8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

309


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-24 ta' Frar 2006

dwar l-introduzzjoni ta' tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja u dispożizzjonijiet relatati għall-movimenti fl-Olanda

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 630)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(2006/147/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar, li tikkawża mwiet u disturbi li malajr jistgħu jiksbu daqs epiżootiku li kapaċi jkunu ta' theddida serja għas-saħħa ta' l-annimali kif ukoll, taħt ċerti ċirkostanzi, lis-saħħa umana. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered lejn stabbilimenti oħra u b'hekk jitnaqqas il-qligħ mit-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet, lejn għasafar selvaġġi u minn Stat Membru wieħed għal Stati Membri oħra u lil pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ internazzjonali fi tjur ħaj u l-prodotti tiegħu.

(2)

Il-virus A ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 ġie iżolat mit-tjur selvaġġ f'ċerti partijiet tal-Komunità u f'pajjiżi terzi ġirien tal-Komunità jew b'popolazzjoni ta' għasafar li jpassu fix-Xitwa. Il-probabilità li l-virus jiddaħħal ma' l-għasafar selvaġġi qed tiżdied matul l-istaġun tal-passa li jmiss.

(3)

Fit-territorju kollu ta' l-Olanda, hemm fis-seħħ sistemi ta' individwazzjoni bikrija u miżuri fil-qasam tal-bijosigurtà biex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni ta' l-influwenza tat-tjur għall-qatgħat tat-tjur ta' l-irziezet.

(4)

Fl-opinjoni tagħha dwar “Animal health and welfare aspects of avian influenza” ta' l-20 ta' Settembru 2005 l-Grupp ta' Esperti Xjentifiċi fis-Saħħa u l-Benessri ta' l-annimali ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA) jirrakkomanda li tilqim preventiv jista' jitqies jekk jiġi identifikat riskju kbir li jiddaħħal il-virus f'żoni tat-trobbija tat-tjur b'popolazzjoni għolja. Matul epidemija ta' l-influwenza tat-tjur dejjem hemm riskju sinifikanti li għasafar pets u dawk ta' delizzju jibqgħu mistoħbija u jikkonsistu f'riskju kontinwu ta' infezzjoni. Din l-okkorrenza għandha titqies, u minflok ma jinqatlu bil-massa, tista' tkun rakkomandata politika ta' iktar sorveljanza u bijosigurtà. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bħala alternattiva l-kwarantina u t-tilqim għal dawk it-tipi ta' għasafar. Madankollu, din il-prattika m'għandhiex tikkomprometti l-miżuri stretti fil-qasam tal-bijosigurtà u oħrajn li għandhom ikunu fis-seħħ f'dawk iż-żoni bil-għan li jeqirdu kwalunkwe introduzzjoni ta' virus. Partikolarment, it-tilqim jista' jiġi applikat f'qatgħat li s-sistemi ġenerali ta' ġestjoni tagħhom li jintużaw, ma jħallux l-għasafar milli jibqgħu permanentement ġewwa jew biżżejjed protetti kontra l-kuntatti ma' għasafar selvaġġi.

(5)

Fil-21 ta' Frar 2006, l-Olanda ressqet pjan għat-tilqim preventiv għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tar-riskju partikolari li tidħol l-influwenza tat-tjur fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni eżaminat minnufih dan il-pjan f'kollaborazzjoni ma' l-Olanda u tqis li wara ċerti adattamenti l-pjan hu konformi mad-dispożizzjonijiet Komunitarji relevanti. Għalhekk, jidher li hu xieraq li l-pjan ikun approvat.

(6)

Għandhom jintużaw biss vaċċini awtorizzati skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (2) jew ir-Regolament Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (3).

(7)

Meta t-tilqim preventiv isir fl-Olanda għandu jkun implimentat monitoraġġ ta' qatgħat ta' tjur ta' l-irziezet imlaqqma jew mhux imlaqqma u r-restrizzjonijiet tal-movimenti ta' għasafar imlaqqma.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fl-Olanda fejn it-tilqim preventiv isir f'ċerti stabbilimenti għat-tjur ta' l-irziezet f'riskju partikolari li tidħol l-infezzjoni inklużi r-restrizzjonijiet għall-movimenti ta' tjur ta' l-irziezet imlaqqam u l-prodotti dderivati minnu.

2.   Għall-għan ta' din id-Deċiżjoni, flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“tjur domestiku” tfisser tiġieġ, papri, dundjani u wiżż li jinżammu mis-sidien tagħhom:

(i)

għall-konsum jew użu għalihom stess; jew

(ii)

bħala pets.

