31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

429


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-14 ta’ Marzu 2006

li tinnotifika lill-Ġermanja, skond l-Artikolu 104(9) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa meħtieġa sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv

(2006/344/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 104(9) tat-Trattat,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 104(1) tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi tal-gvern sodi bħala mezz għat-tisħiħ tal-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tħaffif u l-kjarifika ta’ l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (1).

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u ta' Tkabbir (2) tistieden solennement lill-partijiet kollha, jiġifieri l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni, biex jimplimentaw it-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u ta' Tkabbir b’mod strett u fil-ħin.

(4)

Bid-Deċiżjoni 2003/89/KE (3), il-Kunsill iddeċieda, skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, li fil-Ġermanja jeżisti defiċit eċċessiv.

(5)

Skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill indirizza Rakkomandazzjoni lill-Ġermanja fil-21 ta’ Jannar 2003, li ssejjaħ lill-Ġermanja biex iġġib fit-tmiem id-defiċit eċċessiv malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2004. Ir-rakkomandazzjoni saret pubblika. Kif kien iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Diċembru 2004, li l-Kunsill qabel magħha fit-18 ta' Jannar 2005, fid-dawl taċ-ċirkostanzi uniċi maħluqa mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat-13 ta' Lulju 2004, is-sena 2005 għandha tkun ikkunsidrata bħala l-iskadenza rilevanti għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

(6)

Id-defiċit tal-gvern ġenerali fil-Ġermanja ilu 'l fuq sewwa mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3 %-tal-PGD sa mill-2002. Il-proporzjon dejn-għall-PGD żdied minn taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 60 % tal-PGD għal 69 % tal-PGD pproġettat fl-2006.

(7)

Skond id-data pprovduta mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern ġenerali fil-Ġermanja ammonta għal 3,3 % tal-PGD fl-2005. Din id-data, sakemm issir valutazzjoni ulterjuri tal-kwalità tagħhom, hija bbażata fuq notifika proviżorja mill-Ġermanja skond ir-Regolament (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea (4), ippreżentata lill-Kummissjoni fl-24 ta' Frar 2006. Barra minn hekk, abbażi ta' informazzjoni attwalment disponibbli, meta jitqiesu tal-pjanijiet baġitarji adottati s'issa mill-gvern Ġermaniż, id-defiċit tal-gvern ġenerali ser jibqa' 'l fuq mill-valur ta' referenza tat-Trattat fl-2006 wkoll li jikkonferma li d-defiċit eċċessiv ma ġiex ikkoreġut.

(8)

Skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jekk tagħrif attwali skond ir-Regolament (KE) Nru 3605/93 jindika li defiċit eċċessiv ma ġiex ikkoreġut minn Stat Membru li jipparteċipa fil-limiti taż-żmien speċifikati f'rakkomandazzjoni maħruġa taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, il-Kunsill għandu immedjatament jieħu deċiżjoni taħt l-Artikolu 104(9) tat-Trattat li tinnotifika lill-Istat Membru biex jieħu, f'limitu ta' żmien speċifikat, miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit li huwa kkunsidrat meħtieġ mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

(9)

Il-previżjoni tal-ħarifa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni pproġettat id-defiċit ta' l-2005 għal 3,9 % tal-PGD (5). Fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni pproġettat id-defiċit tal-gvern ġenerali għal 3,7 % u 3,3 % tal-PGD fl-2006 u l-2007 rispettivament. It-tkabbir reali tal-PGD kien ipproġettat għal 0,8 % fl-2005, 1,2 % fl-2006 u 1,6 % fl-2007, bid-differenza fil-produzzjoni li ma tkoprix kompletament il-perijodu ta' previżjoni. F'dan l-isfond, u fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika li għadha fraġli, il-gvern Ġermaniż, wara l-elezzjonijiet tat-18 ta' Settembru 2005 fassal strateġija biex iġib id-defiċit tal-gvern ġenerali taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat sa l-2007. Il-gvern beda jimplimenta din l-istrateġija ta' konsolidament f'Diċembru 2005, bl-adozzjoni ta' l-ewwel miżuri previsti fiha. Fit-22 ta' Frar 2006, il-gvern adotta l-abbozz ta' baġit federali għall-2006 u, notevolment, adotta wkoll l-abbozz ta' liġi biex jgħolli r-rata ċentrali tal-VAT minn 16 % għal 19 % mill-1 ta' Jannar 2007.

(10)

Fit-22 ta' Frar 2006, l-Uffiċċju Statistiku Federali ħareġ il-figuri għat-tkabbir tal-PGD u d-defiċit tal-gvern ġenerali fl-2005, għal 0,9 % u 3,3 % tal-PGD rispettivament. Id-differenza fir-rigward tal-previżjoni tal-ħarifa tas-Servizzi tal-Kummissjoni tista' tinstab fil-biċċa l-kbira fi dħul aħjar milli mistenni lejn it-tmiem ta' l-2005. Il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni, ippubblikata fil-21 ta' Frar 2006, tipproġetta li l-PGD reali jikber b'1,5 % fl-2006, li huwa kemmxejn 'il fuq mir-rata ta' tkabbir ta' potenzjalità baxxa. Għandu jiġi nnotat li din il-proġezzjoni hija mxaqilba 'l fuq minħabba r-risposta ta' domanda domestika preventiva mistennija għaż-żieda ppjanata fir-rata tal-VAT. Meta jitqiesu ta' l-effetti ekonomiċi sussegwenti, it-tkabbir tal-PGD fl-2007 huwa attwalment mistenni li jkun qrib il-1 %. B'mod konformi mal-previżjoni makroekonomika ta' hawn fuq, id-defiċit nominali huwa mistenni li jibqa' ftit 'il fuq minn 3 % tal-PGD fl-2006, iżda li jaqa' b'mod ċar taħt il-valur ta' referenza fl-2007. Wara titjib ta' ftit inqas minn 0,5 % bejn l-2004 u l-2005, id-defiċit strutturali (jiġifieri d-defiċit f'termini aġġustati ċiklikament, nett minn miżuri ta’ darba u temporanji) huwa proġettat mis-servizzi tal-Kummissjoni li jibqa' b'mod ġenerali kif inhu bħala perċentwali tal-PGD bejn l-2005 u l-2006 u li jonqos b'ta' l-inqas 1 % tal-PGD fl-2007.

