8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

904


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-14 ta' Ġunju 2006

dwar ċerti miżuri tranżitorji b'rabta ma' influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli ħafna fit-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin fil-Komunità

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 2402)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(206/416/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri tal-Komunità għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 66(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Influwenza tat-Tjur hija marda serja u kontaġġjuża ħafna tat-tjur ta' l-irziezet u ta' għasafar oħrajn ikkawżata minn tipi differenti ta' viruses li jaqgħu taħt il-familja kbira tal-virus imsejħa Influenzaviridae. Il-viruses ta' l-influwenza tat-tjur jistgħu jinfirxu wkoll fil-mammiferi, inkluż il-bniedem, ġeneralment wara kuntatt dirett ma' għasafar infettati. L-għarfien attwali juri li r-riskji għas-saħħa minħabba l-hekk imsejħin viruses ta' l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku baxx (LPAI) — huma inferjuri għal dak minħabba viruses ta' l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli (HPAI), li joriġinaw minn mutazzjoni ta' ċerti viruses LPAI.

(2)

Miżuri tal-Komunità għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur ikkawżata mill-viruses HPAI kienu ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE tad-19 ta' Mejju 1992 li kienet tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur (2), bil-għan li tiġi mħarsa s-saħħa ta' l-annimali u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur tat-tjur.

(3)

Il-miżuri previsti mid-Direttiva 92/40/KEE ġew fundamentalment riveduti fid-dawl ta' għarfien xjentifiku reċenti fuq ir-riskji ta' l-influwenza tat-tjur għall-annimali u s-saħħa pubblika, l-iżvilupp ta' testijiet tal-laboratorju ġodda u vaċċini u l-lezzjonijiet meħuda tul l-aħħar tifqigħ ta' din il-marda fil-Komunità kif ukoll f'pajjiżi terzi. Bil-ħsieb ta' dik ir-reviżjoni, id-Direttiva 92/40/KEE ġiet revokata u sostitwita bid-Direttiva 2005/94/KE. Taħt id-Direttiva 2005/94/KE l-Istati Membri għandhom sa l-1 ta' Lulju 2007 biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali.

(4)

Minħabba s-sitwazzjoni dinjija attwali fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tranżitorji li għandhom jiġu applikati fl-istabbilimenti fejn it-tifqigħ ta' l-influwenza tat-tjur ikkawżat mill-viruses HPAI huwa suspettat jew ikkonfermat fit-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin, sakemm issir it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/94/KE mill-Istati Membri.

(5)

Il-miżuri tranżitorji previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jaġevolaw l-Istati Membri biex jadottaw miżuri ta' kontroll tal-marda b'mod proporzjonat u flessibbli, billi jitqiesu l-livelli varji ta' riskju maħluqin mill-varjanti differenti tal-virus, l-impatt soċjali u ekonomiku konsegwenti tal-miżuri msemmija fuq is-settur ta' l-agrikoltura u setturi oħra involuti, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-miżuri meħudin għal kull xenarju speċifiku huma l-aktar approprjati.

(6)

Fl-interessi tal-konsistenza u taċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, il-miżuri tranżitorji li għandu jsir provvediment għalihom fid-Deċiżjoni għandhom iqisu l-miżuri ta' kontroll tal-marda previsti fid-Direttiva 2005/94/KE u d-definizzjonijiet stipulati f'dik id-Direttiva japplikaw għal din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Suġġett u firxa ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri tranżitorji li għandhom jiġu applikati fi Stat Membru fejn tifqigħ ta' l-influwenza tat-tjur ikkawżat minn viruses ta' l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli (HPAI) huwa suspettat jew ikkonfermat fi tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jiġu applikati fl-istabbilimenti, u f'żoni ta' protezzjoni u sorveljanza skond id-Direttiva 92/40/KEE il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx għal kollox id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/94/KE kkonċernati minn din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Notifika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-preżenza suspettata u l-preżenza ta' l-HPAI jiġu obbligatorjament u minnufih innotifikati lill-awtorità kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta' kull sorveljanza għall-virus ta' l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli mwettqa fuq mammiferi u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'kull riżultat pożittiv wara din is-sorveljanza.

L-Artikolu 3

Miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti fejn it-tifqigħ huwa suspettat

1.   Fil-każ ta' tifqigħa suspettata, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tagħti bidu għal stħarriġ biex tikkonferma jew teskludi l-preżenza ta' l-influwenza tat-tjur u tpoġġi l-istabbiliment taħt sorveljanza uffiċjali.

L-awtorità kompetenti għandha wkoll tiżgura li l-miżuri previsti fil-paragrafi 2 u 3 jiġu osservati.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fl-istabbiliment:

(a)

tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin u l-mammiferi kollha ta' l-ispeċi domestiċi jingħaddu jew, jekk approprjat, issir stima ta' l-għadd tagħhom għal kull tip ta' tjur ta' l-irziezet jew speċi ta' għasafar oħrajn maqbudin;

(b)

issir lista ta' l-għadd approssimattiv tat-tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin u l-mammiferi kollha ta' l-ispeċi domestiċi diġà morda, mejtin jew li jistgħu jiġu infettati f'kull kategorija fl-istabbiliment; dik il-lista għandha tiġi aġġornata kuljum biex tqis it-tfaqqis, it-twelid u l-imwiet matul il-perjodu tat-tifqigħa suspettata u għandha tintwera fuq talba ta' l-awtorità kompetenti;

(ċ)

it-tjur ta' l-irziezet kollha u għasafar oħrajn maqbudin, għandhom jiddaħħlu f'bini fl-istabbiliment tagħhom u jinżammu hemmhekk. Fejn dan mhux possibbli jew il-benesseri tagħhom ikun kompromess għandhom jinżammu f'xi post ieħor fl-istess stabbiliment b'mod li ma jidħlux f'kuntatt ma' tjur ta' l-irziezet oħrajn jew għasafar oħrajn maqbudin fi stabbilimenti oħrajn. Il-passi kollha raġonevoli għandhom jittieħdu biex ikun minimizzat il-kuntatt tagħhom ma' għasafar selvaġġi;

(d)

l-ebda tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin ma jistgħu jidħlu jew joħorġu mill-istabbiliment;

(e)

l-ebda karkassa ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin, laħam tat-tjur ta' l-irziezet inkluż il-ġewwieni (“laħam tat-tjur”), għalf għat-tjur ta' l-irziezet (“għalf”), għodod, materjali, skart, ħmieġ, demel tat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin (“demel”), demel likwidu, skart użat taħt il-bhejjem jew kull ħaġa li tista' xxerred l-influwenza tat-tjur ma tista' tħalli l-istabbiliment mingħajr awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, bl-osservanza ta' miżuri ta' bijosigurtà approprjati bil-għan li jiġi minimizzat kull riskju ta' tixrid ta' l-influwenza tat-tjur;

