8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

363


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-1 ta' Marzu 2006

li tistipula r-regoli, taħt ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-użu tal-logo ta' l-EMAS fil-każijiet eċċezzjonali ta' l-imballaġġ għat-trasport u l-imaballaġġ terzjarju

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 306)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/193/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar ta' l-ambjent u verifika (EMAS) (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-logo ta' l-EMAS jindika lill-pubbliku u lil partijiet interessati oħra li l-organizzazzjoni irreġistrata ma' l-EMAS stabbiliet sistema ta' immaniġġjar ambjentali f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 761/2001.

(2)

Il-logo ta' l-EMAS ma jistax jintuża fuq prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet komparattivi marbuta ma prodotti, attivitajiet jew servizzi oħra. Madankollu, bħala parti mill-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001, il-Kummissjoni għandha tqis taħt liema ċirkostanzi eċċezzjonali jista' jintuża l-logo ta' l-EMAS.

(3)

Ċerti organizzazzjonijiet irreġistrati ma' l-EMAS urew interess fl-użu tal-logota' l-EMAS fuq l-imballaġġ tat-trasport jew l-imballaġġ terzjarju tagħhom, bħala mod effettiv ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni ambjentali lill-partijiet interessati.

(4)

Il-valutazzjoni, imwettqa skond l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, dwar l-użu, ir-rikonoxximent u l-interpretazzjoni tal-marka, ikkonkludiet li l-każ ta' l-imballaġġ tat-trasport u l-imballaġġ terzjarju, kif definit fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (2), hija ċirkostanza eċċezzjonali kif prevista mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001, peress li imballaġġ bħal dawn mhux marbut direttament mal-prodotti u għalhekk l-użu tal-marka ta' l-EMAS fuq imballaġġ bħal dan huwa permess.

(5)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li m'hemm l-ebda possibbiltà għal konfużjoni ma' tikketti ta' prodotti ambjentali u sabiex jiġi kkomunikat biċ-ċar lill-pubbliku u lil partijiet interessati oħra li l-użu tal-logo ma hu bl-ebda mod marbut mal-prodotti jew karatteristiċi tal-prodotti ppakkjati fl-imballaġġ tat-trasport jew l-imballaġġ terzjarju iżda għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali applikata mill-organizzazzjoni reġistrata, għandha tiżdied informazzjoni addizzjonali mal-logo.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 761/2001,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Organizzazzjoni rreġistrati ma' l-EMAS jistgħu jużaw iż-żewġ verżjonijiet tal-logo ta' l-EMAS stipulati fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 761/2001 fuq l-imballaġġ tat-trasport jew il-imballaġġ terzjarju fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62/KE.

F'każijiet bħal dawn, il-marka ta' l-EMAS għandha tkun akkumpanjata mit-test li ġej: “[Isem l-organizzazzjoni rreġistrata ma' l-EMAS] hija organizzazzjoni rreġistrata taħt l-iskema Komunitarja għall-Immaniġġjar u l-Verifika Ambjentali)”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 114, ta' l-24.4.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 196/2006 (ĠU L 32, 4.2.2006, p. 4).

(2)  ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 10. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2005/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 17).