8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

112


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-24 ta' Jannar 2006

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ħobż tas-segala b'fitosteroli/fitostanoli miżjuda bħala ikel ġdid jew ingredjent ġdid ta' l-ikel taħt ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 42)

(It-testi Finlandiżi u Żvediżi biss huma awtentiċi)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2006/58/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda (1), u partikolarment l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Settembru 2001 Pharmaconsult Oy Ltd. (qabel magħrufa bħala Multibene Oy Ltd.) talbet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Finlandja biex tqiegħed ikel bil-fitosteroli miżjuda fuq is-suq bħala ikel ġdid jew ingredjent ġdid ta' l-ikel;

(2)

Fis-17 ta' Jannar 2002 l-awtoritajiet kompetenti tal-Finlandja ħarġu r-rapport ta' valutazzjoni inizjali tagħhom,

(3)

Fir-rapport ta' valutazzjoni inizjali tagħhom, l-korp kompetenti Finlandiż dwar il-valutazzjoni tas-sigurtà ta' l-ikel wasal għall-konklużjoni li l-fitosteroli/stanoli huma tajbin għall-konsum tal-bniedem;

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali lil kull Stat Membru fil-5 ta' Marzu 2002;

(5)

Fil-perjodu ta' 60 ġurnata stipulat fl-Artikolu 6 (4) tar-Regolament, tressqu oġġezzjonijiet raġunati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti f'konformità ma' dik id-dispożizzjoni;

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF) fl-opinjoni tiegħu “Ħarsa ġenerali fuq l-effetti fit-tul ta' konsum elevat ta' fitosteroli minn ħafna għejun tad-dieta, b'mod partikolari għall-effetti fuq il-ß-carotene” tas-26 ta' Settembru 2002 indika li m'hemmx evidenza ta' benefiċċji addizzjonali fil-konsum ta' għola minn 3 g/jum u li l-konsum għoli jaf iwassal għal effetti mhux mixtieqa u li għalhekk kien ikun iktar prudenti li jiġi evitat il-konsum ta' l-isteroli tal-pjanti ta' aktar minn 3 g/jum;

(7)

Minbarra dan, l-SCF, fl-opinjoni tiegħu tal-4 ta' April 2003 dwar applikazzjonijiet għal approvazzjoni ta' ikel arrikkit bl-isteroli tal-pjanti, reġa' tenna t-tħassib tiegħu dwar l-effetti ta' konsum kumulattiv minn firxa wiesa' ta' ikel bil-fitosteroli miżjuda. Madankollu, fl-istess waqt, l-SCF ikkonferma li ż-żieda tal-fitosteroli lil firxa wiesa' ta' prodotti tal-ħobż kien sigur;

(8)

Sabiex jindirizza dan it-tħassib dwar il-konsum kumulattiv tal-fitosteroli/fitostanoli minn prodotti differenti, il-Pharmaconsult Oy konsegwentement qablet li tirriduċi l-applikazzjoni oriġinali għal ħobż tas-segala biss.

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (2). li għandu x'jaqsam ma' l-ittikettjar ta' ikel u ingredjenti ta' l-ikel b'fitosteroli, phytosterol, esteri, -fitostanoli u/jew esteri tal-fitostanoli miżjuda jiżgura li l-konsumatur jirċievi l-informazzjoni neċessarja sabiex jevita l-konsum eċċessiv ta' fitosteroli addizzjonali;

(10)

Il-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali ma tax opinjoni favorevoli; il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta lill-Kunsill fit-22 ta' Awwissu 2005 skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (3), bil-Kunsill obbligat li jaġixxi fi żmien tliet xhur.

(11)

Madankollu, il-Kunsill ma aġixxiex fiż-żmien meħtieġ; issa trid tiġi adottata Deċiżjoni mill-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ikel u ingredjenti ta' l-ikel kif deskritti fl-Anness 1 b'fitosteroli/fitostanoli miżjuda kif speċifikati fl-Anness 2 minn hawn 'il quddiem imsejħa l-prodotti, jistgħu jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità.

Artikolu 2

Il-prodotti ser jiġu ppreżentati b'tali mod li jkunu faċilment jistgħu jiġu maqsuma f' porzjonijiet li jkun fihom jew massimu ta' 3g (fil-każ ta' porzjon 1 kuljum) jew massimu ta' 1g (fil-każ ta' 3 porzjonijiet kuljum) ta' fitosteroli/fitostanoli miżjuda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Pharmaconsult Oy, Riippakoivunkuja 5, FIN — 02131 Espoo.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 43, l-14 ta' Frar 1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 97, 1.4.2004, p. 44.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

PRODOTTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Ħobż tas-segala bid-dqiq li fih ≥ 50 % segala (dqiq oħxon tas-segala, qlub maqsuma jew sħaħ tas-segala u laqx tas-segala) u ≤ 30 % qamħ; u b'≤ 4 % ta' zokkor miżjud iżda l-ebda xaħam miżjud.


ANNESS II

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TA' FITOSTEROLI U FITOSTANOLI BIEX JIŻDIEDU MA' L-IKEL U L-INGREDJENTI TA' L-IKEL

Definizzjonijiet

Il-Fitosteroli u l-fitostanoli huma steroli u stanoli li huma estratti minn pjanti u li jistgħu jiġu ppreżentati bħala steroli u stanoli ħielsa jew esterifikati b'aċidu grass ta' l-ikel.

Kompożizzjoni (bi GC-FID jew metodu ekwivalenti):

 

< 80 % β-sitosterol

 

< 15 % β-sitostanol

 

< 40 % campesterol

 

< 5 % campestanol

 

< 30 % stigmasterol

 

< 3 % brassicasterol

 

< 3 % steroli/stanoli oħrajn

Kompożizzjoni (bi GC-FID jew metodu ekwivalenti):

Il-fitosteroli u fitostanoli estratti minn sorsi għajr żejt veġetali tajjeb għall-ikel iridu jkunu ħielsa minn sustanzi li jikkontaminaw, l-aħjar assigurati permezz ta' purità ta' iktar minn 99 % ta' l-ingredjent tal-fitosterol/fitostanol.