(f)

l-ebda bajd ma jista' jħalli l-istabbiliment;

(g)

il-moviment ta' persuni, mammiferi ta' speċi domestiċi, vetturi u tagħmir lejn jew mill-istabbiliment huwa suġġett għall-kundizzjonijiet u l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti;

(h)

mezzi approprjati ta' diżinfettar jintużaw fid-dħul u fil-ħruġ ta' bini li jilqa' fih tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin u ta' l-istabbiliment innifsu skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li ssir inkjesta epidemjoloġika.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista' tipprovdi għas-sottomissjoni ta' kampjuni f'każi oħra. F'ċirkostanzi bħal dawn l-awtorità kompetenti tista' tipproċedi mingħajr ma tadotta xi wħud jew il-miżuri kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2.

L-Artikolu 4

Derogi minn ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti fejn hemm tifqigħ suspettat

1.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti derogi mill-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) punti (c) sa (e) fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju u jitqiesu l-prekawzjonijiet meħuda u d-destinazzjoni ta' l-għasafar u l-prodotti li jkunu se jiġu mċaqalqa.

2.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti wkoll derogi mill-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2), punt (h) fil-każ ta' għasafar oħrajn maqbudin fi stabbilimenti mhux kummerċjali.

3.   B'referenza għall-Artikolu 3(2) punt (f), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza li jintbagħtu l-bajd:

(a)

direttament fi stabbiliment għall-manifattura ta' prodotti mill-bajd, kif stabbilit fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni X ta' l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), biex jiġu amministrati u ttrattati skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); fejn l-awtorità kompetenti tagħti din l-awtorizzazzjoni, din ta' l-aħħar għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2005/94/KE; jew

(b)

għar-rimi.

L-Artikolu 5

Tul ta' żmien tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti fejn hemm tifqigħ suspettat

Il-miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti f'każi ta' tifqigħ suspettat, kif previst fl-Artikolu 3, għandhom jibqgħu jiġu applikati sakemm l-awtorità kompetenti hija sodisfatta li ġie eskluż is-suspett ta' l-influwenza tat-tjur fl-istabbiliment.

L-Artikolu 6

Miżuri addizzjonali bbażati fuq inkjesta epidemjoloġika

1.   Fuq il-bażi tar-riżultati preliminari ta' inkjesta epidemjoloġika, l-awtorità kompetenti tista' tapplika l-miżuri previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4 b'mod partikolari jekk l-istabbiliment jinsab f'żona fejn hemm densità għolja ta' tjur ta' l-irziezet.

2.   Restrizzjonijiet temporanji jistgħu jiġu introdotti fuq il-movimenti ta' tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin u bajd u fuq il-moviment ta' vetturi użati mis-settur tat-tjur ta' l-irziezet f'żona definita jew fl-Istat Membru kollu.

Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għall-movimenti ta' mammiferi ta' speċi domestiċi, iżda f'dak il-każ m'għandhomx jaqbżu t-72 siegħa, sakemm mhux ġustifikati.

3.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 7 jistgħu jiġu applikati fl-istabbiliment.

Minkejja dan, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri tista' tkun limitata għat-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin suspettati li huma infettati u l-unitajiet ta' produzzjoni tagħhom.

Kampjuni għandhom jittieħdu mit-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin jekk jinqatlu biex jiġi kkonfermat jew eskluż ir-riskju ta' tifqigħa suspettata.

4.   Żona ta' kontroll temporanja madwar l-istabbiliment u wħud jew il-miżuri kollha previsti fl-Artikolu 3(2) għandhom jiġu applikati skond il-ħtieġa fl-istabbilimenti f'dik iż-żona.

L-Artikolu 7

Miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti fejn tifqigħ huwa kkonfermat

1.   F'każ ta' tifqigħa ta' HPAI, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) u l-paragrafi 2 sa 9 ta' dan l-Artikolu huma applikati.

2.   It-tjur ta' l-irziezet kollha u għasafar oħrajn maqbudin li hemm fl-istabbiliment għandhom jinqatlu mingħajr dewmien taħt superviżjoni uffiċjali. Din il-qatla għandha ssir b'mod li jiġi evitat ir-riskju li tinxtered l-influwenza tat-tjur, b'mod partikolari matul il-ġarr.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi għal ċerti speċi ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin biex ma jinqatlux, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju ta' tixrid ulterjuri ta' l-influwenza tat-tjur.

L-awtorità kompetenti tista' tieħu l-miżuri approprjati biex tillimita kull possibbiltà li l-influwenza tat-tjur tinxtered fost l-għasafar selvaġġi li jkun hemm fl-istabbiliment.

3.   Il-karkassi u l-bajd kollha fl-istabbiliment għandhom jintremew taħt superviżjoni uffiċjali.

4.   Tjur ta' l-irziezet li diġà faqqsu minn bajd miġbur mill-istabbiliment matul il-perjodu bejn id-data probabbli tad-dħul ta' l-HPAI fl-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2), għandhom jitpoġġew taħt superviżjoni uffiċjali u għandhom isiru l-investigazzjonijiet.

5.   Il-laħam ta' tjur ta' l-irziezet imbiċċra u l-bajd miġbur mill-istabbiliment matul il-perjodu bejn id-data probabbli ta' dħul ta' l-HPAI fl-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) għandhom, kull meta jkun possibbli, jiġu ntraċċati u mormijin taħt superviżjoni uffiċjali.

6.   Is-sustanzi kollha, demel u skart li jistgħu jkunu kontaminati, bħal għalf, għandhom jinqerdu jew jgħaddu minn trattament li jaċċerta l-qirda tal-virus ta' l-influwenza tat-tjur, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

7.   Wara r-rimi tal-karkassi, il-bini użat biex jinżammu fih, mergħat jew art, it-tagħmir li jista' jkun kontaminat u l-vetturi użati għall-ġarr tat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin, karkassi, laħam, għalf, demel, demel likwidu, imfierex ta' taħt il-bhejjem u kull materjal jew sustanza oħra li jistgħu jkunu kontaminati għandhom jiġu mnaddfa u diżinfettati bl-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

8.   Għasafar oħrajn maqbudin jew mammiferi ta' speċi domestiċi m'għandhomx jidħlu jew joħorġu mill-istabbiliment mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Dik ir-restrizzjoni m'għandhiex tapplika għal mammiferi ta' speċi domestiċi li għandhom aċċess biss għall-kwartieri fejn jgħixu l-bnedmin.