(11)

Il-fatturi li ġejjin għandhom jittieħdu f'konsiderazzjoni fl-istabbiliment ta' l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. L-ewwel, l-aġġustament baġitarju li qed ikun implimentat huwa inkorporat fi strateġija komprensiva mal-miżuri ppjanati diġà fi stadju avvanzat sewwa tal-proċess ta' adozzjoni, li tnaqqas l-inċertezza fir-rigward ta' l-effettività tal-konsolidazzjoni. Dawn il-miżuri huma ta' natura strutturali u ma jinkludux miżuri ta' darba. It-tieni, l-effetti limitati f'termini ta' tnaqqis tad-defiċit strutturali mistennija fl-2006 jirriflettu, ta' l-inqas parzjalment, il-fatt li uħud mill-miżuri diġà implimentati ser jipproduċu riżultati biss b'dewmien. It-tielet, aġġustament strutturali ta' mill-inqas 1 % tal-PGD fl-2006 u l-2007 ppjanat mill-gvern jista' jiġi kkunsidrat bħala konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' l-SGP, inkluż it-titjib annwali meħtieġ għall-bilanċ aġġustat ċiklikament nett minn miżuri ta’ darba u temporanji ta' mill-inqas 0,5 % tal-PGD bħala punt ta' referenza. B'bażi fuq il-previżjoni makroekonomika ġenerali deskritta fil-premessa 10, tali aġġustament, li jeħtieġ li jkun implimentat b'mod rigoruż ikun biżżejjed biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod permanenti u sostenibbli.

(12)

Fid-dawl ta' dawn il-fatturi, jidher li d-defiċit eċċessiv għandu jkun ikkoreġut sa mhux aktar tard mill-2007. Il-punt ta' referenza ta' titjib annwali ta' 0,5 % tal-PGD fil-bilanċ strutturali għandu jiġi rrispettat f'termini kumulattivi fl-2006 u l-2007.

(13)

Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(9) tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Ġermanja biex tissottometti rapporti skond skeda ta' żmien speċifika biex ikunu eżaminati l-isforzi ta’ aġġustament li saru biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Ġermanja għandha tissottometti rapport lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Lulju 2006, li jiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni baġitarja tal-miżuri, li tikkwantifika l-effetti tagħhom fuq l-eżitu baġitarju kemm fl-2006 u l-2007, biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv u analizzati r-riskji possibbli assoċjati max-xenarju makroekonomiku mistennija. Il-Kummissjoni ser tevalwa dan ir-rapport bil-ħsieb li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Il-Ġermanja għandha tissottometti aktar rapporti konformi ma' l-iskadenzi għar-rappurtar ta' l-iżbilanċi u dejn tal-gvern previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 3605/93.

(14)

Il-miżuri ta' aġġustament għandhom jassiguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ tal-gvern ġenerali. Sabiex tiġi żgurata konsolidazzjoni baġitarja sostnuta lejn l-objettiv ta' nofs it-term tal-Ġermanja ta' baġit ibbilanċjat f'termini strutturali, huwa meħtieġ tnaqqis fid-defiċit strutturali ta' mill-inqas 0,5 % tal-GDP kull sena, wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Ġermanja għandha ttemm is-sitwazzjoni attwali ta' defiċit eċċessiv malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-2007.

2.   Fl-2006 u l-2007, il-Ġermanja għandha tiżgura titjib kumulattiv fil-bilanċ aġġustat ċiklikament tagħha, nett minn miżuri ta’ darba u temporanji b’mill-inqas punt perċentwali.

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Lulju 2006, li jiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni ser tevalwa dan ir-rapport bil-ħsieb li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

2.   Il-Ġermanja għandha tippreżenta aktar rapporti lill-Kummissjoni sa l-1 ta' Ottubru 2006, l-1 ta' April 2007, l-1 ta' Ottubru 2007 u l-1 ta' April 2008, li jeżaminaw il-progress li sar biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-Ġermanja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-konsolidazzjoni baġitarja lejn l-objettiv ta' nofs it-term tagħha ta' baġit ibbilanċjat f'termini strutturali, tiġi sostnuta permezz ta' tnaqqis fid-defiċit strutturali ta' mill-inqas 0,5 % tal-PGD kull sena, wara li d-defiċit eċċessiv ikun ġie kkoreġut.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Marzu 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. GRASSER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(2)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.

(3)  ĠU L 34, 11.2.2003, p. 16.

(4)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

(5)  Dan kien b'mod ġenerali konformi mal-figura notifikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-1 ta' Settembru 2005 (3,7 % tal-PGD), id-differenza prinċipali tirriżulta mis-sikurizzazzjoni li twettqet mill-uffiċċju tal-pensjonijiet għal impjegati ċivili ta' l-uffiċċji postali ta' qabel, li ma ġietx ittrattata bħala li tnaqqas id-defiċit fil-previżjoni tal-ħarifa.