(b)

“tiġieġ li jbid b'mod organiku” u “tiġieġ li jbid li jinżamm fil-miftuħ” tfisser tiġieġ li jbid hekk kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE (4) tat-30 ta' Jannar fuq ir-reġistrazzjoni tan-negozji stabbiliti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbid, koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE li għandhom aċċess għal spazji fil-miftuħ.

Artikolu 2

Approvazzjoni tal-programm ta' tilqim

1.   Il-pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja, imressaq lill-Kummissjoni mill-Olanda fil-21 ta' Frar 2006, huwa approvat (“il-pjan għat-tilqim preventiv”).

Skond “il-pjan għat-tilqim preventiv” it-tilqim preventiv kontra l-influwenza tat-tjur H5N1 għandu jsir b'vaċċin eterologu inattivat tas-sottotip H5 ta' l-influwenza tat-tjur jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fil-każ ta' tiġieġ li jbid b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ b'vaċċin bivalenti li fih iż-żewġ sottotipi H5 u H7 ta' l-influwenza tat-tjur awtorizzati mill-Olanda f'tjur domestiku, tiġieġ li jbidu b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ fit-territorju kollu ta' l-Olanda.

2.   Kif stipulat fil-“pjan għat-tilqim preventiv”, għandu jsir monitoraġġ u sorveljanza intensivi fuq tjur domestiku u fil-qatgħat ta' tiġieġ li jbid b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ fejn it-tilqim preventiv qed isir.

3.   Il-pjan għat-tilqim preventiv għandu jiġi implimentat b'mod effiċjenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan għat-tilqim preventiv.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet għall-movimenti ta' tjur ta' l-irziezet ħaj, bajd għall-ikel, laħam frisk tat- tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam

Id-dispożizzjonijiet għall-movimenti ta' tjur ta' l-irziezet ħaj li ġej u/jew joriġina minn stabbilimenti fejn isir it-tilqim preventiv u dwar il-movimenti ta' bajd għall-ikel, laħam frisk tat-tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam idderivati minn tjur ta' l-irziezet imlaqqam skond “il-pjan għat-tilqim preventiv” għandhom japplikaw skond l-Artikoli 4 sa 11 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet għall-movimenti u l-bgħit ta' tjur domestiku ħaj u tjur ta' l-irziezet ta' ġurnata u bajd għat-tfaqqis idderivat minn dan it-tjur ta' l-irziezet

L-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi li:

1.

Tjur domestiku mlaqqam għandu jkun identifikat individwalment u jista' jkun imċaqlaq biss lejn stabbilimenti domestiċi mlaqqma oħra fl-Olanda skond “il-pjan għat-tilqim preventiv” li jirrikjedi li dawn il-movimenti jkunu reġistrati.

2.

Ebda tajra domestika mlaqqma u ebda tajra ta' ġurnata u bajd tat-tfaqqis li joriġinaw minn dan it-tjur ta' l-irziezet jista' jkunu mċaqalqa lejn stabbilimenti kummerċjali tat-tjur ta' l-irziezet fl-Olanda jew mibgħuta lejn Stat Membru ieħor.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet għall-movimenti u l-bgħit ta' tiġieġ ħaj li jbid b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ

L-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi li tiġieġ ħaj u mlaqqam li jbid b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ jista' jkun imċaqlaq biss lejn stabbilimenti oħra biss fejn qed isir it-tilqim jew lejn biċċerija għall-qatla immedjata fl-Olanda u ma jistax jintbagħat mill-Olanda.

Artikolu 6

Ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ intra-Komunitarju f'tjur ta' l-irżiezet ħaj, tjur ta' l-irziezet ta' ġurnata u l-bajd tat-tfaqqis

Iċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ intra-Komunitarju fi tjur ta' l-irżiezet ħaj, tjur ta' l-irziezet ta' ġurnata u l-bajd tat-tfaqqis mill-Olanda għandu jinkludi dawn il-kliem:

“Il-konsenja tikkonsisti minn tjur ta' l-irziezet ħaj/tjur ta' l-irziezet ta' ġurnata/bajd tat-tfaqqis li joriġina minn stabbilimenti fejn ebda tilqima ma saret kontra l-influwenza tat-tjur.”