9.   Fil-każ ta' tifqigħa primarja, il-virus iżolat ikun suġġett għall-investigazzjonijiet tal-laboratorju biex jiġi identifikat is-sottotip ġenetiku. Dak il-virus iżolat għandu jiġi sottomess lil-laboratorju ta' referenza tal-Komunità għall-influwenza tat-tjur imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2005/94/KE mill-aktar fis possibbli.

L-Artikolu 8

Derogi li jikkonċernaw ċerti stabbilimenti

1.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti derogi mill-miżuri previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) fil-każi ta' tifqigħa ta' HPAI fi stabbiliment mhux kummerċjali, ċirku, żù, ħanut ta' l-għasafar domestiċi, park ta' l-annimali selvaġġi, żona magħluqa fejn tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin jinżammu għal għanijiet xjentifiċi jew għanijiet relatati mal-konservazzjoni ta' speċi fil-periklu jew razez rari ta' tjur ta' l-irziezet u ta' għasafar oħrajn maqbudin uffiċjalment reġistrati, sakemm dawn id-derogi ma jipperikolawx il-kontroll tal-marda.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fejn tingħata deroga, kif previst fil-paragrafu 1, it-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin milqutin mid-deroga:

(a)

jiddaħħlu f'bini fl-istabbiliment tagħhom u jibqgħu hemmhekk; fejn dan mhux possibbli jew jekk il-benesseri tagħhom huwa kompromess jinġabru f'xi post ieħor fl-istess stabbiliment b'mod li ma jidħlux f'kuntatt ma' tjur ta' l-irziezet oħra jew għasafar oħrajn maqbudin fi stabbilimenti oħra; il-passi kollha raġonevoli għandhom jittieħdu biex ikun minimizzat il-kuntatt tagħhom ma' għasafar selvaġġi;

(b)

ikunu suġġetti għal aktar sorveljanza u ttestjar skond l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali u ma jkunux imċaqalqa sakemm it-testijiet tal-laboratorju jindikaw li m'humiex aktar ta' riskju sinifikanti għal tixrid ulterjuri ta' l-HPAI; u

(ċ)

ma jkunux mċaqalqa mill-istabbiliment oriġinali tagħhom, ħlief biex jinqatlu jew għal stabbiliment ieħor:

(i)

li jkun fl-istess Stat Membru, skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti; jew

(ii)

fi Stat Membru ieħor, jekk hemm il-qbil ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

3.   Minkejja l-projbizzjoni ta' moviment ta' tjur ta' l-irziezet u ta' għasafar oħrajn maqbudin skond il-paragrafu 2(b), l-awtorità kompetenti tista' fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju tawtorizza l-ġarr taħt miżuri ta' bijosigurtà ta' tjur ta' l-irziezet jew ta' għasafar li ma jkunux jistgħu jinżammu sew u ma jkunux taħt sorveljanza fl-istabbiliment ta' l-oriġini lejn stabbiliment magħżul fl-istess Stat Membru, fejn aktar sorveljanza u ttestjar għandhom isiru taħt sorveljanza uffiċjali; sakemm din l-awtorizzazzjoni ma tipperikolax il-kontroll tal-marda.

4.   L-awtorità kompetenti tista' tagħti derogi mill-miżuri previsti fl-Artikolu 7(5), biex il-bajd jintbagħat direttament fi stabbiliment għall-manifattura ta' prodotti mill-bajd kif stipulat fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni X ta' l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 amministrati u ttrattati skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull deroga mogħtija fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 9

Miżuri li għandhom jiġu applikati f'każi ta' tifqigħ ta' l-HPAI f'unitajiet ta' produzzjoni separati

F'każi ta' tifqigħ ta' l-HPAI fi stabbiliment li huwa magħmul minn żewġ unitajiet jew aktar ta' produzzjoni separati, l-awtorità kompetenti tista' tagħti derogi mill-miżuri previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 7(2) għal unitajiet ta' produzzjoni bi tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin fejn m'hemm l-ebda suspett ta' HPAI, kemm-il darba dawn id-derogi ma jipperikolawx il-kontroll tal-marda.

Dawn id-derogi għandhom jingħataw biss fil-każ ta' żewġ unitajiet jew aktar ta' produzzjoni separati fejn il-veterinarju uffiċjali, meta jkun ikkunsidra l-istruttura, id-daqs, l-operazzjoni, it-tip ta' bini, l-għalf, is-sors ta' l-ilma, it-tagħmir, l-istaff u l-viżitaturi fl-istabbiliment, ikun sodisfatt li huma għal kollox indipendenti minn unitajiet ta' produzzjoni oħra f'dawk li huma post u amministrazzjoni ta' kuljum tat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin li jinżammu hemmhekk.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull deroga li tkun ingħatat fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 10

Miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti li kellhom kuntatt

1.   Fuq il-bażi ta' l-inkjesta epidemjoloġika, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk stabbiliment għandux jiġi kkunsidrat bħala stabbiliment li kellu kuntatt.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2) huma applikati fi stabbilimenti li kellhom kuntatt sakemm il-preżenza ta' l-HPAI tkun ġiet eskluża.

2.   Fuq il-bażi ta' l-inkjesta epidemjoloġika, l-awtorità kompetenti tista' tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 7 fl-istabbilimenti li kellhom kuntatt u b'mod partikolari jekk l-istabbiliment li kellu kuntatt jinsab f'żona b'densità għolja ta' tjur ta' l-irziezet.

Il-kriterji ewlenin li għandhom jitqiesu għall-applikazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 7 fi stabbilimenti li kellhom kuntatt huma stabbiliti fl-Anness IV għad-Direttiva 2005/94/KE.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jittieħdu kampjuni mit-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin meta jinqatlu bil-għan li tiġi konfermata jew eskluża l-preżenza tal-virus ta' l-HPAI f'dawk l-istabbilimenti li kellhom kuntatt.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li, f'kull stabbiliment fejn tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin jinqatlu u jintremew u l-influwenza tat-tjur tkun sussegwentement ikkonfermata, il-bini u kull tagħmir li jista' jkun kontaminat u l-vetturi użati għall-ġarr tat-tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin, karkassi, laħam, għalf, demel, demel likwidu, imfierex ta' taħt il-bhejjem u kull materjal jew sustanza oħra li tista' tkun kontaminata jiġu mnaddfa u diżinfettati bl-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

L-Artikolu 11

Twaqqif ta' żoni ta' ħarsien, sorveljanza u u ta' żoni aktar ristretti f'każi ta' tifqigħ ta' l-HPAI

1.   L-awtorità kompetenti immedjatament wara li tfaqqa' l-HPAI għandha tistabbilixxi:

(a)

żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' mhux inqas minn tliet kilometri madwar l-istabbiliment;

(b)

żona ta' sorveljanza b'raġġ ta' mhux inqas minn 10 kilometri madwar l-istabbiliment, li jinkludi ż-żona ta' protezzjoni.

