsabbli mill-implementazzjoni ta' kull waħda mill-azzjonijiet individwali. L-applikazzjoni għal għotja tkun akkumpanjata minn baġit dettaljat li jistabbilixxi l-ispejjeż totali ta' l-azzjonijiet proposti u l-ammont u s-sorsi ta' kofinanzjament. L-ispejjeż eliġibbli jistgħu jinkludu provvediment għal kull spiża amministrattiva u ta' persunal magħmula mill-korp implementattiv nazzjonali. |
|
4. |
L-istrateġija u l-prijoritajiet nazzjonali tas-Sena Ewropea jiġu stabbiliti skond l-għanijiet ġenerali esposti fl-Artiklu 2 u jkunu maħsuba sabiex jiżguraw trattament bilanċjat tal-motivi kollha ta' diskriminazzjoni msemmija f'dak l-Artiklu. |
|
5. |
Il-Kummissjoni tivvaluta u jekk ikun meħtieġ tesiġi l-modifika ta' l-applikazzjonijiet għall-finanzjament Komunitarju preżentati mill-korpi implementattivi nazzjonali li jkunu responsabbli mill-koordinazzjoni u l-implementazzjoni ta' azzjonijiet nazzjonali diversi. |
|
6. |
L-azzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali jistgħu jinkludu:
|
(III) Azzjoni Li Għaliha Mhijiex Disponibbli Għajnuna Finanzjarja Mill-baġit Ġenerali Ta' L-unjoni Ewropea
Il-Komunità sejra toffri l-appoġġ morali tagħha, inkluża awtorizzazzjoni bil-miktub sabiex jintuża l-logo u materjal ieħor assoċjat mas-Sena Ewropea, għall-inizjattivi li jittieħdu minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, fejn dawk l-organizzazzjonijiet jistgħu juru lill-Kummissjoni b'mod sodisfaċenti li l-inizjattivi involuti jseħħu jew sejrin iseħħu waqt is-Sena Ewropea u li x'aktarx jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv sabiex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-għanijiet tas-Sena Ewropea.