16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

74


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2006

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2007 min-naħa tas-Slovenja

(2006/495/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

War li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa' fil-kompożizzjoni ta' Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern,

Billi:

(1)

It-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bdiet fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa' fi Brussel fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tiegħu ta' Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 (4).

(2)

Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta’ Ġunju 2000 li l-Ġreċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 (5).

(3)

Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx beħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta' l-UEM fl-1 ta’ Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvernijiet f'Edinburgh f'Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kenitx sejra tieħu sehem fit-tielet fażi ta' l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003 (6), ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 1997 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (7). Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim ta’ l-1 ta’ Settembru 1998 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri barra ż-żona ta' l-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (8).

(6)

L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati. Skond dak l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Fit-2 ta’ Marzu 2006, is-Slovenja ressqet talba formali għal evalwazzjoni tal-konverġenza.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandhom jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. u tal-Bank Ċentrali Ewropew, hawn aktar 'il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”. Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tas-Slovenja ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u u l-Istatut tas-SEBĊ.

(8)

Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet li jssemma fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma jkunx jaqbeż b'iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha titkejjel permezz ta' l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (9). Għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta' Stat Memrbu titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta' kull xahar f'relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi ta' kull xahar tal-perjodu ta' qabel. Fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Polonja, b'rati rispettivi ta' inflazzjoni ta' 0.9 %, 1.0 % u 1.5 %. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1.5 punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006 kien 2.6 %.

(9)

Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

(10)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li dwarhom jiddisponi l-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonjiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess, matul l-istess perjodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm f'April 2006.

(11)

Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-interessi li jssemma fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, Stat Membru jkun kellu medja nominali fit-tul tar-rati ta' l-interessi li ma jaqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta'l-interessi, intużaw rati komparabbli ta' l-interess fuq bonds ta' riferiment ta' 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta' interess, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' interessi tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2006 kien 5.9 %.

(12)

Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza, id-data użati fl-evalwazzjoni tal-preżent tas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet id-data meħtieġa għat-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni. Id-data buġetarja ġiet provduta mill-Kummissjoni abbażi ta' rapporti mill-Istati Membri preżentati sa l-1 ta’ April 2006, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura rigward id-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (10).

(13)

Abbażi tar-rapporti mressqa mil-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar min-naħa tas-Slovenja ta' l-obbligi tagħha rigward l-ilħiq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

 

Fis-Slovenja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ;

 

Rigward is-sodisfar min-naħa tas-Slovenja tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat:

Ir-rata medja ta' l-inflazzjoni fis-Slovenja, fis-sena li ntemmet f'Marzu 2006, kienet ta' 2.3 %, li hija aktar baxxa mill-valur ta' referenza, u x'aktarx tkompli hekk fix-xhur li ġejjin;

Is-Slovenja mhijiex is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv tal-gvern;

Is-Slovenja ilha membru ta' l-ERM II mit-28 ta’ Ġunju 2004; fil-perjodu ta' sentejn li ntemm f'April 2006, it-tolar Sloven (SIT) ma kienx soġġett għal tensjonijiet gravi, u s-Slovenja ma żvalutatx, b'inizjattiva tagħha stess, ir-rata ċentrali bilaterali tas-SIT kontra l-euro;

Fis-sena li ntemmet f'Marzu 2006, ir-rata ta' l-interessi fit-tul fis-Slovenja kienet, fil-medja, 3.8 %, li jiġi taħt il-valur ta' referenza.

 

B'referenza għal dawn il-kriterji, is-Slovenja laħqet livell għoli ta' konverġenza sostenibbli.

 

Għaldaqstant, is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika.

(14)

Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, il-Kunsill permezz ta' maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika, u jħassar id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Slovenja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga favur is-Slovenja msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003 qiegħda titħassar b'effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  Rapport adottat fis-16 ta’ Mejju 2006.

(2)  Rapport adottat fil-15 ta' Mejju 2006.

(3)  Opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Ġunju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/317/KE tat-3 ta’ Mejju 1998 skond l-Artikolu 121(4) (*) tat-Trattat (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

(*)  

NOTA: It-titolu tad-Deċiżjoni 1998/317/KE ġie aġġustat biex titqies ir-rinumerazzjoni ta' l-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, skond l-Artikolu 12 tat-Trattat ta' Amsterdam; ir-referenza oriġinali kienet għal Artikolu 109(j).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 skond l-Artikolu 122 (2) tat-Trattat dwar l- adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 min-naħa tal-Greċja (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).

(6)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(7)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(8)  ĠU C 345, 13.11.1998, p. 6, Ftehim kif emendat mill-Ftehim ta' l-14 ta’ Settembru 2000 (ĠU C 362, 16.12.2000, p. 11).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1) Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(10)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).