2.   Jekk it-tifqigħa ta' l-HPAI tiġi kkonfermata f'għasafar oħrajn maqbudin fi stabbiliment mhux kummerċjali, ċirku, żù, ħanut ta' l-għasafar domestiċi, park ta' l-annimali selvaġġi, żona magħluqa fejn għasafar oħrajn maqbudin jinżammu għal għanijiet xjentifiċi jew għanijiet relatati mal-konservazzjoni ta' speċi fil-periklu jew razez rari ta' għasafar oħrajn maqbudin li huma uffiċjalment reġistrati u li ma fihomx tjur ta' l-irziezet, l-awtorità kompetenti tista', wara valutazzjoni tar-riskju, tidderoga sal-limitu meħtieġ mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 11 u 26 li jikkonċernaw it-twaqqif taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u tal-miżuri li għandhom jiġu applikati hemmhekk, kemm-il darba dawn id-derogi ma jipperikolawx il-kontroll tal-marda.

3.   Meta tistabbilixxi żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kif previst fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha għall-inqas tikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-inkjesta epidemjoloġika;

(b)

il-qagħda ġeografika, b'mod partikolari il-fruntieri naturali;

(ċ)

il-post u l-prossimità ta' l-istabbilimenti u l-għadd ikkalkulat ta' tjur ta' l-irziezet;

(d)

tendenzi fil-movimenti u fil-kummerċ ta' tjur ta' l-irziezet jew ta' għasafar oħrajn maqbudin;

(e)

il-faċilitajiet u l-istaff disponibbli biex jiġi kkontrollat kull moviment fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza tat-tjur ta' l-irziezet jew ta' għasafar oħrajn maqbudin, il-karkassi, id-demel, l-imfierex jew skart użat, b'mod partikolari jekk it-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin li se jinqatlu u jintremew għandhom jiġu mċaqalqa mill-istabbiliment ta' l-oriġini tagħhom.

4.   L-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi żoni ristretti ulterjuri madwar jew li jmissu maż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, filwaqt li tqis il-kriterji previsti fil-paragrafu 3.

5.   Jekk żona ta' protezzjoni, ta' sorveljanza jew żona oħra ristretta tkopri t-territorji ta' Stati Membri differenti, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkollaboraw biex iż-żona tiġi definita.

L-Artikolu 12

Miżuri li għandhom jiġu applikati kemm fiż-żona ta' protezzjoni kif ukoll f'dawk ta' sorveljanza

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jiġu applikati dawn il-miżuri li ġejjin fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza:

(a)

introduzzjoni ta' arranġamenti li jippermettu li jiġi intraċċat dak kollu li jista' jxerred il-virus ta' l-influwenza tat-tjur inkluż it-tajr ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin, laħam, bajd, karkassi, għalf, imfierex ta' taħt il-bhejjem, nies li daħlu f'kuntatt mat-tjur ta' l-irziezet infettati jew għasafar oħrajn maqbudin jew vetturi li għandhom rabta ma' l-industrija tat-tjur ta' l-irziezet;

(b)

Is-sidien għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti, meta mitluba, b'kull tagħrif rilevanti dwar it-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin u bajd li jkunu dieħla jew ħierġa mill-istabbiliment.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li l-persuni kollha fiż-żona ta' protezzjoni u ta' sorveljanza milquta mir-restrizzjonijiet ikkonċernati huma konxji bis-sħiħ mir-restrizzjonijiet fis-seħħ.

Dak it-tagħrif jista' jitwassal permezz ta' avviżi ta' twissija, riżorsi tal-medja bħall-istampa u t-televiżjoni jew b'kull mezz ieħor xieraq.

3.   L-awtorità kompetenti tista', fejn huwa indikat minn tagħrif epidemjoloġiku jew minn evidenza oħra, timplimenta programm ta' qirda preventiva, inkluż it-tbiċċir preventiv jew il-qtil tat-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin, fi stabbilimenti u żoni li huma f'riskju.

4.   L-Istati Membri li japplikaw il-miżuri previsti fil-paragrafu 3 għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

L-Artikolu 13

Ċensiment u żjarat mill-veterinarju uffiċjali u sorveljanza

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni:

(a)

isir ċensiment ta' l-istabbilimenti kollha mill-aktar fis possibbli;

(b)

l-istabbilimenti kummerċjali kollha ssirilhom żjara minn veterinarju uffiċjali mill-aktar fis possibbli biex isir eżami kliniku fuq it-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin u, jekk meħtieġ, jinġabru kampjuni għal testijiet fil-laboratorju skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali; għandu jinżamm reġistru ta' dawn iż-żjarat u s-sejbiet li jirriżultaw minnhom; stabbilimenti mhux kummerċjali għandha ssirilhom żjara minn veterinarju uffiċjali qabel ma titneħħa ż-żona ta' protezzjoni;

(ċ)

sorveljanza addizzjonali għandha tiġi implimentata minnufih skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali bil-għan li jiġi identifikat kull tixrid ieħor ta' l-influwenza tat-tjur fl-istabbilimenti li jinsabu fiż-żona ta' protezzjoni.

L-Artikolu 14

Miżuri li għandhom jiġu applikati fi stabbilimenti fiż-żoni ta' protezzjoni

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fl-istabbilimenti fiż-żoni ta' protezzjoni:

(a)

it-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar oħrajn maqbudin kollha għandhom jiddaħħlu f'bini fl-istabbiliment tagħhom u jinżammu hemmhekk. Fejn dan mhux prattiku jew il-benesseri tagħhom huwa kompromess, dawn jinżammu magħluqin f'xi post ieħor fl-istess stabbiliment b'tali mod li ma jkollhomx kuntatt ma' tjur ta' l-irziezet oħrajn jew għasafar oħrajn maqbudin fi stabbilimenti oħra. Għandhom jittieħdu l-passi kollha raġonevoli biex ikun minimizzat il-kuntatt tagħhom ma' għasafar selvaġġi;

(b)

il-karkassi għandhom jintremew mill-aktar fis possibbli;

(ċ)

il-vetturi u t-tagħmir użati għall-ġarr ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin ħajjin, laħam, għalf, demel, demel likwidu u mfierex u kull materjal jew sustanzi oħrajn li jistgħu jkunu kontaminati, jitnaddfu u jiġu diżinfettati skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali;