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet għall-bajd għall-ikel li jintbagħat

L-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi li l-bajd għall-ikel li ġej u/jew li joriġina minn stabbilimenti għat-tiġieġ li jbid b'mod organiku u dak li jinżamm fil-miftuħ li fihom qed isir it-tilqim preventiv jintbagħat biss mill-Olanda bil-kundizzjoni li l-bajd għall-ikel:

(a)

jiġi minn tjur ta' l-irziezet li joriġina minn qatgħat li ġew spezzjonati u ttestjati regolarment b'riżultati negattivi għall-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja skond “il-pjan għat-tilqim preventiv” b'attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella; kif ukoll

(b)

huwa direttament trasportat:

(i)

lejn ċentru ta' l-ippakkjar deżinjat mill-awtorità kompetenti bil-kundizzjoni li jkun ippakkjat f'pakketti li jistgħu jintremew u li l-miżuri kollha meħtieġa mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-bijosigurtà jkunu applikati; jew

(ii)

lejn stabbiliment għall-produzzjoni ta' prodotti tal-bajd hekk kif inhu stabbilit fil-Kapitolu II tat-Taqsima X ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 (5) biex ikun immaniġġjat u ttrattat skond il-Kapitolu XI ta' l-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 (6);

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet għall-bgħit ta' laħam frisk tat-tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi li l-laħam frisk idderivat minn tiġieġ imlaqqam li jbid b'mod organiku u l-qatgħat ta' tiġieġ li jbid li jinżamm fil-miftuħ jintbagħat mill-Olanda bil-kundizzjoni li jiġi minn tjur ta' l-irziezet li:

(a)

joriġina minn qatgħat li ġew spezzjonati u ttestjati regolarment b'riżultati negattivi għall-influwenza tat-tjur H5N1 b'patoġeniċità għolja skond “il-pjan għat-tilqim preventiv” b'attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella;

(b)

joriġina minn qatgħat li ġew spezzjonati klinikament minn veterinarju uffiċjali fi żmien 48 siegħa qabel it-tagħbija, b'attenzjoni partikolari għall-għasafar sentinella;

(ċ)

jinżamm separat minn qatgħat oħra li ma jikkonformawx ma' dan l-Artikolu; kif ukoll

(d)

il-laħam ġie prodott skond l-Anness II u t-Taqsimiet II u III ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kkontrollat skond it-Taqsimiet I, II, III, u l-Kapitoli V u VII tat-Taqsima IV ta' l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 854/2004 (7);

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiggarantixxi li l-laħam ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-laħam isseparat mekkanikament u l-prodotti tal-laħam li fihom laħam idderivat minn qatgħat imlaqqma li jbidu b'mod organiku u qatgħat li jbidu li jinżammu fil-miftuħ jintbagħtu biss mill-Olanda jekk il-laħam jikkonforma mal-paragrafu (1) u prodott skond it-Taqsimiet V u VI ta' l-Anness III mar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 9

Dokumenti kummerċjali għal-laħam frisk tat-tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam

L-Olanda għandha tiggarantixxi li l-laħam frisk tat-tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament u prodotti tal-laħam li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 huma akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara:

“Il-konsenja tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/147/KE”.

Artikolu 10

Informazzjoni lill-Istati Membri

L-Olanda għandha tinforma minn qabel l-awtorità veterinarja ċentrali fl-Istat Membru li se jaslulu l-konsenji msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 11

Ħasil u diżinfezzjoni tal-pakkettjar u mezzi tat-trasport

L-Olanda għandha tiggarantixxi li fl-istabbilimenti fejn isir it-tilqim preventiv il-mezzi kollha ta' trasport li jintużaw għat-trasport ta' tjur tal-irziezet ħaj, laħam frisk tat-tjur ta' l-irziezet, laħam ikkapuljat, preparazzjonijiet tal-laħam, laħam isseparat mekkanikament, prodotti tal-laħam u għalf tat-tjur jitnaddfu u jiġu diżinfettati minnufih qabel u wara kull trasport bid-diżinfettanti u l-metodi ta' l-użu approvati mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 12

Penali

L-Olanda għandha tistabbilixxi regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċji, propozjonati u diżwassivi. L-Olanda għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'dawk id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mis-7 ta' Marzu 2006 u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'kwalunkwe emenda li tagħmel fihom.

Artikolu 13

Rapporti

L-Olanda għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li fih informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data ta' l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u, mis-7 ta' Marzu 2006, tressaq rapport kull xahar lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

Artikolu 14

Reviżjoni tal-miżuri

Il-miżuri għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta' l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-informazzjoni ġdida li tkun saret disponibbli.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda.

Magħmula fi Brussell, l-24 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

(3)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 31.1.2002, p. 44.

(5)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3.

(7)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Verżjoni korretta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83.