(d)

il-partijiet kollha ta' vetturi użati mill-istaff jew persuni oħra li jidħlu jew joħorġu mill-istabbilimenti u li setgħu ġew kontaminati jitnaddfu u jiġu diżinfettati bl-istruzzjonijiet jingħataw mill-veterinarju uffiċjali;

(e)

l-ebda tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin, jew mammiferi domestiċi ma jistgħu jidħlu fi jew joħorġu minn stabbiliment mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Din ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-mammiferi li għandhom aċċess biss għall-kwartieri fejn jgħixu l-bnedmin li fihom huma:

(i)

m'għandhom l-ebda kuntatt mat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin residenti, u

(ii)

m'għandhom l-ebda aċċess għal kwalunkwe gaġġa jew żona fejn dawn it-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin residenti jinżammu;

(f)

kwalunkwe żjieda fil-mard jew fil-mortalità jew tnaqqis sinifikanti fid-data tal-produzzjoni fl-istabbilimenti hija rappurtata minnufih lill-awtorità kompetenti, li għandha tagħmel l-investigazzjonijiet xierqa skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali;

(g)

kull persuna li tidħol fi jew toħroġ minn stabbilimenti għandha tħares miżuri xierqa ta' bijosigurtà maħsuba biex jipprevjenu t-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur;

(h)

reġistri dwar il-persuni kollha li jżuru l-istabbilimenti, ħlief djar, jinżammu mis-sid biex jiffaċilita s-sorveljanza u l-kontroll tal-marda u għandhom ikunu disponibbli meta mitluba mill-awtorità kompetenti. Dawn id-dokumenti m'hemmx għalfejn jinżammu fejn il-viżitaturi jmorru fi stabbilimenti bħalma huwa żù jew park ta' annimali selvaġġi fejn m'għandhomx aċċess għaż-żoni fejn jinżammu l-annimali.

L-Artikolu 15

Projbizzjoni tat-tneħħija jew tat-tixrid ta' mfierex ta' taħt il-bhejjem użat, demel jew demel likwidu mill-istabbilimenti

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-tneħħija jew it-tixrid ta' mfierex ta' taħt il-bhejjem użat, demel u demel likwidu mill-istabbilimenti fiż-żoni ta' protezzjoni huma pprojbiti, sakemm mhux awtorizzati minnha. Madankollu, il-moviment ta' demel jew ta' demel likwidu jista' jiġi awtorizzat minn stabbilimenti taħt miżuri ta' bijosigurtà lejn impjant magħżul għat-trattament jew għall-ħażna intermedja għal trattament sussegwenti biex tinqered il-preżenza possibbli ta' viruses ta' l-influwenza tat-tjur skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill (5).

L-Artikolu 16

Fieri, swieq jew laqgħat oħrajn u t-tgħammir mill-ġdid ta' tjur tal-kaċċa

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fieri, swieq, wirjiet jew laqgħat oħrajn ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin huma pprojbiti fiż-żoni ta' protezzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin maħsuba għat-tgħammir mill-ġdid tat-tjur tal-kaċċa m'għandhomx jinħelsu fiż-żoni ta' protezzjoni.

L-Artikolu 17

Projbizzjoni tal-moviment u l-ġarr ta' għasafar, bajd, laħam tat-tjur ta' l-irziezet u karkassi

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fiż-żoni ta' protezzjoni, il-moviment u l-ġarr mill-istabbilimenti fit-toroq, esklużi t-toroq ta' servizz privati fl-istabbilimenti, jew bil-ferrovija, ta' tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin, tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu, flieles ta' jum, bajd u karkassi huma pprojbiti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ġarr ta' laħam ta' tjur ta' l-irziezet mill-biċċeriji, mill-impjanti għall-qtugħ u mill-ħażniet kiesħa huwa pprojbit kemm-il darba ma jkunx prodott:

(a)

minn tjur ta' l-irziezet li oriġina minn barra ż-żoni ta' protezzjoni u li kien maħżun u inġarr separatament mil-laħam ta' tjur ta' l-irziezet fiż-żoni ta' protezzjoni; jew

(b)

f'data għallinqas 21 jum qabel id-data meta probabbilment seħħet l-infezzjoni l-aktar bikrija fi stabbiliment fiż-żona ta' protezzjoni u minn meta ġie prodott inħażen u inġarr separatament minn laħam prodott wara dik id-data.

3.   Madankollu, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għat-tranżitu miż-żoni ta' protezzjoni fit-toroq jew bil-ferrovija mingħajr ħatt jew waqfien.

L-Artikolu 18

Derogi għall-ġarr dirett tat-tjur ta' l-irziezet għall-qtil immedjat u l-moviment jew it-trattament ta' laħam tat-tjur ta' l-irziezet

1.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' tjur ta' l-irziezet li joriġinaw minn stabbiliment fiż-żona ta' protezzjoni għall-qatla immedjata f'biċċerija magħżula skond il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

eżami kliniku fuq it-tjur ta' l-irziezet fl-istabbiliment ta' l-oriġini jsir mill-veterinarju uffiċjali fi żmien 24 siegħa minn meta jkunu ntbagħtu għall-qatla;

(b)

fejn ikun xieraq, testijiet fil-laboratorju jkunu saru fuq it-tjur ta' l-irziezet fl-istabbiliment ta' l-oriġini skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali b'riżultati favorevoli;

(ċ)

it-tjur ta' l-irziezet jinġarru f'vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha;

(d)

l-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija magħżula hija infurmata u taqbel li tilqa' t-tjur ta' l-irziezet u mbagħad tikkonferma li saret il-qatla lill-awtorità kompetenti fil-post tat-tluq;

(e)

it-tjur ta' l-irziezet miż-żona ta' protezzjoni jinżammu separati minn tjur ta' l-irziezet oħrajn u jinqatlu separatament jew f'ħinijiet differenti minn tjur ta' l-irziezet oħrajn, preferibbilment fit-tmiem ta' jum ta' xogħol; it-tindif u d-diżinfettar sussegwenti għandhom jitlestew qabel ma jinqatlu tjur ta' l-irziezet oħrajn;

(f)

il-veterinarju uffiċjali għandu jiżgura li eżami dettaljat tat-tjur ta' l-irziezet isir fil-biċċerija magħżula meta t-tjur ta' l-irziezet jaslu wara li jkunu nqatlu;

(g)

il-laħam ma jidħolx fil-kummerċ intra-Komunitarju jew internazzjonali u jkun fih il-marka tas-saħħa għal-laħam frisk kif previst fl-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (6);

(h)

il-laħam jinkiseb, jitqatta', jinġarr u jinħażen separatament minn laħam maħsub għall-kummerċ intra-Komunitarju u internazzjonali u jintuża b'mod li jiġi evitat li jkun imdaħħal fi prodotti tal-laħam maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju jew internazzjonali, sakemm ma jkunx għadda mit-trattament stabbilit fl-Anness III għad-Direttiva 2002/99/KE.

2.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' tjur ta' l-irziezet minn barra ż-żona ta' protezzjoni għall-qatla immedjata lejn biċċerija magħżula fiż-żona ta' protezzjoni u l-moviment sussegwenti ta' laħam derivat minn dan it-tjur ta' l-irziezet kemm-il darba:

(a)

l-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija magħżula tkun infurmata u taqbel li tilqa' t-tjur ta' l-irziezet u wara tikkonferma l-qtil lill-awtorità kompetenti fil-post ta' tluq;

(b)

it-tjur ta' l-irziezet jinżammu separati minn tjur ta' l-irziezet oħra li joriġinaw miż-żona ta' protezzjoni u jinqatlu separatament jew f'ħinijiet differenti minn tjur ta' l-irziezet oħrajn;

(ċ)

il-laħam tat-tjur ta' l-irziezet prodott jitqatta', jinġarr u jinħażen separatament minn laħam tat-tjur ta' l-irziezet li ġej minn tjur ta' l-irziezet oħrajn li joriġinaw fiż-żona ta' protezzjoni;

(d)

il-prodotti sekondarji ta' l-annimali jintremew.

L-Artikolu 19

Derogi għall-ġarr dirett ta' flieles ta' jum

1.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' flieles ta' jum, li ġejjin minn stabbilimenti fiż-żona ta' protezzjoni lejn stabbiliment jew tinda f'dak l-istabbiliment fl-istess Stat Membru, li preferibbilment jinsab barra ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma jinġarru f'vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha;

(b)

miżuri xierqa ta' bijosigurtà jkunu applikati matul il-ġarr u fl-istabbiliment tad-destinazzjoni;

(ċ)

l-istabbiliment tad-destinazzjoni jkun taħt sorveljanza uffiċjali wara l-wasla tal-flieles ta' jum;

(d)

jekk jiġu mċaqalqa barra miż-żona ta' protezzjoni jew ta' sorveljanza, it-tjur ta' l-irziezet għandhom jibqgħu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni għal mill-inqas 21 jum.

2.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' flieles ta' jum, imfaqqsa minn bajd li ġej minn stabbilimenti barra ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, lejn kwalunkwe stabbiliment ieħor fl-istess Stat Membru, li preferibbilment jinsab barra ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kemm-il darba il-mafqas li jibgħathom jista' jiżgura, permezz tal-loġistika tiegħu u l-kundizzjonijiet ta' xogħol iġjeniċi tiegħu, li ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn dak il-bajd u kull bajd ieħor għat-tifqis jew flieles ta' jum ġejjin minn gruppi ta' tjur ta' l-irziezet f'dawn iż-żoni u li għalhekk għandhom stat ta' saħħa differenti.

L-Artikolu 20

Derogi għall-ġarr dirett ta' tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu

B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu lejn stabbiliment jew tinda ta' dak l-istabbiliment preferibbilment fiż-żona ta' protezzjoni jew ta' sorveljanza fejn m'hemm l-ebda tjur ta' l-irziezet oħrajn, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

eżami kliniku tat-tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin fl-istabbiliment ta' l-oriġini u b'mod partikolari ta' dawk li jridu jiġu mċaqalqa, isir mill-veterinarju uffiċjali;

(b)

fejn ikun xieraq, ikunu saru testijiet fil-laboratorju fuq tjur ta' l-irziezet fl-istabbiliment ta' l-oriġini skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali b'riżultati favorevoli;

(ċ)

it-tjur ta' l-irziezet li huma lesti biex ibidu jinġarru f'vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha;

(d)

l-istabbiliment jew it-tinda tad-destinazzjoni titqiegħed taħt sorveljanza uffiċjali wara l-wasla tat-tjur ta' l-irziezet li huma lesti biex ibidu;

(e)

jekk jiġu mċaqalqa barra miż-żona ta' protezzjoni jew ta' sorveljanza, it-tjur ta' l-irziezet għandhom jibqgħu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni għal mill-inqas 21 jum.

L-Artikolu 21

Deroga għall-ġarr dirett ta' bajd għat-tifqis u għall-ikel

1.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' bajd għat-tifqis sew minn kwalunkwe stabbiliment lejn mafqas li jkun, fiż-żona ta' protezzjoni u jkun magħżul mill-awtorità kompetenti (“il-mafqas magħżul”) jew, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin, minn stabbiliment li jkun fiż-żona ta' protezzjoni lejn mafqas magħżul:

(a)

il-gruppi ta' ġenituri li minnhom ġej il-bajd għat-tifqis kienu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti u m'hemm l-ebda suspett ta' influwenza tat-tjur f'dawn l-istabbilimenti;

(b)

il-bajd għat-tifqis u l-pakketti tagħhom huma diżinfettati qabel ma jintbagħtu u li l-intraċċar lura ta' dan il-bajd jista' jiġi żgurat;

(ċ)

il-bajd għat-tifqis jinġarr f'vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti jew taħt is-superviżjoni tagħha;

(d)

miżuri ta' bijosigurtà jkunu applikati fil-mafqas magħżul skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti.

2.   B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett tal-bajd:

(a)

lejn ċentru ta' l-ippakkjar magħżul mill-awtorità kompetenti (“iċ-ċentru ta' l-ippakkjar magħżul”), kemm-il darba jkun ippakkjat f'pakketti li jintremew u li l-miżuri kollha ta' bijosigurtà meħtieġa mill-awtorità kompetenti huma applikati;

(b)

lejn stabbiliment għall-manifattura ta' prodotti tal-bajd kif stabbilit fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni X ta' l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jridu jiġu amministrati u ttrattati skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 852/2004; jew

(ċ)

għar-rimi.

L-Artikolu 22

Deroga għall-ġarr dirett tal-karkassi

B'deroga mill-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' karkassi kemm-il darba jinġarru biex jintremew.

L-Artikolu 23

Tindif u diżinfettar tal-mezzi ta' trasport

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-vetturi u t-tagħmir li jintuża għall-ġarr kif previst fl-Artikoli 18 u 22 huma mnaddfin u diżinfettati mingħajr dewmien skond l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali.

L-Artikolu 24

Tul ta' żmien tal-miżuri

1.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 13 sa 23 għandhom jinżammu għallinqas għal 21 jum wara d-data li fiha jkunu tlestew it-tindif u d-diżinfettar preliminari fl-istabbiliment infettat skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali u sakemm l-istabbilimenti li jinsabu fiż-żona ta' protezzjoni jkunu ġew ittestjati skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali

2.   Meta l-miżuri previsti fl-Artikolu 13 sa 23 m'għandhomx jibqgħu fis-seħħ, kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 25 għandhom japplikaw fiż-żona li kienet ta' protezzjoni, sakemm ma jibqgħux jiġu applikati kif previst fl-Artikolu 26.

L-Artikolu 25

Miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta' sorveljanza

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri li ġejjin jiġu applikati f'żoni ta' sorveljanza:

(a)

ċensiment ta' l-istabbilimenti kummerċjali kollha tat-tjur ta' l-irziezet isir mill-aktar fis possibbli;

(b)

il-moviment ta' tjur ta' l-irziezet, tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu, flieles ta' jum, bajd fiż-żona ta' sorveljanza huwa pprojbit kemm-il darba ma tingħatax l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, li tiżgura li miżuri xierqa ta' bijosigurtà huma applikati biex jitrażżan it-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur; din il-projbizzjoni ma tapplikax għat-tranżitu miż-żona ta' sorveljanza fuq it-triq jew bil-ferrovija mingħajr ħatt jew waqfien;

(ċ)

il-moviment ta' tjur ta' l-irziezet, tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu, flieles ta' jum u bajd lejn stabbilimenti, biċċeriji, ċentri ta' ppakkjar jew stabbiliment għall-manifattura ta' prodotti mill-bajd barra miż-żona ta' sorveljanza huwa pprojbit; madankollu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta':

(i)

tjur ta' l-irziezet għall-qatla lejn biċċerija magħżula, bil-għan li ssir qatla immedjata suġġetta għall-Artikolu 18(1), punti (a), (b) u (d);

L-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-ġarr dirett ta' tjur ta' l-irziezet minn barra ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għall-qatla immedjata lejn biċċerija magħżula fiż-żona ta' sorveljanza u l-moviment sussegwenti tal-laħam derivat minn dan it-tjur ta' l-irziezet;

(ii)

tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu lejn stabbiliment fejn m'hemmx tjur ta' l-irziezet oħrajn fl-istess Stat Membru; dak l-istabbiliment għandu jinżamm taħt sorveljanza uffiċjali wara l-wasla tat-tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu u t-tjur ta' l-irziezet lesti biex ibidu għandhom jibqgħu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni għal mill-inqas 21 jum;

(iii)

flieles ta' jum:

lejn stabbiliment jew tinda ta' dan l-istabbiliment fl-istess Stat Membru kemm-il darba miżuri xierqa ta' bijosigurtà huma applikati u l-istabbiliment ikun taħt sorveljanza uffiċjali wara l-ġarr u l-flieles ta' jum għandhom jibqgħu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni għal mill-inqas 21 jum, jew

jekk imfaqqsa minn bajd għat-tifqis li joriġina minn stabbilimenti ta' tjur ta' l-irziezet barra ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, lejn kwalunkwe stabbiliment ieħor, kemm-il darba il-mafqas li jibgħathom jista' jiżgura permezz tal-loġistika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-bijosigurtà tiegħu li ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn dan il-bajd u kull bajd ieħor għat-tfaqqis jew flieles ta' jum li ġejjin minn gruppi ta' tjur ta' l-irziezet f'dawk iż-żoni u li għalhekk għandhom stat ta' saħħa differenti;

(iv)

bajd tat-tifqis lejn mafqas magħżul ġewwa jew barra miż-żona ta' sorveljanza; il-bajd u l-ippakkjar tagħhom għandhom ikunu diżinfettati qabel ma jintbagħtu u l-intraċċar lura ta' dan il-bajd ikun żgurat;

(v)

bajd għall-ikel lejn ċentru ta' ppakkjar magħżul, kemm-il darba jkun ppakkjat f'pakketti li jintremew u li l-miżuri kollha ta' bijosigurtà meħtieġa mill-awtorità kompetenti jkunu applikati;

(vi)

bajd lejn stabbiliment għall-manifattura ta' prodotti mill-bajd kif stabbilit fil-Kapitolu II tas-Sezzjoni X ta' l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li jridu jiġu amministrati u ttrattati skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 852/2004 li jinsab ġewwa jew barra miż-żona ta' sorveljanza;

(vii)

bajd għar-rimi;

(d)

kull persuna li tidħol fi jew toħroġ minn stabbilimenti fiż-żona ta' sorveljanza għandha tosserva miżuri xierqa ta' bijosigurtà maħsuba biex irażżnu t-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur;

(e)

vetturi u tagħmir użat għall-ġarr ta' tjur ta' l-irziezet u għasafar oħrajn maqbudin ħajjin, karkassi, għalf, demel, demel likwidu u mfierex u kull materjal jew sustanzi oħra li jistgħu jkunu kontaminati, jitnaddfu u jiġu diżinfettati mingħajr dewmien wara l-kontaminazzjoni skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali;

(f)

l-ebda tjur ta' l-irziezet, għasafar oħrajn maqbudin jew mammiferi ta' speċi domestiċi ma jistgħu jidħlu fi jew joħorġu minn stabbiliment fejn jinżammu tjur ta' l-irziezet mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti. Din ir-restrizzjoni m'għandhiex tapplika għal mammiferi li għandhom aċċess biss għall-kwartieri fejn jgħixu l-bnedmin li fihom huma:

(i)

m'għandhom l-ebda kuntatt mat-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin residenti, jew

(ii)

m'għandhom aċċess għal ebda gaġeġ jew żoni fejn it-tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin residenti jinżammu;

(g)

kwalunkwe żjieda fil-mard jew fil-mortalità jew tnaqqis sinifikanti fid-data tal-produzzjoni fl-istabbilimenti hija rappurtata minnufih lill-awtorità kompetenti, li għandha tagħmel l-investigazzjonijiet xierqa skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali;

(h)

it-tneħħija jew it-tixrid ta' mfierex użat, demel, jew demel likwidu huwa pprojbit kemm-il darba ma jiġix awtorizzat mill-awtorità kompetenti; il-moviment tad-demel jista' jiġi awtorizzat minn stabbiliment li jinsab fiż-żona ta' sorveljanza taħt miżuri ta' bijosigurtà lejn impjant magħżul għat-trattament jew għall-ħażna intermedja għat-trattament sussegwenti biex tinqered il-possibbiltà ta' preżenza ta' viruses ta' l-influwenza tat-tjur, skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(i)

fieri, swieq, wirjiet jew laqgħat oħrajn ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin huma pprojbiti;

(j)

tjur ta' l-irziezet għat-tgħammir mill-ġdid ta' tjur tal-kaċċa m'għandhomx jinħelsu.

L-Artikolu 26

Tul ta' żmien tal-miżuri

Il-miżuri previsti fl-Artikolu 25 għandhom jinżammu għallinqas għal 30 jum wara d-data ta' tlestija tat-tindif u d-diżinfettar preliminari fl-istabbiliment infettat skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

L-Artikolu 27

Miżuri li għandhom jiġu applikati f'żoni aktar ristretti

1.   L-awtorità kompetenti tista' tipprovdi li xi wħud jew il-miżuri kollha previsti fl-Artikoli 13 sa 26 għandhom japplikaw fiż-żoni aktar ristretti previsti fl-Artikolu 11(4) (“iż-żoni aktar ristretti”).

2.   L-awtorità kompetenti tista', fejn l-informazzjoni epidemjoloġika jew evidenza oħra tindika, timplimenta programm ta' qirda preventiva, inkluża l-qatla preventiva jew il-qtil ta' tjur ta' l-irziezet jew għasafar oħrajn maqbudin, fi stabbilimenti u żoni f'riskju, skond il-kriterji ta' l-Anness IV għad-Direttiva 2005/94/KE, li jinsabu f'żoni aktar ristretti.

It-tgħammir mill-ġdid ta' dawk l-istabbilimenti għandu jsir skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti.

3.   L-Istati Membri li japplikaw il-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

L-Artikolu 28

Testijiet fil-laboratorju u miżuri oħrajn dwar majjali u speċi oħrajn

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li wara li jkun ikkonfermat l-HPAI fi kwalunkwe stabbiliment, testijiet tal-laboratorju xierqa għandhom isiru fuq kull majjal preżenti fl-istabbiliment biex ikun ikkonfermat jew eskluż li dawk il-majjali huma, jew kienu, infettati bil-virus ta' l-influwenza tat-tjur b'livell patoġeniku għoli.

L-ebda majjal m'għandu jiġi mċaqlaq mill-istabbiliment sakemm jaslu r-riżultati ta' dawk it-testijiet.

2.   Fejn it-testijiet tal-laboratorju previsti fil-paragrafu 1 jikkonfermaw sejbiet pożittivi għall-viruses ta' l-HPAI fil-majjali, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-moviment ta' dawk il-majjali lejn stabbilimenti oħra tal-majjali jew lejn biċċeriji magħżula, kemm-il darba testijiet xierqa sussegwenti jkunu wrew li r-riskju tat-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur huwa negliġibbli.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li fejn it-testijiet tal-laboratorju previsti fil-paragrafu 1 jikkonfermaw theddida serja għas-saħħa, il-majjali jinqatlu mill-aktar fis possibbli taħt superviżjoni uffiċjali u b'tali mod li jitrażżan it-tixrid tal-virus ta' l-influwenza tat-tjur, b'mod partikolari matul il-ġarr, u skond id-Direttiva 93/119/KEE (7).

4.   L-awtorità kompetenti tista', wara l-konferma ta' l-influwenza tat-tjur fi kwalunkwe stabbiliment, u fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju, tapplika l-miżuri previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 fuq kull mammiferu ieħor preżenti fl-istabbiliment u tista' testendi dawk il-miżuri fuq stabbilimenti li kellhom kuntatt.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali bir-riżultati tat-testijiet u l-miżuri applikati skond il-paragrafi 1 sa 4.

6.   L-awtorità kompetenti tista', wara l-konferma tal-virus HPAI fil-majjali jew f'kull mammiferu ieħor fi kwalunkwe stabbiliment, tagħmel sorveljanza biex tidentifika u tapplika miżuri biex trażżan tixrid ulterjuri ta' l-HPAI fi speċi oħrajn.

L-Artikolu 29

Ripopolazzjoni ta' l-istabbilimenti

1.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu huma osservati, wara l-applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-Artikolu 7.

2.   Ir-ripopolazzjoni ta' stabbilimenti kummerċjali ta' tjur ta' l-irziezet m'għandux isir għall-perjodu ta' 21 jum wara d-data tat-tlestija tat-tindif u d-diżinfettar finali skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

3.   Il-miżuri li ġejjin għandhom jitwettqu matul perjodu ta' 21 jum wara d-data tar-ripopolazzjoni ta' l-istabbilimenti kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet:

(a)

it-tjur ta' l-irziezet għandu jsirilhom għallinqas eżami kliniku wieħed magħmul mill-veterinarju uffiċjali. L-eżami kliniku, jew jekk isir iktar minn wieħed, l-eżami kliniku finali, isir kemm jista' jkun qrib it-tmiem tal-perjodu ta' 21 jum imsemmi aktar 'il fuq;

(b)

it-testijiet tal-laboratorju jsiru skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti;

(ċ)

tjur ta' l-irziezet li jmutu matul il-fażi ta' ripopolazzjoni jiġu ttestjati skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti;

(d)

kull persuna li tidħol fi jew toħroġ minn stabbiliment kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet għandha tosserva miżuri xierqa ta' bijosigurtà maħsuba biex irażżnu t-tixrid ta' l-influwenza tat-tjur;

(e)

matul il-fażi ta' ripopolazzjoni l-ebda tjur ta' l-irziezet m'għandhom joħorġu mill-istabbiliment kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet mingħajr l-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti;

(f)

is-sid għandu jżomm dokumentazzjoni fuq id-data tal-produzzjoni, inkluża data dwar il-mard u l-mortalità, li trid tkun aġġornata regolarment;

(g)

kull tibdil sinifikanti fid-data tal-produzzjoni, kif imsemmi fil-punt (f), u anormalitajiet oħrajn għandhom ikunu rrappurtati minnufih lill-awtorità kompetenti.

4.   Fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju, l-awtorità kompetenti tista' tordna li l-proċeduri previsti fil-paragrafu 3 jiġu applikati fi stabbilimenti barra dawk l-istabbilimenti kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet jew fuq speċi oħrajn fi stabbiliment kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet.

5.   Ir-ripopolazzjoni tat-tjur ta' l-irziezet fi stabbilimenti li kellhom kuntatt għandha ssir skond l-istruzzjonijiet ta' l-awtorità kompetenti bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju.

L-Artikolu 30

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2007.

L-Artikolu 31

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-14 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 167, 22.6.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Verżjoni kkoreġuta ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni kkoreġuta ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3.

(5)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(7)  ĠU L 340, 31.12.1993, p. 21. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1/2005 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).